Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

IL-QNIEPEN  U  L-ĠIMGĦA  MQADDSA

Kitba Ta' Guido Lanfranco

Il-qniepen tal-knejjes tagħna jgħaddulna, fl-imgħoddi aktar minn issa,  messaġġi matul is-sena kollha biex ifakkru jew iħabbru diversi avvenimenti u ma jistax jonqos li dwar il-Passjoni ta’ Kristu jsemmgħulna lingwaġġ speċjali.   Kulħadd jaf li, minbarra tifkiriet oħra, fil-Ġimgħa Mqaddsa hemm jumejn li fihom id-daqq tal-qniepen  iħeġġiġna nħossu l-atmosfera ta’ żewġ ġrajjiet ta’ mportanza mill-aktar kruċjali għall-Insara, jiġifieri il-Ħamis ix-Xirka li jfakkar l-istituzzjoni ta’ l-Ewkarestija u l-Ġimgħa l-Kbira li tfakkar il-Passjoni.    F’Ħamis ix-Xirka t-twaqqif ta’ l-Ewkarestija huwa mħabbar bid-daqq ferrieħi tal-qniepen u fil-Ġimgħa l-Kbira d-dwejjaq għall-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu jinħass aktar bis-silenzju vistuż tagħhom. 

Mhux biżżejjed li l-qniepen isemmgħu leħenhom f’dawn il-jumejn tal-Ġimgħa Mqaddsa, imma mill-aħħar snin tas-seklu tmintax bdew jindaqqu l-qniepen nhar ta’ Ħamis u nħar ta’ Ġimgħa matul is-sena kollha.

Kull nhar ta’ Ħamis u l-Ġimgħa

 F’Ottubru tal-1781 fl-Isla kien ġie deċiż li kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija, sagħtejn wara nżul ix-xemx, tindaqq mota ferrieħa tal-qniepen biex tfakkar l-istituzzjoni ta’l-Ewkarestija fl-Aħħar Ċena u wkoll l-għada l-Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara’ nofsinhar jindaqq it-transitu jew mortorju biex ifakkar il-Mewt ta’ Kristu.   L-isqof Labini, fl-1793, kien  daħħal dawn id-devozzjonijiet bid-daqq tal-qniepen u talb, fil-parroċċi kollha tad-djoċesi.  F’Għawdex, tal-Ħamis kienet magħrufa wkoll bħala “l-Mota taċ-Ċena”.  Biż-żmien, din it-tifkira bdiet issir f’għamla ta’ Ora Santa filgħaxija bl-Adorazzjoni Ewkaristika.    

Il-mortorju jew transitu tat-tlieta ta’ wara’ nofsinhar kien jindaqq kull nhar ta’ Ġimgħa imma ma kienx idoqq fil-Ġimgħa l-Kbira għax dakinhar ikun hemm tifkira mod ieħor u l-qniepen kienu jkunu siekta mill-ġlorja tal-Ħamis is-Xirka sal-Glorja tas-Sibt il-Glorja filgħodu; lanqas ma kien jindaqq fil-Milied jekk dan jinzerta l-Ġimgħa, għax il-Mewt ta’ Kristu ma tistax titfakkar fl-istess jum tat-Twelid Tiegħu.    Il-qniepen tal-Ġimgħa għadhom jindaqqu f’diversi parroċċi u sa ftit snin ilu, aktar minn daż-żmien, nies fuq ix-xogħol kienu jagħmlu pawża u fl-iskejjel kienu jieqfu l-lezzjonijiet malli jinstemgħu it-tokki kiebja tat-tlieta biex jgħidu t-taqbila li tibda: “O ruħ, x’għamiltlek jiena . . . ħallejtni wara’ spallejk . . . ”      Għal min kien isum is-Sawma tal-Passju il-qniepen tal-Glorja ta’ Ħamis ix-Xirka kienu l-bidu din is-sawma stretta li kienet tispiċċa mal-Glorja ta’ Sibt il-Għid; din is-sawma kienet magħrufa wkoll bħala s-Sawma minn Glorja sa’ Glorja. 

