Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

L-ORDNI  TA’  SAN  ĠWANN  MIR-RANDAN  SA WARA’  L-ĠIMGĦA  MQADDSA 

Kitba Ta' Guido Lanfranco

 

 

 

Billi l-Ordni ta’ San Ġwann kienet ordni reliġjuża l-kavallieri kien ikollhom għadd kbir ta’ attivitiajiet fil-knisja konventwali tagħhom, f’San Lawrenz meta kienu l-Birgu u f’San Ġwann meta marru l-Belt.

 

 

 

 

         Fir-Randan

Fl-ewwel jum tar-Randan, l-Erbgħa ta’ l-Irmied, kien isir it-tberik ta’ l-irmied u fiċ-ċerimonja il-viċi prijur kien jagħmel l-irmied lill-prijur u mbagħad il-prijur kien jagħmel l-istess lill-gran mastru, lill-kavallieri, kanturi, uffiċjali, qassisin u l-kumplament waqt li fil-kappella ta’ San Ġakbu f’San Ġwann kienu jagħmlu l-irmied lin-nies li kien ikun hemm fil-knisja qabel ssir il-quddiesa fuq l-altar maġġur.  Mill-istess jum sa Sibt il-Għid, (ħlief fil-Ħdud) kienu josservaw is-sawm fil-jiem ta’ rogazzjoni.  Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-randan (ħlief fil-Ġimgħa l-Kbira) fl-oratorju tagħhom (bit-titular tal-martirju ta’ San Ġwann Battista) kien ikollhom espożizzjoni mis-sitta ta’ filgħodu, u dejjem kien ikun hemm, skond min imissu, żewġ qassisin jaduraw l-Ostja. Meta jasal il-gran mastru kienet issir quddiesa u l-priedka tal-kwareżima.    Sa ilu ftit, kull min jippriedka l-eżerċissi tar-randan, kienu jgħidulu kwareżimalista, minħabba li jkun żmien liturġiku tal-kwareżima.

         Id-Duluri

Nhar il-Ġimgħa wara Ħadd il-Passjoni, għalhekk qabel Ħadd il-Palm, kienu jfakkru d-Duluri tal-Madonna bħalma għadna nagħmlu sa llum.   Fl-1672, Nicholas Cotoner stabbilixxa fondazzjoni biex issir din it-tifkira.   Lejliet kienet issir il-Litanija fil-kappella ta’ Filermos.   Il-gran mastru u l-kavallieri gran kroċi wara’ kienu jmorru proċessjonalment għall-vespri fil-knisja ta’ San Ġakbu, li kienet tal-lingwa ta’ Castille u Leon.   L-għada, l-Ġimgħa,filgħodu, fl-istess knisja, l-istess personalitajiet jismigħu quddiesa kantata u wara jirritornaw lejn San Ġwann fejn, wara xi talb u kant ieħor, jagħmlu proċessjoni fil-knisja stess, bl-ikona tal-Madonna, issir quddiesa u priedka kwareżimali.    Fil-knisja ta’ San Ġakbu kien hemm  xbiha tad-Duluri li fl-1646 kienet salvata mill-ħsara meta kienet fuq bastiment.

         Ħadd il-Palm

Mill-kattidral ta’ l-Imdina, kienu joħorġu għal ħdejn is-salib ta’ fuq il-kolonna fejn jitkanta il-Passju biex simbolikament kien issir tifkira tat-tbatija ta’ Kristu barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm.

