Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

SLALEB  U  KURĊIFISSI  B’RABTA  MA’  L-ORDNI  TA’  SAN  ĠWANN

Kitba ta' Guido  Lanfranco

Ordni reliġjuż bħal dak ta’ San Ġwann li kellna f’Malta għal żmien twil, bilfors li kellu konnessjoni ma’ ħafna slaleb imma bosta minnhom m’humiex biss devozzjonali għax magħhom hemm marbutin drawwiet u tradizzjonijiet ta’ nteress speċjali.

 

Is-Salib ta’ l-Ordni

Minbarra s-salib abjad fuq il-bandiera ħamra tal-kavallieri ta’ San Ġwann hemm dak bi tmien ponot li jidher ma’ kullimkien u f’kollox li kellu x’jaqsam magħhom.   Għadu magħruf bħala s-Salib ta’ Malta ukoll mill-barranin.   Dan jidher li oriġina fis-seklu ħdax f’Amalfi fejn kien il-bidu ta’ l-Ordni.   It-tmien ponot jirrappreżentaw it-tmien beatitudni kif ukoll jiġu nterpretati bħala t-tmien lingwi li biż-żmien iffurmaw l-Ordni ta’ San Ġwann.  L-erba’ partijiet tas-salib ifissru l-erba’ virtujiet kardinali li huma l-perseveranza, fortitudni, temperanza u ġustizzja.  L-abjad tas-salib, skond kif jingħad,suppost li jirrappreżenta l-purità kavallereska.     Dan is-salib kien jidher kullimkien saħansitra inċiż fuq is-sidra ta’ diversi lbies tal-ħadid.

Slaleb fiċ-ċerimonji

Is-slaleb kienu jidħlu f’bosta ċerimonji ta’ l-Ordni.  Gran Mastru elett ġdid kien jieħu l-pussess f’San Lawrenz tal-Birgu u meta l-Ordni marret fil-Belt Valletta u nbniet il-knisja konventwali din iċ-ċerimonja kienet issir f’San Ġwann. Imma l-gvern l-antik ta’ Malta kien dak ta’ l-Imdina ta’ qabel ma ġew il-Kavallieri.   Madankollu, billi l-gżejjer tagħna kienu ġew f’idejn l-Ordni l-Gran Mastru kien jieħu wkoll pussess simboliku ta’ l-Imdina.   Għalkemm iċ-ċerimonji kienu mfassla dejjem l-istess, ġieli kienu jvarjaw minn żmien għall-ieħor imma dejjem kienu jinkludi l-involviment tas-salib.   Eżempju ta’ pussess f’San Lawrenz kien jirrikjedi li meta l-Gran Mastru jasal fil-knisja kienu jgħaddulu l-asperġes ta’ l-ilma mbierek biex bih jagħmel salib fuq moħħu u warajh l-inkwiżitur kien jagħmel l-istess.   Il-kavallieri prinċipali kienu jagħmlu s-sinjal tas-salib b’subajhom mill-ilma mbierek tas-sassla.  Salib li kien jintuża biex bih il-Gran Mastru jieħu l-ġurament jinstab fil-mużew parrokkjali tal-Birgu. Hemm salib ieħor għall-istess skop fil-mużew tal-kattidral ta’L-Imdina, mżejjen b’ħaġar prezzjuż. Meta Gran Mastru kien imissu jieħu l-pussess simboliku ta’ l-Imdina kien jiltaqa’ ma’ l-isqof ħdejn is-salib li hemm fuq kolonna tal-ġebel antika barra l-Imdina li wara ssawwar il-Ġnien Howard; mhux biss, imma hemm joqgħod għarrkobbtejh biex ibus s-salib ta’ l-idejn li jippreżentalu l-isqof.        


Meta l-kavallieri waslu Malta fl-1530 għażlu li joqogħdu l-Birgu u bħala ordni ospidaljier bdew jaħsbu biex jibnu l-isptar tagħhom.   Hawn ukoll daħal is-salib għax  fuq il-biċċa art li ntgħażlet poġġew salib imdaqqas mweta sar it-tberik tal-post fl-ewwel ta’ Novembru 1532  bħalma ġieli jsir meta jkunu se jibnu knisja ġdida.


Fl-aħħar snin ta’l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, l-Imperatur Paul I tar-Russja offra li jkun il-Protettur ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann u f’ċerimonja elaborata rċieva rigali ta’ preġju li kienu tal-kavallieri fosthom is-salib ta’ La Valette u relikwa tas-salib flimkien ma’ slaleb bi tmien ponot għalih u għall-sħabu.   

