IL-VARI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA F'MALTA

Renzo Gauci (1959 -         )

Is-Sur Renzo Gauci twieled Hal Tarxien fid-29 ta’ Marzu 1959. Ix-xeħta għall-arti dehret fih sa minn ċkunitu u sab l-inkoraġġiment tal-ġenituri tiegħu billi pprovdewlu dak kollu li kien meħtieġ għat-tpinġija u l-mudellatura. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle imbagħad trawwem fl-iskola ta’ l-Arti ġewwa l-Belt Valletta taħt id-direzzjoni ta’ Carmelo Schembri u John Pace u għad-disinn taħt l-iskultur Censu Apap, Anton Calleja u Joseph Cassar. Kienu diversi l-artisti fosthom Antonio Buhagiar li tawh pariri siewja biex mexa ‘l quddiem fil-karriera tiegħu. Intefa’ fuq ix-xogħol tal-kartapesta sa mill-1979.

Renzo huwa l-aktar magħruf għall-iskultura fl-injam u għar-restawr iżda ħa wkoll fama mad-dilettanti tal-festi għall-istatwi tal-kartapesta li kellu l-kapaċita’ jsawwar.

Bħala xogħol ta’ skultura, nistgħu nsemmu l-bradella tal-vara tal-Madonna tal-Karmnu għall-Parroċċa tal-Fgura, in-niċċa għall-vara ta’ Marija Reġina fil-Marsa u xogħol ieħor għall-Knisja tal-Madonna tal-Pilar fil-Belt Valletta.

Iżda żgur li Renzo huwa l-aktar marbut mal-Ġimgħa l-Kbira. Tista’ tgħid li l-vari kollha tal-Għargħur u Ħal Luqa raw l-id tiegħu.Filwaqt li ħadem numru minnhom mill-ġdid, ħa ħsieb li jirrestawra l-kumplament. Xogħol ieħor ta’ dan l-iskultur huma l-istatwi tar-Redentur u Kristu mejjet għar-raħal tal-Għasri f’Għawdex u Duluri għall-kappella tal-Ittrija f’Binġemma. Gauci għamel ukoll restawr fuq għadd ta’ vari għall-Parroċċi tal-Mosta u l-Birgu. Tiegħu ukoll huma l-istatwi ta’ Kristu Rxoxt fil-knejjes ta’ Agostinjani f’Ħal Tarxien u r-Rabat.


L-Iskultur Renzo Gauci għamel diversi disinji għal xogħol ta’ rakkmu li jakkumpanja l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Fosthom insemmu s-seba’ kelmiet ta’ Kristu, il-bandalora tal-Passjoni u dik tal-S.P.Q.R. għall-Għargħur u disinji għar-rinnovazzjoni tal-Monument għall-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. Xogħol bikri tiegħu kienu l-Ajkla Rumana u s-seba’ plakki bis-seba’ kelmiet li jakkumpanjaw il-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika ta’ l-Isla.

Renzo Gauci għamel diversi xogħolijiet oħra ta’ skultura li jinsabu f’kollezzjonijiet Privati.

 

 

Copyright - Marco Saliba Adrian Sammut 2012

www.goodfridaymalta.com