Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Sehem il-Mużika fil-Ġimgħa Mqaddsa

Sehem il-Mużika fil-Ġimgħa Mqaddsa

       Joseph F. Grima                

Meta wieħed isemmi l-mużika fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa, moħħu mal-ewwel jaħseb fuq il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta' l-Għid il-Kbir. Iżda ma rridux ninsew li, għalina l-Maltin, il-Ġimgħa Mqaddsa tibda f’jum id-Duluri , meta f'Malta u Għawdex joħorġu madwar 63 purċissjoni, uħud isejħulhom pellegrinaġġi, bil-vara tal-Madonna tad-Duluri u li għalihom il-Maltin u l-Għawdxin jattendu bi ħġarhom. Moħħkom bir-raġun kollu mal-ewwel jistaqsi dan x'għandu x'jaqsam mal-mużika għax dawn il-purċissjonijiet huma manifestazzjonijiet ta' penitenza u l-mużika ma ssibx postha fihom. Min jaħseb hekk għandu raġun għax hekk hu, iżda hemm eċċezzjoni waħda: il-purċissjoni pageant li ssir fix-Xewkija, Għawdex. Oriġinarjament, din il-purċissjoni kienet waħda votiva bħall-oħrajn iżda, mill-1972 ' il hawn, bdiet tiġi organiżżata mod ieħor u saru jieħdu sehem fiha madwar 200 partiċipant li jippreżentaw is-Seba' Duluri tal-Madonna flimkien ma' diversi allużjonijiet mit-Testment il-Qadim li jinkludu wkoll diversi persunaġġi nisa bħalma kienu Ġuditta u Ester. F'din il-manifestazzjoni jieħdu sehem ukoll żewġ baned u żewġ korijiet li jdoqqu/jkantaw innijiet sagri u marċi funebri. L-unika eċċezzjoni l-oħra li naf biha, u li damet biss ftit snin, kienet il-purċissjoni tad-Duluri fil-Parroċċa ta' San Bastjan, Ħal Qormi li, għal xi sentejn jew tlieta fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, inkludiet il-banda tal-post bid-daqq ta' marċi funebri. Ma tkomplietx aktar b'dan il-mod għax inħass li l-ispirtu penitenzjali kien qed jitnaqqar u allura l-iskop ewlieni tal-purċissjoni ma kienx ser jintlaħaq.

Meta niġu għall-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, nsibu li xi forma ta' daqq ta' mużika kien diġa preżenti fl-ewwel snin ta' l-organiżżazzjoni tagħhom, almenu fis-seklu sbatax. Fil-kontijiet tal-purċissjoni tal-Belt Valletta ta' l-1673, insibu mniżżlin l-ispejjeż għad-daqq tal-mużika fil-purċissjoni proprja. Jekk nitfgħu ħarsitna lejn in-Naxxar, insibu li sa l-1761 kienu saru regolari, dejjem skond il-kontijiet tal-purċissjoni, id-daqq tat-‘tamborlini e fifera’ flimkien mal-‘violinċello e violini’. Jidher li d-daqq tat-tambur u l-fifra fil-bidu tal-purċissjoni kien sar parti integrali ta' bosta manifestazzjonijiet, jekk mhux kollha wkoll, b'eżempji tipiċi jkunu Bormla, l-Isla u n-Naxxar fejn, inqatgħu maż-żmien. Fis-seklu tmintax ukoll, fi żmien l-Ordni ta' San Ġwann, mal-vara tal-Monument fil-Birgu kien ikun hemm, fost oħrajn, żewġ suldati mibgħutin mill-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni tal-Kavallieri li kienu jdoqqu fifra u tambur. Wara li telqu l-Kavallieri, fi żmien l-Ingliżi bdew jintbagħtu suldati Maltin fis-servizz Inġliż. Fi tfuliti, sa madwar 50 sena ilu, niftakar li mal-Monument ta' Ħal Qormi kien ikun hemm id-daqq tal-vjolini akkumpanjat bil-kant tal-Miserere mill-abbatini. Tgħid id-daqq tal-mużika mal-Monument kien oriġina fis-seklu tmintax f'postijiet bħall- Birgu u nxtered mal-Kampanja Maltija? Min jaf?

