Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

L-ISTATWA TA ĠESU REDENTUR TAL-ISLA - PROĊESS TA’ KONSERVAZZJONI

MINN DUN CHARLES VELLA KONSERVATUR U RESTAWRATUR

 

Din ix-xbieha mirakuluża ta' Ġesu Redentur hija tant għażiża għall-Maltin, li nistgħu nqisuha bħala ikona jew xbieha Nazzjonali. Din ix-xbieha, għal mijiet ta' snin terrqet, f'tant purċissjonijiet u f'pellegrinaġġi, f'kundizzjonijiet klimatiċi mhux daqstant feliċi, u wara interventi oħra, issa bdiet tpoġġi fuqna aktar responsabbilta’ biex nindukrawha bl-aktar modi professjonali.

 

Fil-fatt kienu ġew ikonsultati xi statwarji u nies li jaħdmu fix-xogħol tal-kartapesta. Iżda fuq pariri tiegħi milqugħa mill-Arċipriet (peress li ir-riċerka tagħmel parti mill-istrateġija tax-xogħol tiegħi, bħala konservatur, jiġifieri li naħdem fil-konservazzjoni tal-opri artistiċi u storiċi) il-konklużjoni kienet li qabel kull intervent, għandu jsir_ studju tajjeb biex wieħed jara verament x'hemm bżonn, u fuq dan l-istudju wieħed jagħti proposti konkreti ta' dak li verament hu meħtieġ. Dan jissejjaħ trattament ta' konservazzjoni priventiva li, wara li l-fatti jiġu stabbiliti b'mod xjentifiku, dawn jiġu interpretati u, wara studju profond u tekniku, wieħed jagħti proposti ta' interventi neċessarjament suffiċjenti, u li jkompli b'moniteraġġ tal-istat ta' konservazzjoni fil-futur. L-Arċipriet, flimkien mal-Kapitlu u bil-permessi meħtieġa, ta l-kunsens, u l-fiduċja lili biex nibda dan l-istudju.

 

Ser infisser issa f'hiex kien jikkonsisti dan l-istudju. Studju li sar permezz ta' interventi tekniċi li jagħmel parti l-aktar importanti fil-proċess ta' konservazzjoni. Wara li ġejt ikommissjonat biex nibda dan ix-xogħol, bdejt billi għamilt dak li jissejjaħ studju fiżiku fuq l-istatwa. Dan kien jitlob li nosserva mill-viċin u ninterpreta x'inhuma u ta' liema natura huma l-ħsarat esterni li jidhru fl-istatwa. F'din il-fażi ġiet innutata ħsara fiżika u strutturali flimkien ma' ħsarat polikromatiċi (tat-tpinġija tal-kuluri fuq l-istatwa), ħsarat minn kundizzjonijiet klimatiċi u strapazzi kif għedna aktar 'l fuq.

 

Wara li rajt dan, ridt nippjana working order u nikonċentra biex dak li nterpretajt mill-ħsarat ta' barra immur aktar fil-fond permezz tax-xjenza, biex b'hekk ikolli verita sħiħa tal-kundizzjoni tal-istatwa. B'hekk inkun nista' nagħti proposti u nagħmel konklużjonijiet, bl-iktar mod oġġettiv u xjentifiku. Bis-saħħa ta' hekk, interventi diretti bla bżonn ikunu jistgħu jiġu eliminati u x-xbieha tkun imħarsa aħjar.

 

F’dan il-working order ridt nibda minn diagnostika xjentifika, (jiġifieri mhux  sempliċiment x'wieħed jaħseb, iżda permezz ta’ mezzi xjentifiċi u riżultati aktar preċiżi) li għaliha kelli bżonn nifforma team ta' xjentisti, inġiniera u paramediku. Ma kienx faċli dejjem li nsib li kelli f'moħħi, iżda r-Redentur ħa ħsieb tajjeb ta' dan, għax nista' ngħid li sa issa wasalt biex ikun studju ta' livell uniku li qatt ma sar bħalu f'Malta fuq statwi, jew opri ta' arti simili. Nista' ngħid li b'riżultat ta' dan l-istudju, għandna ħafna informazzjoni ġdida dwar din l-istatwa devota tar-Redentur u li, jekk AlIa jrid, '1 quddiem, naturalment wara li jkun spiċċa x-xogħol fuq il-proġett, tiġi ppubblikata f'pubblikazzjoni apposta.