Qniepen siekta

 F’Ħamis ix-Xirka filgħodu l-funzjoni kienet (u għadha) tasal għall-Glorja li magħha jdoqqu l-qniepen.  Din kienet tkun l-aħħar darba li l-qniepen idoqqu qabel il-Glorja tas-Sibt filgħodu.   Mbagħad issir proċessjoni fil-knisja biex l-Ostja tiġi esposta fis-Sepulkru (issa nippreferfu ngħidu Altar tar-Repożizzjoni).   Il-jum tal-Ġimgħa kien jitħalla sieket u l-qniepen ma jinstemgħu xejn għax jorbtulhom ilsienhom.   Ukoll fid-djar, dawk li kellhom, ma kienux idoqqu radju jew diski u lit-tfal ma kienux iħalluhom jilgħabu jgħajtu.  Interessanti  wieħed jiftakar li Dun Alfred Gatt, qassis twajjeb li ħadem għad-devozzjoni tal-Volto Santo, jew Wiċċ ta’ Kristu,  miet fis-26 ta’ Marzu 1937 li ħabat jum il-Ġimgħa l-Kbira. 

Għalkemm kien il-Ġimgħa l-Kbira, xorta waħda kellu l-Vjatku, imma l-qniepen tal-knisja ma daqqewx.    Il-Qanpiena tat-Tifkira (The Siege Bell) li hemm qrib il-Barrakka t-Isfel u Sant’ Iermu, li saret minn John Taylor fl-1992 biex tfakkar l-assedju tat-Tieni Gwerra Dinjija, saret biex iddoqq tifkira kuljum f’nofsinhar, imma mhux fil-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid ta’ żmienna.     L-ewwel u l-aħħar darba li daqqew il-qniepen fil-Ġimgħa l-Kbira kien fil-11 ta’ April 1941.  Dak iż-żmien konna fil-gwerra bl-attakki mill-ajru.  Kien hemm arranġament li wara’ li s-sirena ddoqq biex tavża li għadda l-attakk (raiders passed), kien imiss idoqqu l-qniepen biex jagħtu l-all clear.   F’dak il-jum li semmejna kien hemm air raid u meta spiċċa kollox kellhom idoqqu l-qniepen skond l-ordnijiet, wkoll jekk kienet il-Ġimgħa l-Kbira.     

Iċ-ċuqlajta

 Biex iħabbru attivitajiet u funzjonijiet konnessi mal-Ġimgħa l-Kbira, fiż-żmien meta l-qniepen ikunu siekta, kienu (u bosta għadhom) jużaw iċ-Ċuqlajta fuq il-kampnar jew fuq il-knisja.  Għadna nisimgħu iċ-ċuqlajta f’diversi postijiet waqt li  toħroġ il-proċessjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.   Ukoll f’xi funzjonijiet fil-knisja minflok qanpiena ċkejkna kellhom ċuqlajta żgħira ta’ l-idejn.  Bosta tfal kien ikollhom waqħda ta’ l-idejn li kienet issir minn bċejjeċ ta’ l-injam marbutin flimkien.    Iċ-ċuqlajta tal-kampnar kienet tkun magħmula kollha ta’ l-injam bħallikieku erba’ kaxex twal vojta minn ġewwa mqiegħdin għamla ta’ salib b’imradd biex iddawwar minnu u, waqt li ddawwar, bċejjeċ ta’ l-injam biċ-ċappetti jfaqqgħu bejniethom.    

Jissemmew daqs erbgħin waħda ta’ għamliet differenti f’Malta u f’Għawdex oħrajn l-Għarb, Nadur, Qala, il-kattidral fiċ-Ċittadella, r-Rabat għand il-Konventwali, Sannat, Xagħra, Xewkija u Iż-Żebbuġ.     Hemm kitba li tgħid li fin-Naxxar, għal xi żmien fis-seklu tmintax,  waqt il-proċessjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma kienux jużaw ċuqlajta minflok qanpiena imma, għal kull statwa li toħroġ kien hemm wieħed jaħraq il-maskli.     Għall-ħsejjes li tagħmel iċ-ċuqlajta waqt id-dawran, l-Ingliżi jużaw l-espressjoni: cracking of Juda’s bones, jiġifieri li l-ħsejjes qishom l-għadam ta’ Ġuda qed jitfarrku!

Mal-qniepen ta’ Sibt il-Glorja

 Bejn wieħed u ieħor sa nofs is-snin sittin tas-seklu għoxrin il-Glorja kienet iddoqq is-Sibt filgħodu li kien jissejjaħ ukoll Sibt il-Glorja jew Sibt il-Għid.   Iċ-ċerimonja ta’ filgħodu fil-knisja kienet tkun twila imma issa saret qasira u wara’ nofsinhar u, fejn qabel ma kienux jistgħu isiru magħmudijiet, issa jistgħu isiru.  Iċ-ċelebranti kienu jilbsu l-vjola, issa l-abjad.   Wara t-tberik tan-nar kienu jkantaw il-litanija tal-qaddisin it-twila, imma issa mqassra. 