         Ħamis ix-Xirka

F’dan il-jum kienu jieħdu ħsieb speċjalment il-kavallieri u l-kleru tal-lingwa ta’ Provenza fil-berġa tagħhom. Kienu jiltaqgħu fil-kappella tagħhom ta’ San Mikiel, f’San Ġwann u,  fost id-daqq tal-qniepen, joħorġu proċessjoni mill-bieb ta’ Rjali (Triq Repubblika) għall-berġa.  Hemm kien isir il-ħasil tas-saqajn ta’ tlettax-il fqir u ta’ oġġetti ta’ l-ikel għalihom.  Wara dan kienu jerġgħu lura lejn San Ġwann.   Imma kienet issir proċessjoni oħra f’dan il-jum.  Minn San Ġwann kienu joħroġu proċessjoni bil-gran mastru u dinjitarji oħra jkantaw il-Miserere u jimxu lejn il-palazz maġisterjali.  Fis-sala kien ikun hemm lesti f’kontenituri u, fuq il-mejda, ammont ta’ ħobż u qamħ.  Kien ikun hemm tnax irġiel foqra, libsin l-abjad, tnax-il kavallier ħdejhom bil-buqar f’idhom u friskatur ilma jistennew il-proċessjoni tasal.  Il-kavallieri kienu jgħinu lill-gran mastru, lill-prijur u lill-gran kroċi fiċ-ċerimonja tal-ħasil tas-saqajn; fost il-foqra kien ikun hemm il-gwardjan tal-patrijiet ta’Ġieżu.  Wara dan il-gran mastru kien iqassmilhom borża ċkejnkna b’xi muniti tal-fidda.

         Is-Sepulkru

Għall-ewwel, is-Sepulkru jew, kif qed insejħulu llum, l-Altar tar-Repożizzjoni, kien jintrama’ fl-oratorju tal-knisja ta’ San Ġwann imma, billi fl-oratorju beda jsir dejjem aktar xogħol dekorattiv, jidher li bdew jarmaw is-Sepulkru fil-kappella ta’ quddiem is-sagristija. Minħabba f’hekk din il-kappella baqgħet mingħajr tiżjin ta’ skultura.  L-altar tar-Repożizzjoni kien maħdum fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà.  Drabi oħra kienu jieħdu l-kapsula tal-fidda fuq l-altar tal-kappella ta’ Santa Katarina fejn tiġi esposta għall-qima, b’żewġ kappillani konventwali b’ilbies korali preżenti fkull ħin.  Qabel joħroġ, il-gran mastru u l-kavallieri, kienu jgħaddu minn qiddiem il-kappella ta’ Santa Katarina fejn il-kapsula kienet tirrappreżenta l-qabar ta’ Kristu.  F’dan il-jum, il-gran mastru kien jirċievi ċ-ċavetta tal-kapsula biex l-għada, l-Ġimgħa l-Kbira, il-kapsula, l-istess waħda li għadha tintuża sa llum, kienu jeħduha fuq l-altar maġġur.   Il-viċi prijur kien jirċievi ċ-ċavetta mingħand il-gran mastru biex jiftaħ il-kapsula.  Wara l-uffizzju tat-tniebri kien jasal f’San Ġwann il-papas tal-Griegi bis-Sagrament, jilqgħuh il-kavallieri bil-baldakkin u fuq l-altar maġġur kien ikanta bir-rit Grieg.

         Il-Ġimgħa l-Kbira

Fid-djarju tiegħu, il-vjaġġatur Georg Friedrich von Eulenberg għall-Marzu 1663,  kiteb li fil-Ġimgħa l-Kbira daħal San Ġwann u sema’ t-tniebri u tliet bċejjeċ mill-lamenti ta’ Ġeremija waqt li fil-knisja kien hemm il-gran mastru u l-kavallieri. Saret ukoll il-proċessjoni bil-Madonna tal-Griegi, aktarx l-ikona tas-soltu.    Kienet issir l-adorazzjoni tal-Kurċifiss.  Għal din l-adorazzjoni is-sagristan kien iqiegħed fuq l-altar ir-relikwarju bil-Veru Linju (relikwa tas-Salib) u fuqu Kurċifiss għar-rit ta’ l-adorazzjoni.   Tajjeb ngħidu li fl-1749 erba’ kappillani ta’ l-Ordni tal-kavallieri waqqfu is-Sodalità tal-Fondi għall-Ġimgħa l-Kbira.  L-iskop kien biex jassiguraw li il-proċessjoni tal-Belt Valletta, u tal-Birgu, Bormla u L-Isla ssir u titkabbar id-devozzjoni lejha.   Il-proċessjoni kienet stabbilita mill-iskwadra ta’ erba’ galeri ta’ l-Ordni.  Kull-kappillan kien jiġbor minn fuq il-galera tiegħu u dak li jinġabar kien jitqiegħed fil-kaxxa fi ġranet apposta meta l-erbgħa jiltaqgħu bl-erba’ ċwievet differenti.  F’din is-Sodalità kien hemm imsieħba skjavi mgħammdin, l-ikkundannati għall-qdif, u l-bonavolja.

