Il-Vari Tal-Gimgha L-Kbira F'Malta

   Zejtun

Ma setax jonqos li ż-Żejtun li jinsab tefgħa ta' ġebla l’bogħod mill-Kottonera, jkun l-ewwel Parroċċa li tiddakkar mit-tradizzjoni tal-kommemorazzjoni tal-passjoni ta' Sidna Ġesu' Kristu u niesu jibdew jorganizzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Żgur li sal-1742, din kienet diġa' toħroġ mill-Knisja Parrokjali ddedikata lil Santa Katerina ta' Lixandra, Verġni u Martri.

Bħal kullimkien, il-purċissjoni fil-passat kienet ħafna aktar penitenzjali minn dik li naraw illum. Fil-fatt, sa l-aħħar gwerra, l-uniċi żewġ persunaġġi Bibliċi li kienu jieħdu sehem kienu Nikodemu u Ġużeppi ta' Arimatea. Ma kull vara kienu jimxu sett ta' fratelli u tfal lebsin iż-żimarri b'kulur differenti minn dawk ta' vara oħra. Il-fratelli kienu jerfgħu gandilabri sbieħ mixgħula bix-xemgħa waqt li t-tfal iġorru s-simboli tal-Passjoni. Il-Vara tar-Redentur kienet tiġbed warajha għadd kbir ta' Penitenti b'wicchom mgħammad ikaxkru l-ktajjen. Kien hemm ukoll it-tradizzjoni li wara l-Monument jimxu żewġt irġiel idoqqu l-vjolini u jkantaw il-'Miserere'.
 
Mill-1960 'l hawn, il-purċissjoni ħadet spinta kbira l-quddiem u nbiddlet f'pagaent b'numru kbir ta' persunaġġi Bibliċi, ċenturjuni u suldati Rumani. Żdiet bil-bosta l-armar u t-tiżjin li jintuża waqt il-purċissjoni. Jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned taż-Żejtun li jdoqqu marċi funebri u jkomplu jżidu l-atmosfera ta' niket f'dan il-jum tant għażiż għalina l-Kattoliċi. Mhux anqas minn ħames mitt ruħ jieħdu sehem f'din il-purċissjoni.
 
Għalkemm illum il-ġurnata, iż-Żejtun flimkien ma' Ħal Qormi huwa l-lokal li għandu l-akbar ammont ta' vari b'sett ta' tnax, tajjeb ngħidu li sal-1960, kont issib seba' vari biss. Minn dak iż-żmien żdiedu l-vari tat-tradiment ta' Ġuda (1961), Pilatu jippreżenta lil Ġesu' lill-Lhud (1962), il-Vara ta' Kristu mgħejun miċ-Ċirinew (1962 u mibdula riċentement), id-Depożizzjoni (1965) u Ġesu' mżeblaħ waqt il-flaġellazzjoni (1985). Fiż-Żejtun insibu forsi aktar minn postijiet oħra taħlita ta' xogħol ta' statwarji lokali u barranin. Ta' min isemmi wkoll il-bradelli u l-bankuni tal-kewba li fihom xogħol ta' interzjar sabiħ immens u li jikkumplimenta dan is-sett ta' vari. Fil-kantunieri, il-bradelli jiżżejnu bi brazzi artistiċi tal-metall abjad bi globi ħelwin li jinxtegħlu bix-xemgħa.

Il-Purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira fiz-Zejtun

Il-Gimgha 10 t'April 2009 fil-5.00pm  

 

 

 

 

L-Ort 

L-informazzjoni fuq din l-ewwel Vara taż-Żejtun hija kemmxejn skarsa. X'aktarx li hi l-eqdem vara f'din il-lokalita u l-probabbilta hi li kienet diġa teżisti qabel l-1800. Ma nafux min hu l-awtur tal-figura ta' Kristu li hi tal-kartapesta imma l-anġlu huwa xogħol aktar riċenti maħdum fl-injam mill-istatwarju Żejtuni Xandru Farrugia (1781-1871).  

It-Tradiment ta' Guda

 

 

 

 

Din il-vara tal-kartapesta nġiebet minn Lecce, l-Italja fl-1961, xogħol ta' Angelo Capoccia. Hija kopja ta' statwa tal-irħam li wieħed jista' jara fis-santwarju ta' l-Iscala Santa f'Ruma. Ta' min jgħid li din kienet it-tieni vara tat-tradiment ta' Ġuda f'Malta wara dik ta' Hal Qormi.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

                                           

Il-Marbut

 

 

l-Marbut huwa meqjus minn bosta bħalha l-aktar vara artistika fis-sett taż-Żejtun u ġie skolpit fl-injam minn Xandru Farrugia fl-1839. Ma nafux jekk dan ħax post xi vara aktar antika.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Ecce Homo - Ġesu' mżeblah wara L-Flaġellazzjoni 

 Din il-Vara artistika  nħaddmet bil-kartapesta mill-istatwarju Alfred Camilleri Cauchi fl-1985. Hadet post oħra iżgħar maħduma minn Wistin Camilleri li jiġi missier Alfred. Nafu li qabel il-vara tal-llum kien hemm mill-anqas tlieta oħra tal-istess misteru.