Fid-Devozzjonijiet ta’ l-Ordni

Matul is-sena kollha, kull nhar ta’ Ġimgħa il-Kavallieri kien ikollhom il-quddiesa Tas-Salib u fil-knisja kienet issir proċessjoni bir-relikwa tal-Veru Linju tas-Salib.   Kienet drawwa li f’din il-proċessjoni l-qassisin jilbsu velu iswed fuq wiċċhom; minħabba f’hekk hemm min jgħid li din kienet tissejjaħ il-Preċessjoni s-Sewda.    Hemm min jgħid ukoll li l-Proċessjoni s-Sewda kienet issir  bħala wegħda wara trerremot li kien sar f’Rodi meta l-Ordni kien hemm u fiha jkantaw il-Litanija tal-Qaddisin.    Kienu jagħmlu proċessjoni oħra bis-salib stazzjonali minn San Ġwann sa l-infermerija fl-erbat-iĦdud wara l-Għid il-Kbir u matulha wkoll kienet titkanta il-Litanija tal-Qaddisin. Dan is-salib kellu l-Kurċifiss fuqu u fuq it-truf tat-traversa kellu xbiha ta’ San Ġwann u tal-Madonna u fuq wara lil San Pantaleone.  Kellhom slaleb oħra kollha fided u deheb għal diversi okkażjonijiet u ċerimonji imma wisq numerużi biex niddiskutuhom hawn.    Fil-Ġimgħa l-Kbira kienu jagħmlu l-adorazzjoni tas-salib f’San Lawrenz.  Il-Gran Mastru kien jinżel ħafi minn fuq it-tron tiegħu fil-knisja biex imur ibus il-kurċifiss li jitqiegħed fuq l-altar u warajh jagħmlu l-istess ħaġa l-kavallieri skont il-preċedenza. 

Fil-Mewt

Meta kien wasal biex imut, ta’ 81 sena,Giovanni Domenico Mainardi, Gran Prijur ta’ L-Ordni poġġewlu salib tal-fidda fil-kamra għal waqt il-Griżma tal-Morda.  Meta miet poġġewh fuq mejjilla bis-salib f’idu.  Wara dan daħħluh fit-tebut u l-funeral intemm billi difnuh bis-salib f’idu.    Fil-kripta tal-Gran Mastri taħt il-kor fil-knisja ta’ San Ġwann hemm il-kappella tal-Kurċifiss; bħala devozzjoni perpetwa lejn il-Kurċifiss kienu dejjem iħallu l-lampier jixghel.       Fuq il-galeri ta’ l-Ordni kien ikun hemm kollox għall quddies u għall-bżonnijiet spiritwali, u fost affarijiet oħra kien ikollhom salib bil-Kurċifiss pinġut fuq l-injam u dan kien jintuża biex bih il-patri jikkonsla lill-moribondi abbord.   Meta l-Gran Mastru Carafa miet fl-1690, kellu salib ta’ l-avorju, materjal li dak iż-żmien kien beda jsir popolari f’oġġetti dekorattivi,  imżejjen b’ħaġar prezzjuż.   Dan is-salib ħallih lit-tabib tiegħu Giuseppe Zammit.    


Meta l-Gran Mastru La Valette wasal biex imut fil-21 ta’ Awissu 1568, ma’ l-aħħar Sagramenti talab li jżomm f’idu salib bil-Kuerċifiss li kien fih relikwa tal-Veru Linju u biesu diversi drabi qabel miet.    Fid-9 ta’ Ġunju 1565, waqt l-assedju ta’ Sant Iermu, il-Kapuċċin Roberto ta’ Eboli, li kien l-ewwel Kapuċċin li jissemma’ f’Malta, beda jdur fost  il-kavallieri u suldati li kienu taħt attakki ħorox mit-Torok.  Bis-salib f’idu beda jħeġġeġ lil kulħadd biex ibus il-Kurċifiss għall-kuraġġ.     Fl-assedju tal-fortizza ta’ San Mikiel, fl-istess Assedju Kbir tal-1565, saret l-istess ħaġa, imma din id-darba minflok reliġjuż bil-Kurċifiss kien hemm Melchior de Robles y Pereira li kien intbagħt minn Sqallija biex jgħin fid-difiża kontra t-Torok.   Dan sab postu jmexxi l-fortizza ta’ San Mikiel.  Beda wkoll iħeġġeġ lil kulħadd bil-Kurċifiss f’idu.   Imma dan ix-xogħol baqa’  jagħmlu biss sat-12 ta’ Awissu għax filgħodu kmieni tawwal rasu fuq is-sur biex jara x’qed isir u qala’ tir dritt f’rasu.   Għall-ewwel difnuh f’San Lawrenz imma ħafna snin wara ttrasferewh għal San Ġwann il-Belt.      