 

Nistgħu ngħidu li fil-preżent, ħafna mix-xogħol fuq dan il-proġett issa huwa kważi lest, għax l-aktar essenzjali sar. Għalkemm mhux faċli, interventi  mill-inqas  diretti u bl-akbar prudenza, jistgħu jsiru wkoll. Minkejja dan, dilemmi ma jonqsux!

 

Għal dawn l-aħħar 300 sena il-Fratellanza tal-Kurċifiss indukrat b'għożża x-xbieha ta' Ġesu Redentur. Wasal iż-żmien biex naraw verament x'inhuma l-bżonnijiet ta' din ix-xbieha. Forsi fil-futur qrib, ikun hemm il-ħtieġa li jsiru xi modifikazzjonijiet tal-ħruġ proċessjonali tal-istatwa, kif ukoll fl-organiżżazjoni u fl-istrutturi li jikkumplimentawha. Iżda dan kollu nasal għalih wara li, b'ħafna ħsieb u studju, ninterpreta r-riżultati b'mod xjentifiku u wara li jinkiteb ir-rapport estensiv dwaru.

 

Il-proċess ta' konservazzjoni fuq l-istatwa ta' Ġesu Redentur jinqasam f'dan il-working order:

 

(a) L-ewwel aspett huwa l-aspett storiku u neċessarjament dokumentattiv, jiġifieri revisiting historical documents. Peress li r-riċerka fuq ir-Redentur għada mhix definittiva, ikun jixraq li ssir mill-ġdid riċerka aktar vasta. Biex jikkumplimenta dan qed isiru testijiet xjentifiċi aktar fil-fond, biex jagħtuna ħjiel taż-żmien li fih sar.

 

(b) It-tieni fażi hija dik li tissejjaħ Manufacturing technique, kif ukoll analysis of constituent materials. Dan huwa ħafna importanti biex meta jsiru xi nterventi fuq kulI opri tal-arti, il-materjali użata waqt il-proċess ta' konservazzjoni jkunu  żgur li huma kompatibbli mal-materjali oriġinali preżenti fuq l-oġġett jew opra artistika.

 

(c) It-tielet fażi tikkonsisti fl-istat ta' konservazzjoni attwali li teknikament tissejjaħ Preliminary investigations and photographic records before treatment, including X-rays. Huwa meħtieġ ħafna li l-proċess ta' konservazzjoni jkun kollu dokumentat, kemm qabel kif ukoll matul u fl-aħħar tal-proċess.

 

(d) Ir-raba' fażi tissejjaħ Identification of past restoration, din issir permezz ta' dawl apposta li juri interventi biż-żebgħa li mhix oriġinali, u li mbagħad, permezz ta' kampjun daqs ras ta' labra, il-laboratorju jidentifika eżatt x'inhi l-kompożizzjoni kimika tagħhom, u b'hekk naslu nkunu nafu ta' liema perjodu huma. Dan huwa mportanti  għall-identifikazzjoni proprja tal-opra, u tgħin lir-restawratur u l-istoriku biex ikunu aktar preċiżi fix-xogħol tagħhom.

 

(e) Fil-ħames fażi jingħataw proposti ta' interventi miktuba f'rapport preliminari ma' dokumentazzjoni ta' dak li semmejt sa issa. Wara, isiru l-interventi neċessarji ta' konsolidamenti, liema interventi jkunu kollha dokumentati.

 

(f) Is-sitt fażi tikkonsisti mill-kitba tar-rapport finali ta' dak li semmejt sa issa kollu, u fuq ix-xogħol kollu li jkun sar fuq din l-opra tal-arti u ta' devozzjoni. Pubblikazzjoni fi ktieb illustrat b'ritratti sbieħ, kemm b'mod tekniku, stilistiku, u storiku għandha issir!

 

Minn din il-kitba, għalkemm fil-qosor, wieħed jinnota kemm huwa mportanti l-istudju fuq l-opri tal-arti, li l-interventi jkunu meqjusa u li jsiru bi prudenza. Interventi diretti huma biss punt wieħed minn tant punti oħra l-aktar mportanti.

 

Wieħed għandu dejjem jittratta individwalment kull biċċa xogħol tal-arti. Dan ma hemmx riċetta jew formola li tapplika b'mod ġenerali, dejjem u fuq kollox. Kieku kien hekk, ir-restawr ikun ħaġa sempliċi ħafna u jista' jagħmlu kulħadd. Iżda wara li wieħed ikollu għarfien ta' studju tajjeb fil-qasam tar-restawr, wieħed irid jagħraf japplika l-istudju u l-esperjenza tiegħu b'mod differenti quddiem kull biċċa xogħol ġdida b'mod uniku u b'mod speċjali.

