IL-VARI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA F'MALTA

Saverio Laferla  (c1710-1761)

Saverio Laferla jingħad li kien barbier qabel ma tħajjar jitgħallem l-arti tal-iskultura. Huwa tgħallem is-sengħa tal-kartapesta mingħand xi mgħallem Sqalli u huwa kkunsidrat bħala l-ewwel statwarju Malti li uza din il-midja f'pajjizna.

Jidher li l-arti ta' Laferla ntogħgbot sewwa għaliex kienu diversi l-Parrocci li kkummisjonaw xogħol lilu. Laferla ħadem l-ewwel vari tiegħu għall-Fratellanza tal-Kurcifiss tal-Belt li tagħha kien ukoll fratell. Dawn kienu l-Ort, ir-Redentur, il-Veronika, il-Vara l-Kbira u d-Duluri li nqiesu li nħaddmu bejn l-1730 u l-1741.

Wara tal-Belt, Laferla gie kkummissjonat jaħdem xi vari għal Ħaż-Żebbuġ. L-istoriku Żebbuġi Dun Salv Ciappara fil-ktieb tiegħu Storia del Zebbug e sua Parrochia jgħidilna li fl-1742, mastro Saverio Laferla ħadem l-istatwi tad-Duluri (li għadha tintuza sal-lum), tal-Veronika, ta' San Gwann l-Evangelista u ta' San Vincenz de Paule.

Kien imiss il-Parroċċa tan-Naxxar li tgawdi mill-opri ta' dan l-istatwarju. Fl-1751 ħadem għal dan il-lokal, l-istatwa ta' Kristu Rxoxt. Sentejn wara jigifieri fl-1753, Laferla tħallas 70 skud għall-vari tal-Ort u l-Marbut. Għalkemm m'hemm xejn dokumentat, nissoponu li dan l-istatwarju ħadem aktar vari għal din il-Parrocca fosthom il-Vara l-Kbira li għadha toħroġ fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira sal-lum u li ħafna jattribwuha lilu.

Saverio Laferla għadda għall-ħajja ta' dejjem fid-19 ta' Jannar tal-1761.  

Copyright - Marco Saliba Adrian Sammut 2013

www.goodfridaymalta.com