          

Ecce Homo - Pilatu jippreżenta lil Ġesu'  lill-Lhud 

Fiż-Żejtun insibu t-tieni vara tal-Ecce Homo li turina lil Pilatu jippreżenta lil Kristu lill-miġemgħa. Din hija Vara oħra li saret min Angelo Capoccia ta' Lecce u waslet Malta fl-1962. Hija wkoll replika ta statwa tal-irħam li hemm fl-Iscala Santa ta' Ruma.   

Ir-Redentur 

 

 

 

Din il-Vara devota hija attribwita lill-istatwarju Karlu Darmanin. Is-salib huwa xogħol ta' interzjar fil-kewba maħdum tant tajjeb miż-Żejtuni Mose' Dalmas. Il-finimenti tal-fidda huma wkoll xogħol l-istess Dalmas. Dan ir-Redentur ħa post wieħed aktar antik li wieħed għadu jista jarah f'niċċa fit-triq li miż-Żejtun tieħu għal Marsaxlokk. 

 

 

 

 

 Gesu Mghejjun Mic-Cirinew

Il-Vara l-ġdida ta' Kristu mgħejun minn Xmun ic-Cirinew inħaddmet mill-istatwarju ta' żmienna Alfred Camilleri Cauchi li dam jaħdem fuqha madwar għaxar xhur. Jidhru ukoll il-figuri żgħar ta' ulied ic-Cirinew, Rufu u Xandru u taċ-ċenturjun li qed jordna lil Xmun biex jgħin lil Kristu fit-tagħbija tas-salib. Din il-vara ħadet post dik ta' Lecce tal-1962 (ritratt isfel) li qdiemet u ntliet bis-susa.                    

 

 Il-Veronika

Hija ħasra li ma nafux min ħadem din l-istatwa artistika u meta saret. Għalkemm m'hemm xejn fiz-żgur, xi wħud jattribwixxu din il-Veronika lil Karlu Darmanin.

 Il-Vara l-Kbira

Filwaqt li l-figuri tal-Madonna, San Ġwann u l-Madalena huma xogħol Karlu Darmanin, ħadd ma jaf min fejn ġie u min ħadem il-kurċifiss li madankollu jidher antik aktar mill-istatwi li jakkumpanjawh. Ta' min jinnota li f'din il-vara, Kristu jidher diġa' mejjet u għalhekk b'rasu mmejjla l-isfel.

Id-Depożizzjoni

 

Minbarra fiż-Żejtun, ix-xena tad-Depożizzjoni nsibuha biss Hal Qormi. Din il-vara nħaddmet minn Angelo Capoccia ta' Lecce fl-1965. Hija kopja tal-famuża Pieta' ta' Michelangelo għalkemm ġew miżjuda l-figuri ta' Nikodemu u Ġuzeppi d'Arimatea.

Il-Monument 

Nafu li l-korp ta' Kristu mejjet magħmul mill-kartapesta nġieb minn barra, x'aktarx minn Spanja iżda ma nafux meta. Is-sodda Monumentali li naraw illum ħadet post waħda aktar antika u nħaddmet ftit qabel l-aħħar gwerra dinjija. L-anġli li jżejjnu l-kantunieri saru mill-istatwarju Wistin Camilleri. Ix-xogħol sabiħ tar-rakkmu tad-deheb sar kollu mis-sorijiet tal-istitut ta' Ġesu' Nażżarenu fiż-Żejtun.  

Id-Duluri 

M'għandniex informazzjoni ċara ta' min ħadem il-figura tal-Madonna għalkemm hemm min isostni li bħall-vari oħra fl-istess lokalita, din hija xogħol ta' Lecce. San Ġwann huwa żieda riċenti u sar minn Alfred Camilleri Cauchi fl-2003. Qablu kien hemm anġlu żgħir għarkubbtejh  iżomm is-simboli tal-passjoni. Ta' min jgħid li matul iż-żmien, kien hemm bdil kontinwu bejn il-figuri ta' San Ġwann u anġlu. Fil-fatt, fil-bidu tas-seklu għoxrin kien hemm anġlu bil-wieqfa li għall-ħabta ta' l-ewwel gwerra nbidel ma dak li konna naraw sal-2002. Ftit qabel l-aħħar gwerra, dan l-anġlu reġa nbidel ma' figura ta' San Ġwann xogħol Wistin Camilleri li iżda ma jidhirx li ntogħġob u reġa nbidel mal-anġlu wara sentejn.

                                       

Il-Purcissjoni 
 

 

Muzika fl-isfond....

 

PASSIO DOMINI  (Ray Sciberras )      

To Our Beloved Guza Grech 

 

li jmiss....

. . . .Haz-Zebbug  

Mur Fuq Nett Tal-Pagna