 

Id-devozzjoni hija dik li tagħmel lir-Redentur famuż. Dan ifisser li l-aspetti kollha preżenti huma ħafna mportanti (inkluż xi ħmieġ tal-bews jew xemgħa, speċjalment fuq idejh u saqajh li jibqgħu dejjem bla mittiefsa). Fil-fatt jekk isir xi tindif huwa superfiċjali ħafna. L-aktar importanti huwa l-konsolidament tiegħu fejn qed jaqgħu biċċiet żgħar li mhux kollha viżibbli għall-għajn, u oħrajn ovvji li jekk tħallihom, il-ħsara dejjem issir ikbar. Barra dan, trid tingħata attenzjoni partikulari lill-istruttura nterna tal-istatwa.

 

L-aspetti soċjoloġiċi, antropoloġiċi, u psikoloġiċi, imsieħba mat-tradizzjoni reliġjuża, jagħmlu kultura u storja ta' devozzjoni marbuta b'mod qawwi mar-Redentur. Għalija li jien responsabbli direttament ta' dan il-working order u tax-xogħol kollu ta' konservazzjoni, huma ta' prijorita importantissima. Tant hu hekk li kull intervent dirett fil-futur mhux neċessarjament li jkun viżibbli. Dan biex ma joħloqx trawma lid-devot. Kull intervent li jsir ikun essenzjalment rakkomandat bħala riżultat tar-riċerka xjentifika, u mill-aktar urġenti. Teknikament irid ikun pereċċellenza u mill-aktar professjonali kif, wara kollox, saru I-affarijiet sa issa. Preferibbilment issir konservazzjoni priventiva, u inqas diretta.

 

Fost dawn l-interventi ta' konservazzjoni priventiva huwa meħtieġ li l-ġarr kollu jkun aktar prudenti, limitat u, speċjalment fil-purċissjoni ta' Ġunju, ir-reffiegħa jridu jkunu mlaqqa' tajjeb. Dan ifisser li wieħed, bil-paċenzja, jistenna l-waqt tiegħu li jkun it-tul tal-oħrajn. Proċessi tekniċi mill-inġinier responsabbli ser jgħin dan ukoll.

 

Ma' dan inżid li arti u devozzjoni huma kumbinazzjonijiet mhux faċli fil-qasam tal-konservazzjoni, speċjalment jekk li jkun hemm preżenti problemi serji. Kemm għall-individwu li jkun responsabbli dirett kif ukoll għal min hu parteċipi. Għalhekk dan ix-xogħol qed jieħu fit-tul, biex it-talb, l-għerf u l-għaqal fid-deċiżżjonijiet ikunu l-grazzji maqluha tal-istess Ġesu Redentur.

 

AGGORNAMENT


F’Mejju li ġej, se jibdew xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni xjentifiċi fuq l-istatwa mirakoluza ta’ Ġesù Redentur tal-Isla, progett li se jiswa madwar €40,000. 


Studji xjentifiċi li saru fuq l-Istatwa mid-fivizjoni tal-konservazzjoni fi ħdan Heritage Malta u mill- Consiglio Nazionale della Ricerca ta’ Firenze urew li filwaqt li l-intern tal-vara għadu fi stat tajjeb ħafna, l-estern, primarjament it-tunika u partijiet oħra tal-karnaġġjon fih brix u qsim.

Huwa evidenti li interventi li saru fuq l-istatwa fil-passatt wassal biex dgħajjef partijiet oħra tal-istatwa. Dawn se jitneħħew waqt il-proċess ta’ restawr biex jinkixef il-mant oriġinali li huwa ċoqqa proprja.


L-istatwa giet analizzata bir-reqqa permezz ta' scanner u ta’ kamera żgħira li ddaħħlet minn toqba eżistenti fil-bażi tal-istatwa.


Il-proġett se jsir mill-kumpanija Atelier del Restauro u għandu l-permessi kollha meħtieġa kemm tal-Kurja tal-Arċisqof kif ukoll mill-Kummissjoni Patrimonju Kulturali Kattoliku.

Matul ir-restawr fuq l-istatwa, li tmur lura għas-seklu 18, se jkun hemm ġranet fejn il-pubbliku jkun jista’ jara x-xogħol li jkun qed isir.