Malli ddoqq il-Glorja kont tisma’ storbju f’atmosfera ta’ ferħ ma’ kullimkien.   Minbarra d-daqq tal-qniepen, fil-knisja jinstma’ l-orgni, jinkixfu t-twieqi u l-inkwadri li kienu jitgħattew ftit jiem qabel. Fid-djar ħafna nies kienu jbaħħru biż-żebbuġ imbierek miżjud b’xi biċċiet tax-xemgħa tat-tniebri jew tal-kandlora.  Tfal fid-dar jew barra, dawk li kellhom waħda,  kienu jdoqqu qanpiena ta’ l-idejn.   Ħafna ommijiet kienu jagħtu banju lit-trabi li fih kienu jitfgħu bċejjeċ tal-fjuri minn tas-Sepulkru. Oħrajn li jkollhom trabi se jitilqu jimxu, kienu jżommuhom weqfin fuq saqajhom bit-tama li jitilqu jimxu malajr.  Ħwienet tal-laħam u tal-merċa kienu jieħdu r-ruħ li spiċċaw is-sawm u l-astinenza u jibdew iċekċku skieken u laned fuq l-irħama tal-bank.   Jindaqqu l-qniepen tal-knejjes l-oħrajn, il-laneċ u bċejjeċ oħra tal-baħar isaffru fil-portijiet meta jisimgħu il-qniepen ta’ San Ġwann. 

Il-kon-kattiodral ta’ San Ġwann kien ikun ippakkjat bin-nies u oħrajn ferrieħa fit-toroq biex ikunuy preżenti meta tindaqq il-ġlorja tas-Sibt filgħodu.  .  Tfajliet kienu jaqilbu għal ħwejjeġ tal-mezzutemp, in-nies imorru jixtru l-figolli, tal-ħwienet  ibaħħru biż-żebbuġ.  F’nofsinhar joħorġu tat-tanbur u tal-fifra minn ħdejn il-knisja tal-Griegi għal Strada Rjali, b’ħafna tfal u kbar jgħajtu madwarhom, kif kien ukoll isir fit-Tlitt Ibliet, spiss b’għajjat u taqbiliet mimli botti kontra r-rivali tagħhom ta’ L-Irxoxt.      Fis-seklu tmintax, Johan Meerman, vjaġġatur Olandiż, fost affarijiet oħra kiteb li f’Sibt il-Għid, minbarra l-qniepen, kienu jisparaw il-kanuni ta’ l-Ordni u l-għada l-Ħadd, mhux biss kienu jerġgħu jisparaw tiri ta’ salut imma l-qniepen kienu jdumu jdoqqu l-ġurnata kollha.

Qniepen privileġġjati fil-Glorja

Fl-1816 il-knisja parrokkjali ta’ Porto Salvo tad-Dumnikani tal-Belt, li popolarment ngħidulha “ta’ San Duminku” saret bażilika minuri mill-Papa.  Knisja jkun jistħoqqilha dan l-unur b’konnessjoni ma’ ħidma speċali u d-Dumnikani ġew ippremjati b’dan it-titlu l-aktar għax-xogħol tagħhom fi żmien il-pesta tal-1813.   Fil-brevi tal-Papa Piju VII, fost konċessjonijiet oħra kitbilhom:  “Kull sena, fil-jum tas-Sibt tal-Ġimgħa l-Kbira, waqt li tkun qed tiġi ċelebrata l-quddiesa solenni tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna, ma’ l-innu Gloria in excelsis Deo immedjetament wara li jinstema’ s-sinjal jew daqq tal-qniepen mill-kampnar tal-knisja ta’ San Ġwann Battista ta’ l-Ordni Ġerosolimitan, aħna, bl-awtorità tagħna imsemmija, nikkonċedu u nagħtu wkoll għal dejjem, li huma jkunu jistgħu idoqqu bla xejn tfixkil, il-qnapiena ta’ l-imsemmija knisja parrokkjali, imżejna bit-titlu ta’ bażilika minuri, kif ġa ngħad, qabel il-knejjes l-oħra ta’ l-istess Belt.”  Dan kien ifisser li wara’ San Ġwann ħadd mill-knejjes tal-Belt ma seta’ jdoqq il-qniepen ħlief ta’ San Duminku; l-oħrajn idoqqu warajhom.