Lejn l-aħħar deċennju tas-seklu tmintax, hu magħruf u dokumentat li fin-Naxxar kien hemm daqqaqa tat-tnabar u l-fifri, bħalma diġa aċċennajna, li kienu jmexxu l-purċissjoni filwaqt li banda żgħira kienet iddoqq aktar lura fil-manifestazzjoni, x'aktarx bejn il-vari tal-Monument u tal-Madonna tad-Duluri. Irridu nagħmluha ċara hawnhekk li, bil-kelma banda, dak iż-żmien kienu jifhmu grupp ta' mużiċisti u mhux xi banda ta' sittin jew sebgħin ruħ - jekk mhux aktar ukoll-li nġibu quddiem għajnejna llum. Allura, nistaqsi jien, għalkemm għadu ma nstab xejn dokumentat rigward il-manifestazzjonijiet l-oħra, possibbli li ma kienx hemm baned ta' dan it-tip idoqqu n-noti kiebja tal-mużika funebri fil-purċissjonijiet l-oħrajn tal-Ġimgħa l-Kbira? Għalkemm nibqgħu dejjem fl-ambitu ta' l-ispekulazzjoni, nemmen li l-ibliet u l-irħula Maltin kienu jikkupjaw, b'mod ġenerali, lil xulxin u d-daqq tal-mużika funebri kien jinstama' fil-purċissjonijiet kollha.

Iżda ma jista' jkollna ebda dubju x'beda jseħħ min-nofs is-seklu dsatax 'il hawn u dan nsostnuh għax kien f'dak iż-żmien li bdew jiġu organizzati l-każini tal-baned kif nafuhom illum. Bla tlaqlieq ngħidu li, f'dawk il-lokalitajiet fejn kien hemm purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u kien hemm ukoll każin tal-banda, bdiet tindaqq il-mużika funebri, bil-banda normalment tokkupa dak il-post li kien u għadu l-qofol tal-manifestazzjoni, jiġifieri quddiem il-vara ta' Ġesu Msallab jew kif nafuha fil-gżejjer Maltin, il-Vara l-Kbira. Ovvjament, dan ma sarx f'daqqa għax il-Każini tal-baned żdiedu gradwalment, raħal wara l-ieħor.

Ħaż-Żebbuġ għandu tnejn mill-eqdem baned eżistenti f'Malta u allura din hi indikazzjoni qawwija li l-Belt de Rohan kienet minn fost ta’ l-ewwel li kellha każin tal-banda tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa L-Kbira.

Iżda mhux kollox kien ward u zahar u jidher li l-awtoritajiet ekklesjastiċi kienu mħassbin bl-atteġġjament tan-nies li kienu jakkumpanjaw il-baned fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Fil-fatt, fl-1879, l-Isqof Monsinjur Carmelo Scicluna pprojbixxa s-sehem tal-baned f'dawn il-purċissjonijiet għax ġie nnotat li bosta nies kienu qed jingħaqdu mal-baned u jimxu fin-nofs tal-purċissjoni fejn kienu wkoll ipejpu s-sigarri mingħajr ma jqisu jew jimpurtahom li kienu qed jieħdu parti f'manifestazzjoni reliġjuża u mhux ħarġu għal xi divertita. Ir-rapporti fl-istampa lokali kkummentaw ukoll li l-membri tal-Fratellanża tal-Kurċifiss tal-Belt kienu deċiżi li l-purċissjoni tkun akkumpanjata minn banda iżda reġgħu ħasbuha mill-ġdid u obdew id-direttivi ta' l-Isqof. L-ordni episkopali ma kinitx tgħid li ma setgħax ikun hemm xi forma ta' sehem tal-baned iżda li ma jieħdux parti fil-purċissjoni nnifisha. Għaldaqstant, il-baned setgħu jdoqqu weqfin f'post partikolari waqt li l-purċissjoni tkun għaddejja minn ħdejhom. Wara l-Ġimgħa l-Kbira, fil-gazzetti kien hemm kumment li l-parroċċi kollha obdew id-direttiva episkopali u li l-purċissjonijiet kienu aktar serji milli kienu fis-snin ta' qabel.

