Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Purċissjoni Tal-Ġimgħa L-Kbira f'Horsley Park L-Awstralja

 

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Horsley Park bdiet bl-inizzjativa tal-Kappilan ta’ dak iż-żmien u l-entużjażmu tal-parruċċani u l-komunita’ Maltija ta’ NSW.

F’Novembru, 1986, Fr. Philip Gambin mssp, esprima ix-xewqa tiegħu lil mejjet Joe Mangion (Tar-Ranbaba) u lil Joe Fenech (Tal-Barkun) – it-tnejn mil-Mosta – biex tigi organizzata purċissjoni b’vara tad-Duluri għax kien jaf li n-nies kienu se japprrezzaw din l-inizzjativa. Waqt li kienu qed jiddiskutu dan il-proġġett, Fr. Philip ftakar li f’kripta ta’ kunvent f’Melbourne, Victoria, kien hemm vara tad-Duluri mimlija trab u għanqbud. Wara li saru il-kuntatti u arranġamenti meħtieġa, bagħat  xi parruċani biex iġibuha lejn Horsley Park. Fr. Philip sab xi nies li kienu interesati biex jorganizzaw din il-purċissjoni u għaqqad Kumitat. Għalkemm il-ħin kien limitat, il-mejjet Joe Borġ ħadem bis-sħiħ biex il-pedestal tal-vara ikun lest fil-ħin.

Fl-1987, ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira, il-vara ġiet armata fil-Knisja. Ftit żgħażagh esprimew interess biex jipparteċipaw bħala suldati Rumani. Għalhekk, inkrew x’ilbiesi. Ħafna nies, kemm mil-parroċċa u minn barra l-parroċċa, ingħaqdu wara d-Duluri jireċitaw it-talb. Dik il-ġurnata stess, parruċċan qal lil Fr. Philip li xtaq jagħti donazzjoni biex ikun hemm vara oħra. Il-Kumitat iddeċida li t-tieni vara tkun il-Vara l-Kbira. Hekk beda l-iżvilupp għat-tkabir tal-purċissjoni: Il-flus għal kull vara ġew mogħtija minn benefaturi u donazzjonijiet ħallsu għal bandalori, ilbiesi u simboli. F’Mejju ta’ l-istess sena skultur minn Melbourne, Giuseppe Giansiracusa, ġi kkummissjonat biex jagħmel il-vara. Għalhekk, il-puċissjoni ta’ 1988 kellha żewġ vari u numru sustanzjali ta’ lbiesi ġodda.

Il-kommunita’ ħadet il-purċissjoni bil-qalb u daħlu aktar donazzjonijiet għal vari ġodda. Din id-darba l-Kummitat iddeċida li jikummissjona lil Chev. Alfred Camilleri Cauchi, skultur Malti ta’ fama internazzjonali, biex jagħmel żewġ vari oħra. Is-sena 1989 kienet waħda ta’ ħafna xogħol għall-Kumitat. Għall-ewwel darba saret l-essibizzjoni taċ-Ċenaklu. Is-sebgħa bandalori bl-aħħar kliem li Ġesu’ qal fuq is-Salib ġew mgħamula. Dawn kienu ix-xogħol tal-mejjet Charlie Grech u martu Jessie. Matul is-sena, sar ftehim mal-Gvern Malti biex jiġi sponsorjat it-traġitt tal-vari minn Malta għall-Awstralja. Il-vara Kristu fl-Ort tal-Ġetsemani u l-vara Ecce Homo waslu biss ftit jiem qabel il-Ġimgħa l-Kbira, iżda, il-Kumitat għamel ċert li kienu parti tal-purċissjoni ta’ dik is-sena. Kummentarju ġi ppreparat u moqri biex jgħin lil dawk preżenti jifhmu aħjar u japprezzaw xkien qed jiġri.

Il-purċissjoni ta’ l-1991 rat l-inklużżjoni ta’ tlett vari oħra (ukol magħmula f’Malta minn Camilleri Cauchi). Dawn kienu Kristu marbut mal-Kolonna, il-Veronika, u r-Redentur. Żewġ bandalori, il-PASSIO DNJC u l-SPQR, ġew magħmula u intużaw għall-ewwel darba dik is-sena. Iktar ilbiesi kienu magħmulin ukoll u, għall-ewell darba, nisa ħadu sehem.

Fl-1993 bdiet il-kostruzzjoni tal-knisja ġdida ddedikata għall-Vittorja. Il-knisja kienet lesta fl-1994 u l-vari żejnuha fir-Randan ta’ dik is-sena. Il-kobor mhux biss għamila aktar faċli biex tiġi organizzata il-purċissjoni, imma ġibet ukol iktar nies: Dik is-sena il-fola kienet madwar l-10,000. In-nies ma’ ġewx biss mit-truffijiet kollha ta’ NSW, iżda wkoll minn Victoria, South Australia u Queensland.

Fl-1997, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ċċelebrat l-Għaxar Anniversarju. Ġi organizzat program speċjali li kkonsista dramm oriġinali tas-Sur Eddie Busuttil mal-grupp teatrali u kulturali Iċ-Cittadini, msemmi “I am the Way, the Truth and the Life”. Il-Banda Our Lady Queen of Peace Maltese Band NSW daqqet kunċert ta’ Marċi Funebri taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Darmanin. Il-programm kien taħt il-patronaġġ ta’ l-Isqof David Cremen.

F'dawn l-aħħar snin il-Kumitat ikkonċentra biex ikompli isaħħaħ il-purċissjoni. Ġew magħmula aktar ilbiesi ġodda għat-tfal u għal-kbar.  Ftit minn dawn l-ilbiesi jirepreżentaw personaġġi mill-Antik Testment, bħal Mose’ u Aronne. Fl-2002, il-Kummitat ikkumissjona lil Camilleri Cauchi biex jgħamel vara oħra: Il-Monument. Din ħarġet għall-ewwe darbal fl-2004.

Il-Banda Our Lady Queen of Peace Maltese Band NSW Inc. hila tieħu sehem fil-purċissjoni sa’ mill-bidu u ddoqq Marċi Funebri. Il-kor tal-Għaqda Kulturali Maltija NSW ukol beda jieħu sehem minn żmien kmieni.

Ħafna nies ħadmu u għadhom jaħdmu iebes fl-istorja qasira tal-purċissjoni biex jagħmluha dik li ħi llum: avveniment b’xi 300 parteċipant u eluf ta’ nies li jiġu jarawha.  Il-Puċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Horsley Park hija prova ħajja tat-tradizzjonijiet reliġjużi w kulturali Maltin fl-Awstralja, waħda li tattira nies minn diversi kulturi.

Addatata minn Antoine Mangion mill-kitba ta’ Joe Mangion

                                                          L-Ort

Alfred Camilleri Cauchi (1989)

                                                        Il-Marbut

Alfred Camilleri Cauchi (1990)

                                                       Ecce Homo

Alfred Camilleri Cauchi (1989)

                                                       Il-Veronika

Alfred Camilleri Cauchi (1990)

                                                     Ir-Redentur

 
Alfred Camilleri Cauchi (1990)

                                                    Il-Vara L-Kbira

 
Giuseppe Giansiracusa  (1988)

                                                      Il-Monument

Alfred Camilleri Cauchi (2004)

                                                        Id-Duluri

Mattei Brothers (1987)