IL-VARI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA F'MALTA

Michael Camilleri Cauchi (1951 - 0000)

Michael Camilleri Cauchi, bin l-istatwarju magħruf Wistin Camilleri twieled il-Belt Vittorja fit-tlieta ta’ Frar 1951 . Ħa l-edukazzjoni tiegħu l-ewwel fil-Liceo t’Għawdex imbagħad fl-Istitut Tekniku fejn studja l-arti u akkwista ċ-ċertifikati IT u GITC tas-City and Guilds. Għallem is-sengħa tal-iskultura fl-injam u fit-tafal fl-iskola tal-arti f’Għajnsielem li ġġib l-istess isem ta’ missieru.

F’żogħżitu tħarreġ fis-sengħa tal-iskultura ma’ missieru kif ukoll ma Giuseppe Galea, il-Professur Emvin Cremona u John Robinson. Michael ma damx ma wera l-ħiliet artistiċi tiegħu u ġie mqabbad jagħmel għadd kbir ta’ xogħlijiet kemm għall-knejjes kif ukoll monumenti għal postijiet pubbliċi. Fost ix-xogħol fil-knejjes nistgħu nsemmu l-iskultura fil-ġebla fis-Santwarju Ta’ Pinu, il-koppla tal-Knisja Parrokjali t’Għajnsielem u skultura fl-injam għall-knisja tan-Nadur, kollha f’Għawdex. Għamel ukoll restawr f’diversi knejjes oħra fosthom fil-Bażilika ta’ Sant’Elena, Birkirkara, fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla, fil-Knisja tas-Salvatur ta’ Ħal Lija u fil-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.

L-istatwi ta’ Michael huma mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollu. Fosthom insemmu l-vara titulari ta’ San Duminku għall-Knisja tal-Lunzjata tal-Patrijiet Dumnikani fil-Birgu (1986 - ritratt lemin), l-istatwa tas-Salvatur għall-Għasri (1982), Sant’Elena għall-Għaqda Mużikali Duke of Connaught ta’ Birkirkara u ħafna statwi oħra li jżejjnu l-pjazez tagħna fil-ġranet tal-festi.

Imma Michael Camilleri Cauchi żgur li se jibqa’ magħruf għall-Vari tal-Ġimgħa l-Kbira li kien u għadu jaħdem. Kif jidher f’paġni oħra f’dan is-sit, dan l-istatwarju ħadem vari għal disa’ Parroċċi fejn toħroġ il-Purċissjoni fosthom f’Raħal Ġdid fejn ħamsa mill- għaxar vari huma xogħlijiet tiegħu. L-aktar vara riċenti ta’ Michael hija l-Ort għall-Bażilika ta’ San Ġorġ tal-Belt Vittorja li ħarġet għall-ewwel darba fil-Purċissjoni tal-2009. Matul is-snin Michael għamel ħafna xogħol ta’ restawr fuq diversi vari kemm titulari kif ukoll tal-Ġimgħa l-Kbira. Minbarra f'Malta, is-Sur Camilleri Cauchi għandu xogħlijiet mxerrda f'diversi pajjizi oħra fosthom fl-Italja, l-Ingilterra, l-Ġermanja, l-Amerka, l-Kanada u l-Awstralja.

 

Copyright - Marco Saliba Adrian Sammut 2012

www.goodfridaymalta.com