Slaleb imdaħħla fil-ħażen

Għal diversi kavallieri s-slaleb ma daħlux biss għall-kuraġġ u devozzjoni, imma wkoll f’okkażjonijiet sfortunati ta’ ħażen.   F’ żmien l-Ordni sikwit kien ikollhom xi jgħidu bejniethom il-kavallieri u daqsant ieħor uħud minnhom kienu jiddwellaw biex jieħdu sodisfazzjon.   Imma dan ix-xorta ta’ ġlied ma kienx wisq inkuraġġit.   Membri ta’ l-Ordni kienu jistgħu jiddwellaw biss fi triq waħda (li aħna nafuha bħala Triq id-Dejqa) tal-Belt Valletta.   F’dawn id-dwellijiet ma kienx jonqos li xi ħadd mill-ġellieda jispiċċa jinqatel.   Kienet drawwa li jiżbgħu salib mal-ħajt f’din it-triq qrib il-post fejn kavallier ikun ħalla ħajtu fid-dwell.   Wieħed kittieb vjaġġatur Patrick Brydon qal li kien ra xi għoxrin salib mal-ħitan ta’ din it-triq meta mar iħares hu.     


Żewġ kavallieri, fl-1563 ġew mixlijin li fil-knisja għamlu xi mħatri li fihom, fost oħrajn,  użaw Kurċifiss minflok flus.   Instabu ħatja u ntbagħtu l-ħabs  f’Sant Anġlu.   Imma kavallier ieħor fl-1564 kellu kastig wisq aktar aħrax minn hekk.  Dan kien instab ħati, ma’ xi kavallieri oħra kompliċi li seraq, fost oġġetti oħra ta’ preġju, Kurċifiss tal-fidda mill-knisja ta’ Sant Anton tal-Birgu.   Kien ġa reċidiv mis-sena ta’ qabel għax kien ġellied.  Instab ħati, keċċewh mill-Ordni f’ċerimonja pubblika u għaddewh f’idejn l-awtoritajiet ċivili li kkundannawh għall-mewt.  Poġġewh u rabtuh fi xkora bil-piż fiha u xeħtuh il-baħar fil-Port il-Kbir.   

Fil-Fortizza tal-Gżira

L-isem tal-Gżira żviluppa minħabba l-gżira li aħna issa nafuha bħala Manoel Island.   Fi żmien kienet proprjetà ta’ l-isqof  imma nxtrat mill-Ordni u saret Lazzarett għall-kworantina għal kull min jiġi Malta.   Il-Gran Mastru Antonio De Vilhena bena fuq din il-gżira il-fortizza msemmija għalih.   Mhux biss li wara ssemmiet għalih bħala Forti Manoel  imma huwa kien bena l-knisja fl-1728 fl-istess fortizza u ddedikaha lill-qaddisu Antonio ta’ Padova.    Fortizzi iżolati b’dan il-mod kien ikun fihom il-bżonnijiet kollha għas-suldati u wkoll, bħalma sar fil-fortizza tar-Rikażli, għall-familji li kienu jgħixu fiha f’komunità bħallikieku f’belt għaliha.   Il-knisja ta’ Sant’ Antnin tal-Fortizza Manoel saret parroċċa indipendenti għaliha.   Wieħed mill-altari tagħha kien dedikat lill-Kurċifiss; mhux biss, imma miegħu twaqqfet ukoll fratellanza tal-Kurċifiss.  Il-fratelli kellhom relikwarju bil-Veru Linju li kienu jpoġġuh fuq l-altar f’każ li wieħed minnhom ikun fil-ponta tal-mewt u kienu joffrulu l-quddies.    

Aktar Slaleb u Kurċifissi ta’ L-Ordni

Fil-Belt Valletta u fil-Birgu għadhom jinstabu slaleb u Kurċifissi meqjusin importanti fl-istorja ta’ l-arti għax magħmulin minn artisti magħrufin imma uħud minnhom għandhom storja twila għax gew minn postijiet oħra li kellu l-Ordni qabel wasal Malta.   Hawn ma nistgħux nidħlu f’diskussjonijiet dwarhom imma nistgħu infakkru dawk l-aktar magħrufin. 


