Il-Vari Tal-Gimgha L-Kbira F'Malta

                                              Rabat

Id-devozzjoni lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta' Sidna Ġesu Kristu ħadet spinta kbira 'l quddiem mal-wasla tal-Patrijiet Franġiskani Minuri f'Malta fl-1494 li waqqfu l-kunvent u l-knisja tagħhom fir-Rabat biswit il-Belt tal-Imdina li dak iż-żmien kienet iċ-ċentru governattiv ta' Malta.

Ma' din l-ordni ingħaqdet l-aktar Fratellanza antika fil-gzejjer Maltin, dik tal-Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp li kien ilha mwaqqfa minn qabel is-seklu sittax. Din mill-ewwel ħadet f'idejha l-organizzazzjoni tal-purċissjoni tal-passjoni li skond dokument tal-1591, fir-Rabat kienet diġa issir għalkemm mhux kif nafuha illum. Xhieda oħra ta' kemm hi antika din il-purċissjoni huwa d-daqq melankoniku tas-suffara u t-tambur, drawwa li ġejja mill-bandituri tal-imgħoddi. Id-drawwa tal-penitenti b'wicchom mgħammad ikaxkru l-ktajjen jew jerfgħu s-slaleb ukoll rat il-bidu taghħa f'dan ir-raħal.

F'dan iż-żmien bikri, il-purċissjoni kienet toħrog mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu`(ta' Ġiesu) tard fil-għaxija u tidħol lura għall-ħabta ta' nofs il-lejl. Nistgħu nimmaġinaw l-atmosfera bin-nies iġorru l-gandilabri u torċi jaqbdu bil-ħatab u jduru mat-toroq imdallma.Il-purċissjoni kienet todħol ukoll l-Imdina. Mill-1879, fuq ordni tal-Isqof Carmelo Scicluna, il-purċissjoni bdiet toħroġ kmieni u tkun daħlet lura sat-tmienja ta' filgħaxija.

Fl-1883, giet imwaqqfa il-Prokura tal-Gimgħa l-Kbira fi ħdan l-istess Fratellanza. Prokuratur li ta' spinta l-quddiem lill-purċissjoni tar-Rabat kien il-Baruni Giuseppe de Piro Gourgion. Fi żmienu, jiġifieri lejn il-bidu tas-seklu għoxrin, daħħlet l-ideja tal-persunaġġi Bibliċi kif nafuhom illum li bdew b'Nikodemu u Ġużeppi ta' Arimatea u baqgħu dejjem jiżdiedu. Magħhom żdiedu ukoll is-suldati Rumani. Daħlet ukoll l-użanza tat-tronku. Dan kien salib kbir magħmul mill-injam u l-kartapesta u li jintrefa' minn raġel wieħed b'ieħor jakkumpanjah. Dan is-salib għadu jinħareg fil-purċissjoni sal-lum. 

Ma jistax jonqos li bħala l-eqdem purċissjoni f’Malta, din tar-Rabat ma tkunx imżejna b’opri artistiċi antiki mill-isbaħ imma li sfortunatament illum uħud minnhom m’għadhomx jintużaw. Insemmu l-gandelabri b’riċipjent tal-ħadid biex fihom jitpoġġa l-ħatab jaqbad, il-gandlieri maħduma bit-torn u bl-iskultura indurata li jinxtegħlu bix-xemgħa quddiem il-Monument, fanali kbar forma ta’ salib b’erba’ friegħi kull waħda magħmula minn metall irqiq u ħġieġ, pilandri bi ħdax jew ħames globi tawwalin tal-ħġieġ fin ikkulurit kif ukoll għadd ta’ fanali oħra b’forom u għamliet differenti. 

Dawn l-opri jakkumpanjaw il-vari tal-passjoni li fir-Rabat ilhom jeżistu mijiet ta' snin għalkemm ħafna minnhom inbiddlu tul iż-żmien. Xhieda ta' dan huma l-vara tal-Marbut u l-korp ta' Kristu mejjet fil-Monument li jitqiesu xogħol tas-seklu sittax u huma l-eqdem statwi li nsibu fil-gżejjer Maltin. Minn wara t-Tieni gwerra Dinjija, il-vari kienu jiżżejnu bil-globi tal-ħġieġ li fihom bdew jitpoġġew x-xemgħat. Illum il-kumplament tal-vari min barra l-Monument qed jiżejjnu bi fjuri friski. Il-vari ġew ukoll imdawwra bil-ħadid iddisinjat artistikament biex magħhom jitpoġġew il-globi tal-ħġieġ.

Il-Vari tar-Rabat huma għaxra u huma taħlita ta' xogħol antik ferm kif ukoll xogħol riċenti bħalma hi l-vara tal-għaxar stazzjon li hi unika fil-gżejjer Maltin.  