Ma jidhirx li l-projbizzjoni ta' l-Isqof damet bosta snin. Tlettax-il sena wara, eżattament fl-1892, rapporti fil-gazzetti kitbu dwar marċ funebri popolari li ndaqq fi Triq il-Merkanti, l-Belt, u li l-Banda La Vincitrice ta' l-Isla kienet ser tiddebutta dik is-sena fil-Ġimgħa l-Kbira. Dawn ir-rapporti m'humiex konklussivi u jista' jkun li kienu qed jirreferu għal daqq ta' mużika funebri minn post fiss. Iżda fis-sena 1895 hemm rapport ċar dwar Ħal Qormi fejn inkiteb li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet akkumpanjata minn żewġ baned, San Ġorġ Marti u Pinto, b'din ta' l-aħħar iddoqq quddiem il-Vara l-Kbira. Apparentement, fil-Belt il-banda reġgħet bdiet takkumpanja l-purċissjoni fl-1897.

Kien hemm ukoll min kellu xi tradizzjoni mużikali partikolari bħal, ngħidu aħna fil-Birgu. F'din il-Belt, sas-sena 1940, eżatt qabel bdiet it- Tieni Gwerra Dinjija, il-Banda kienet iddoqq il-kantata Stabet Mater ta' Gioacchino Rossini fil-Pjazza tal-Vitorja qabel tasal il-purċissjoni u fi tmiem il-manifestazzjoni, kienet tibqa' dieħla mill-bieb prinċipali għal ġol-knisja u toħroġ mill-bieb tal-ġenb. Din it-tradizzjoni twaqqfet madwar ħamsa u għoxrin sena ilu minħabba l-istorbju li d-daqq kien jikkaġuna fil-knisja.

Ġieli kien hemm xi każijiet fejn il-banda ma kinitx tal-post. Jien niftakar il-Banda 12th May iddoqq fil-purċissjoni tal-Għargħur, li toħroġ f'Ħadd il-Palm, għax il-banda tal-post  ma kinitx iffurmata. Fl-1962, il-Banda King's Own tal-Belt akkumpanjat il-purċissjoni tal-Birgu għax kien hemm xi nkwiet mal-Banda San Lawrenz u din ma ħaditx sehem. Fis-snin ħamsin tas-seklu għoxrin, il-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun daqqet diversi drabi fil-purċissjoni ta' Ħal Qormi bħala t-tieni banda fil-manifestazzjoni flimkien mal-banda tal-post.

Daqq ieħor li nsibu fil-Ġimgħa l-Kbira jippprovduh l-iScouts. F'xi lokalitajiet, bħar-Rabat u Ħal Qormi, jakkumpanjaw b'żewġ gruppi, wieħed minnhom bid-daqq tradizzjonali tal-fifra u t-tambur lejn il-bidu tal-purċissjoni filwaqt li t-tieni grupp isemma' l-Last Post bil-bugles quddiem il-vara tarRedentur. L-iScouts f'Ħaż-Żebbuġ ukoll jakkumpanjaw b'żewġ gruppi, iżda l-grupp li jiftaħ il-purċissjoni jdoqq bugles flok fiffri. It-tislim tal-bugles quddiem ir-Redentur insibuh tista' tgħid fil-purċissjonijiet kollha għalkemm fiż-Żejtun u l-Isla, biex nagħtu żewġ eżempji, flok Sċouts jieħu sehem grupp ta' suldati Rumani bit-trumbetti.

Illum il-ġurnata, wieħed ma jistax jimmaġina purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mingħajr mużika funebri takkumpanjaha. F'xi lokalitajiet, bħall-Mosta, n-Naxxar, Ħal Qormi u ż-Żejtun jieħdu sehem iż-żewġ baned tal-post. F'lokalitajiet oħrajn fejn hemm ukoll almenu żewġ baned, bħal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Luqa, il-baned jalternaw kull sena. Oħrajn, bħall-Belt, Raħal Ġdid, u r-Rabat Għawdex, takkumpanja l-istess banda kull sena. Diversi baned issibilhom l-istess marċi fir-repertorju tagħhom b'xogħlijiet ta' Angelo Melilli, Ġanni Vella, George Hindren, Nikola Montebello, Anthony Miruzzi u l-mużika ta' Ċhopin u Doniżetti fost oħrajn. Iżda l-kitba tal-marċi funebri hi proċess li għadu u jibqa' sejjer u regolarment nisimgħu kompożizzjonijiet ġodda ta' diversi surmastrijiet jindaqqu mill-baned Maltin u Għawdxin.