Fost il-ħafna relikwi li kellhom fil-knisja ta’ San Ġwann kienhemm diversi b’rabta mal-passjoni.   Kellhom relikwarju antik li ġabu magħhom minn Rodi għamla ta’ salib b’żewġ traversi paralleli li fih kienhemm relikwa tal-Veru Linju.    Relikwarju ieħor għamla ta’ salib kellu fih relikwa tal-maxtura ta’ Kristu.    Fil-kappella ta’ San Karlo Borromeo f’San Ġwann hemm Kurċifiss tal-bronż.   Il-leġġenda tgħid li dan magħmul mill-metall li minnu kien magħmul il-kontenitur li fih Kristu kien ħasel saqajn l-appostli fl-aħħar ċena.    Relikwarju ieħor f’għamla ta’ salib fit-truf tat-traversa kellu biċċiet li jgħidu li ġew mill-porpra ta’ Kristu.    Fuq l-altar maġġur fi żmien kellhom kurċifiss ta’ l-avorju.   Fil-palazz tal-Gran Matru, fuq il-mejda ta’ l-ikel meta kien ikun hemm bosta mistednin kien jitqiegħed salib mhux wisq imdaqqas wieqaf f’nofs il-mejda.  Dan kien joħroġ minn qalb friegħi ta’ qroll aħmar li kien ikun imżejjen b’xi snien fossili tal-kelb il-baħar (il-Maltin jgħidulhom ilsien San Pawl).   Jingħad li dan kien isir bħala superstizzjoni kontra avvelenament ta’ l-ikel.     F’dawk iż-żminijiet kienet komonu li jintuża l-velenu biex wieħed jeħles minn xi ħadd.   Billi San Pawl jingħad li gidmitu lifgħa velenuża u ma ġralu xejn, għalhekk dawk il-fossili li jsejħulhom ilsien San Pawl kienu maħsubin tajbin kontra l-veleni u l-avvelenamenti.   Hemm salib minn  dawn fil-mużew tal-Kattidral ta’ L-Imdina.

  

Il-kavallieri minn Cipru kienu ġabu magħhom Kurċifiss u meta ġew Malta poġġewh f’San Lawrenz tal-Birgu.   Kien jinżamm dejjem mgħotti u jikxfuh biss nhar ta’ Ġimgħa u f’okkażjonijiet speċjali konnessi mas-salib.     Fuq l-altar maġġur ta’ l-oratorju tal-Qtuigħ ir-ras ta’ San Ġwann fi żmien kien hemm Kurċifiss kbir  minqux fl-injam bil-figuri ta-Madonna u San Ġwann ma’ ġenbu.  Dan jidher li wasal mill-Italja fl-1655 u hemm min jattribwih lil Alessandro Algardi. (ara wkoll artiklu 'Malta's Outstanding Crucifixes")  Kurċifiss tal-bronz indurat fuq l-altar maġġur jingħad li hu ta’ Giovanni Lorenzo Bernini.      Balliju ta’ l-Ordni fi Pjacenza fl-1720 għamel donazzjoni lill Lingwa ta’ L-Italja ta’ l-Ordni f’Malta billi rregalalhom Kurċifiss pinġut li tqiegħed fuq altar laterali tal-knisja ta’ Santa Katarina ta’ L-Italja fil-Belt Valletta.  

Salib magħruf ħafna huwa pinġut kbir daqs naturali minn Polidoro Caldara da Caravaggio (mgħandux x’jaqsam ma’ Caravaġġio li pinġa l-martirju ta’ San Ġwann).  Jingħad li sar għall ħabta tal-1532.  Ghall-ewwel kien intenzjonat biex idenduluh ful l-altar maġġur imma poġġewh fil-kappella tal-Madonna ta’ Philermos fejn dam sal-1989 meta ntbagħat għar-restawr fl-Italja mill-1989 sa l-1992 u meta rritornawh poġġewh ħdejn l-oratorju.       Meta l-Kurċifiss ta’ Polidoro kienu ħerġin bih minn San Ġwann biex jibgħatuh għar-restawr xi ħadd ċempel lill-pulizija għax ħaseb li kien qed jinsteraq.  Dan ġara għax kien żmien meta kien għadu kemm insteraq ta’ l-inkwadru ta’ San Gerolamo fl-1984.   (ara wkoll artiklu 'Malta's Outstanding Crucifixes"