Il-Purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira fir-Rabat

Il-Gimgha 10 t'April 2009 fis-5.30pm  

 

 

 

 

L-Ort 

Din il-Vara hija xogħol fil-kartapesta tal-istatwarju Mosti Antonio Mifsud u tlestiet fl-1825. Ir-raġġiera tal-fidda madwar ras Kristu ġiet irregalata fl-1882.

It-Tradiment ta' Guda 

 

Vara pjuttost riċenti maħduma fil-kartapesta mil-istatwarju Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi fl-1982.        

Il-Marbut  

  

Din hija statwa sabiħa x'aktarx tas-seklu sittax u zgur waħda mill-eqdem fil-gzejjer Maltin. L-awtur mhux magħruf għalkemm jidher ċar li kien skultur tajjeb. Din hija skolpita fl-injam minn zokk wieħed ta' siġra. 

                                        

 Ecce Homo

 

 

Vara ohra riċenti maħduma wkoll mill-istatwarju Alfred Camilleri Cauchi fl-1984. Din ħadet post oħra tal-1824, xogħol Antonio Mifsud li issa tinsab ikkonservata f'niċċa ġo l-Oratorju tal-Fratellanza ta' San Guzepp.

 

 

 

 

.

Ir-Redentur 

Il-Vara tar-Redentur tar-Rabat hija devota ħafna u meqjusa mirakoluza. Hija xogħol sabiħ fil-kartapesta li madankollu sal-llum m'għandniex ħjiel min seta kien l-awtur tiegħu.

Il-Veronika 

Il-Veronika hija xogħol Mastro Karlu Darmanin. Din il-figura solitarja nħadmet fil-kartapesta fl-1880.

L-Ghaxar Stazzjon - Gesu' mnezza minn Hwejgu 

 Din hija l-unika statwa li tirrapprezenta l-Għaxar stazzjon fil-gzejjer Maltin. L-istatwarju Alfred Camilleri Cauchi li ħadem din il-Vara fl-1984 qed jipprezentalna lil Kristu jiġi mneżża minn ħwejġu u mdawwar bi tliet suldati Rumani. Ta' min jgħid li r-Rabat diġa kellhom vara ohra simili li kienet inħadmet f'Bari fl-1962 mid-ditta Salvatore Bruno imma li spiċċat tmermret għal kollox. 

 Il-Vara L-Kbira

Il-Kurċifiss artistiku tal-Vara l-Kbira huwa xogħol antik ħafna tant li nsibu li fl-1741, il-Fratellanza ta' San Guzepp ħadet ħsieb tagħmel raġġiera tal-fidda madwar ras Kristu. Din il-Vara ġiet irranġata u rrestawrata min Mastro Karlu Darmanin. Ta' min jinnota li t-tabella bl-inizjali INRI fuq is-salib hija miktuba bl-Ebrajk, bil-Grieg u bil-Latin kif fil-fatt jingħad li nkitbu minn Pilatu. Din il-ħaġa tinsab biss fis-sett tar-Rabat.

Il-Monument 

Ikkonservata tajjeb ġo niċċa li tinsab fl-Oratorju tal-Fratellanza ta' San Guzepp għadna nistgħu ngawdu sal-lum l-urna artistika fuq stil barokk li jingħad li nħadmet fi Sqallija għall-ħabta tal-1500. L-urna li takkumpanja l-purċissjoni llum il-ġurnata hija replika tal-antika imma ħafna aktar moderna għax inħaddmet fl-1953 bejn tliet fratelli tal-istess Fratellanza ta' San Guzepp. Mastro Guzeppi Muscat ħadem l-urna, filwaqt li s-Surmast Carmelo Tonna ħa ħsieb l-iskultura fl-injam u Guzeppi Farrugia l-induratura. Il-Monument huwa nieqes mil-anġli fil-kantunieri imma minflok jiġi ddekorat b'madwar 44 brazzi artistiċi li waqt il-purċissjoni jinxtegħlu  bix-xemgħa u jagħtuh aspett tassew sabiħ. Il-korp ta' Kristu mejjet għadu l-oriġinali, xogħol sabiħ fil-kartapesta li madankollu m'għandniex ħjiel min ħadmu. 

Id-Duluri 

Meqjusa fost l-isbaħ Vara tad-Duluri fil-gzejjer tagħna, din ġiet maħduma fil-kartapesta mil-bravu statwarju Karlu Darmanin fl-1880. L-istellarju madwar ras il-Madonna huwa tal-fidda. Ta' min jinnota li kuntrarju ghal ħafna vari oħra li jipprezentawlna puttin ifarraġ lill- Madonna, Darmanin ipprefera li jpoġġi anġlu kbir u mlibbes f'pozizzjoni oriġinali. Bħal kas tal-Vara l-Kbira, il-kitba fuq is-salib hija miktuba b'lingwi differenti. 

 Muzika fl-isfond.....

Canto Gregoriano 

   Canto Gregoriano 

 Coro de monjes del monasterio benedictino de santa Domingo de silos

                                          Li jmiss....

                                                                     

                                                                    Valletta  

                                                             

                                

Mur Fuq Nett Tal-Pagna