IL-VARI TAL-ĠIMGĦA L-KBIRA F'MALTA

Pietro Paolo Azzopardi (1791-1875)

Pietro Paolo Azzopardi twieled il-Belt Valletta fl-1791, fl-istess sena li twieled l-istatwarju kontemporanju tiegħu Xandru Farrugia. Fi tfulitu familtu marret toqgħod Bormla u Pietro Paolo ġie fdat f’idejn l-imgħallem statwarju Marjanu Gerada li mingħandu tgħallem is-sengħa.

Skond l-istoriku P P Castagna, Azzopardi beda l-karriera tiegħu billi skultura għadd ta’ puleni għal fuq l-iġfna. Lejn il-bidu tas-seklu dsatax imbagħad, ittanta jaħdem xi xogħol fil-ġebla Maltija. F’din il-midja, ħadem Redentur għal Hal Għaxaq (1808) meta kellu biss sbatax il-sena u Santa Katerina għaz-Zurrieq fl-1816.

Madankollu, jidher car li Azzopardi kien jippreferi jiskultura fl-injam.Kien zmien meta d-domanda għall-istatwi fl-injam kienet kbira ħafna u Pietro Paolo gawda minn din is-sitwazzjoni. Ġie kkumissjonat biex jaħdem il-Madonna tar-Ruzarju għal Bormla fl-1828 u dan ix-xogħol ghen biex kabbar l-isem tiegħu.

Dan l-istatwarju huwa magħruf għal ħafna xogħlijiet ta’ vari tal-Passjoni. Għall-Franġiskani Minuri tal-Belt magħrufa aħjar bħala ta’Ġiesu, ħadem il-vara tal-Marbut (c1831) meqjusa opra tal-arti u hemm minn jattribwixxi lilu anki l-Ecce Homo. Għal Bormla ħadem il-Marbut u l-Ecce Homo (bejn l-1838-1841) u r-Redentur (1855-8).

Azzopardi irnexxielu jiġbed l-ammirazzjoni tal-Għawdxin b’numru ta’ xogħlijiet li għamel bejn l-1830 – 1850. Għall-Bazilika ta’ San Ġorġ, ħadem il-Vara titulari ta San Ġorġ martri fl-1839 (ritratt) kif ukoll il-kurcifiss tal-vara l-Kbira (1848) u għax-Xewkija, il-vara titulari ta’ San Ġwann il-Battista  fl-1845.

Xogħlijiet oħra ta’ Azzopardi jinkludu il-Vara tal-Bambina għall-Mellieħa (1853), Sta Agata għal Bormla (1846) u San Mikiel Arkanġlu għal Ħal Qormi (1865).  Skond  P P Castagna, Il-ħila artistika ta’ Pietro Paolo Azzopardi sa ġiet rikonoxxuta mir-Re Ferdinandu II ta’ Napli li appuntah skultur tiegħu.

Pietro Paolo miet fl-24 t’Ottubru 1875 fl-eta’ ta’ 84 sena’ .

Copyright - Marco Saliba - Adrian Sammut 2012

www.goodfridaymalta.com