Fl-Għid il-Kbir, parti integrali fil-purċissjonijiet ta' l-Għid il-Kbir hi s-sehem tal-baned li, bil-mużika ferriħija tagħhom, jgħinu mhux ftit biex tinħoloq dik l-atmosfera ta' festa li tinħass fil-qalb tan-Nisrani għar-rebħa fuq il-mewt u l-qawmien ta' Ġesu’. Jidher li l-mużika fil-purċissjonijiet ta' Kristu Rxoxt ilha preżenti għal bosta snin, mill-anqas madwar żewġ sekli u nofs. Per eżempju, insibu li fl-1770 fin-Naxxar hemm dokumentat il-ħlas ta' 30 skud ‘per la musiċa di Pasqua Grande’ li x 'aktarx kien jinkludi l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta' l-Irxoxt flimkien. Aktar minn mitejn sena ilu, eżattament fl-1804, insibu li l-purċissjoni ta' l-Irxoxt fil-Birgu kienu jakkumpanjawha żewġ baned,  naturalment kif kienu jifhmuhom dak iż-żmien u kif diġa spjegajna li kienu jibqgħu deħlin fil-knisja wkoll.

Iżda, l-istess bħalma ġara fil-Ġimgħa l-Kbira, hu wisq probabbli li l-każini tal-baned li, bħalma diġa għidna, oriġinaw f'nofs is-seklu dsatax, bdew jieħdu parti f'Ħadd il-Għid iżda almenu s'issa, m'hemmx dokumentar dwar dan. Ngħidu biss li l-projbizzjoni ta' l-Isqof Scicluna f1-1879, li semmejna wkoll, kienet għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira biss u ma kinitx estiża wkoll għal dawk ta' Kristu Rxoxt. Dan ma jfissirx li kull fejn kien hemm banda u purċissjoni kien hemm ukoll id-daqq fil-manifestazzjoni u ta' dan nagħti eżempju. F'Ħal Qormi, il-Banda Pinto oriġinat fl-1862 iżda l-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt baqgħet bla banda sa l-1895 meta bdiet takkumpanja mhux il-Banda Pinto, iżda l-Banda San Ġorġ Martri li kienet għada kemm ġiet iffurmata sena u nofs qabel. Illum is-sitwazzjoni nbidlet fil-gżejjer Maltin kollha, bħalma diġa aċċennajna. Kważi l-purċissjonijiet kollha jkollhom banda waħda iżda dik ta' Ħal Qormi, tal-Parroċċa San Ġorġ, jakkumpanjawha ż-żewġ baned tal-post. F'Ħaż-Żebbuġ jalternaw kull sena l-Baned St. Philip u 12th May.

Il-maġġor parti tal-baned jakkumpanjaw fil-purċissjonijiet ta' l-Għid bid-daqq ta' marċi ferrieħa iżda hemm xi wħud li jdoqqu settijiet ta' valzi ta' l-Għid li huma kompożizzjonijiet li nkitbu appositament għal din il-purċissjoni. X'aktarx li l-ewwel sett li nkiteb, li fiħ seba' valzi, jikkonsisti fil-kompożizzjonijiet tas-surmast Qormi Nikola Montebello għall-Banda San Ġorġ Martri bejn l-1920 u l-1924, sett li għadu jindaqq kull sena. Iż-żewġ każini Qormin l-oħra, Pinto u Aniċi (li ġie ffurmat fl-1988), għandhom ukoll settijiet ta' valzi u ngħidu l-istess għall-Banda Żejtun taż-Żejtun. Il-Banda Niċolo Isouard tal-Mosta fil-purċissjoni ssemma' kemm marċi kif ukoll valzi. Ħaż-Żebbuġ sas-sena l-oħra kellu sehem indirett fit-tixrid tad-daqq tal-valzi ta' l-Għid il-Kbir għax l-għaxar valzi tal-Banda Aniċi ta' Ħal Qormi huma kollha kompożizzjonijiet ta' l-eks surmat tagħhom Frank Galeali hu Żebbuġi.

Mill-2007, is-sehem Żebbuġi sar ikun dirett billi l-Banda 12th May, semmet valzi ta' l-Għid il-Kbir, inkluż valz kompożizzjoni tas-surmast ta' l-istess Banda, għall-ewwel darba fit-toroq ta' Ħaż-Żebbuġ meta akkumpanjat il-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt.

_____________________________________________________________________________________________________

Share on Facebook