Il-knisja tal-Franġiskani Minuri, iddedikata lil Santa Marija ta’ Ġesù, hija magħrufa mal-Maltin bħala l-Knisja Ta’ Ġieżu. Fl-1571 il-Franġiskani Minuri akkwistaw biċċa art fil-Belt. Il-Fratellanza tal-Kurċifiss ġiet imwaqqfa fl-1646 u sa mill-bidu tagħha kienet torganiżża purċissjonijiet stazzjonali tul ir-Randan fid-diversi knejjes tal-Belt u kull darba b'korsa differenti. Jingħad illi il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ewlenija li toħrog mill-knisja ta Ġiezu fil-Belt Valletta ilha ssir minn qabel l-1673 u dak iż-żmien kienet toħroġ f'Ħamis ix-Xirka. F' dan iż-żmien insibu illi diġa’ kienet tinkludi fiha akkumpanjament mużikali, u iktar min vara waħda. Għall-bidu ta din il-purċissjoni kienu jerfgħu il-vari il-ħaddiema tad-dwana li kienu meqjusa bħala benefatturi minħabba l-fatt li kienu jerfgħu xi armar fl-imħazen taghħom. Kienu jieħdu sehem ukoll għadd ta' baħħara tax-xwieni, ilsiera u bonavolji billi dawn ukoll kellhom is-sodalita' tagħhom. Matul iż-żmien il-purċissjoni kibret sew għalkemm baqgħet dejjem penitenzjali. Jieħdu sehem fiha iktar minn 350 ruħ, li dawn jinkludu fratelli u persunaggi, reffiegħa, bandisti tal- Soċjeta Filarmonika Nazzjonali La Vallette, il-paġġi Antonjani u il-kor li jimxi mal-Monument.Il-pass tal- bandisti li eventwalment jiġi meħud ukoll mill-pass tar-reffiegħa u t-toroq dritti tal-Belt Valletta joħolqu ambjent uniku għall-din il-Purċissjoni tant mistennija minn bosta Maltin. Fattur ieħor uniku f'din il-purċissjoni huma l-mod ta kif titqassam il-purċissjoni, b'tali mod illi kull vara tieqaf f'kantuniera. Dan huwa possibli minħabba l-istruttura tal-Belt Valletta. Is-sett tal-Belt Valletta huwa magħmul mit-tmien vari tradizzjonali, kollha xogħol pjuttost antik. Il-Purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira fil-Belt Valletta Il-Gimgha 10 t'April 2009 fis-5.30pm
Il-knisja nbniet fuq pjanti ta’ Ġlormu Cassar. Bosta Gran Mastri kienu l-benefatturi tal- opri ta’ l-arti fil-Knisja Ta’ Ġiezu. Il-Patrijiet ħasbu biex fil-knisja tagħhom ikollhom kappella iddedikata lilll-Kurċifiss Imqaddes. F'din il-kappella tpoġġiet ix-xbiha tant għażiża tal-Kurcifiss mirakoluz li kull sena jiġbed eluf ta' devoti. It-tradizzjoni tgħidilna li dan il-Kurċifiss huwa xogħol ta' fratell Franġiskan Sqalli jismu Fra Umile Pintorno u nħadem mhux aktar tard mill-1639.
L-Ort
Kristu huwa xogħol fil-kartapesta tal-istatwarju Saverio Laferla u nħadem għall-ħabta tal-1730. Zmien wara żdiedet ix-xbiha ta' anġlu, li madankollu ġie mibdul ma' wieħed ġdid maħdum mill-Għawdxi Wistin Camilleri fl-1939. Il-Vara ġiet irrestawrata minn Alfred Camilleri Cauchi fl-1980.
Il-Marbut
M'hemmx dubju li din l-istatwa hija waħda mil-isbaħ statwi tal-passjoni fil-gzejjer Maltin u meqjusa opra tal-arti. Ġiet skolpita fl-injam mil-iskultur Pietru Pawl Azzopardi fl-1831. Il-vara matul iż-żmien ingħatat diversi passati ta' żebgħa iżda ġiet irrestawrata bejn l-2006/7 mis-saċerdot Charles Vella.
Ecce Homo

Bħall-Marbut, din l-istatwa hija xogħol artistiku kbir u wkoll ġiet skolpita fl-injam. Nafu li saret qabel l-1773 u xi wħud kienu jattribwuha lil Pietru Pawl Azzopardi. Madankollu, wara restawr li sar fuqha fl-2008 mis-saċerdot Charles Vella, ħareġ xebh kbir bejn din l-istatwa u l-kurċifiss mirakoluz li hu meqjum fl-istess knisja ta' Ġiezu. Għalhekk issaħħet sewwa l-ipotezi li din l-istatwa tista tkun xogħol Frate Umile, Franġiskan Sqalli.
Ir-Redentur
Din il-vara devota maħduma fil-kartapesta hija attribwita lill-istatwarju Karlu Darmanin u nħadmet lejn tmiem is-seklu dsatax. Riċentement, ġiet irrestawrata mis-saċerdot Charles Vella.
Il-Veronika
Il-figura solitarja tal-mara bil-velu f'idha hija xogħol fil-kartapesta ta' Mastro Saverio Laferla u saret fl-1737. Il-wiċċ ta' Kristu tpitter diversi drabi l-aħħar darba minn Raffaele Bonnici Cali' fl-1965. Ir-raġġiera ntaljata fil-fidda saret lejn l-aħħar tas-seklu tmintax.
Il-Vara l-Kbira

Din il-Vara b'erba' persunaġġi nħadmet mil-Mosti Salvatore Dimech fl-1854. Ta' min għid li din il-Vara ħadet post oħra maħduma minn Mastro Saverio Laferla fl-1741.
Il-Monument

Id-disinn tal-Monument sar mil-istess fratell tal-Kurcifiss, il-Professur Nikola Zammit fl-1870. Mhux magħruf eżatt meta sar u min ħadem il-korp ta' Kristu mejjet imma hu żgur li l-erba' anġli saru minn Mastro Karlu Darmanin fl-1868. Dawn ġew irrestawrati fl-1937 minn Carmelo Sapiano u fl-1955 minn Giuseppe Caruana. Ix-xogħol tad-drapp, kemm tal-lama kif ukoll tal-bellus ġie mibdul wara l-aħħar gwerra dinjija. Fih xogħol sabiħ tal-bizzilla u r-rakkmu meħjut minn Ersilja Zahra. L-aħħar darba li l-monument ġie mġedded kien fl-1971 wara li safa mxarrab fil-maltemp.
Id-Duluri
Għalkemm din il-vara devota għall-Beltin u l-Maltin oriġinarjament inħaddmet mill-istatwarju Saverio Laferla fl-1740, rat ħafna tibdil u restawr matul iż-żmien. Fl-1868 irrestawraha Antonio Fenech imma l-akbar tibdil li sar fuqha għamlu Mastro Giuseppe Caruana minn Bormla fl-1952. B'ħila kbira, Caruana rnexxielu jibdel l-espressjoni tal-wiċċ tal-Madonna, f'espressjoni ta' mħabba u li tmiss il-qalb. Fl-istess żmien, saret ukoll ċerta tiswija, kif ukoll ingħata banju tad-deheb u tqiegħdu l-fosos fiċ-ċinturin, sandli, u stellarju. L-aħħar restawr sar mis-Saċerdot Charles Vella fl-2006.