         Sibt il-Għid

Fost il-ħafna relikwi il-kavallieri kellhom ukoll żewġ muniti li kienu jgħidu li kienu tnejn mit-tletin li rċieva Ġuda u kienu magħrufa bħala Sacro Denaro jew flus ta’ Ġuda.    F’Sibt il-Glorja (jew Sibt il-Għid) waqt il-kant tal-Magnificat is-sagristan kien iqassam muniti tax-xemgħa magħmulin minn fuq ir-relikwa, lil gran mastru, lill-prijur, lill-kavallieri u lill-kor.   Kienu jsiru mix-xemgħa ta’ żmien l-Għid tas-sena ta’ qabel.   Kienu jakkwistaw minnhom lill-baħħara għax kellhom fidi li bihom jistgħu jikkalmaw il-maltempati.

         Lapsi
F’jum Lapsi kienet issir proċessjoni fit-toroq ta’ madwar il-knisja ta’ San Ġwann, waqt li ċċelebrant iżomm f’idu ikona li fuq naħa kellha ix-xbiha ta’  Kristu Salvatur u fuq wara oħra xbiha tal-Madonna.   F’dan il-jum kienu jitfu l-blandun.
         Wara l-Għid

Fil-jiem ta’ wara’ l-Għid, qabel Lapsi, kienu josservaw is-sawm  it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa, il-jiem tar-rogazzjoni.   Il-membri ta’ l-Ordni kollha kellhom id-dmir li jsumu f’dawn it-tlitt ijiem li f’kull wieħed minnhom kienu jagħmlu proċessjoni, kull waħda b’rotta differenti.   Proċessjoni waħda kienet tmur lejn il-knisja ta’ l-infermerija, oħra lejn il-knisja tal-monasteru ta’ Sant-Ursla u t-tielet lejn dik ta’ Sant’ Anton Abbati (li aħna aktar nafuha bħala Tal-Vitorja).   Il-membri kollha ta’ l-Ordni kellhom id-dmir li jakkumpanjaw; min ma jakkumpanjax kien obbligat  jgħid il-litanija tal-qaddisin privatament.   Wara l-Għid kellhom proċessjonijiet oħra fil-Ħdud.   Sa mill-bidu ta’ l-Ordni,  u wkoll meta kienu f’Akri u f’Rodi, il-kavallieri kellhom tradizzjoni li jakkumpanjaw kull nhar ta’ Ħadd imma l-kapitlu tal-1631 naqqas dawn il-proċessjonijiet tal-Ħdud b’direttiva li għall-inqas trid issir waħda fix-xahar.  F’dawn il-Ħdud kienu joħorġu mill-bieb tan-naħa taċ-ċimiterju li hemm fi Triq il-Merkanti, bis-salib quddiem, ikantaw il-litanija tal-qaddisin sakemm jaslu quddiem  l-altar ta’ l-infermerija u wara diversi talb u kant kienu jerġgħu lura lejn San Ġwann għall-quddiesa.

         Ħadd il-Għid 

F’dan il-jum il-knisja ta’ San Ġwann kienet tkun dekorata sewwa u kienu jarmaw brazzi tal-fidda mal-kolonni.   Kien ikun hemm l-uffizzju u l-quddiesa imma kien isir ukoll il-bews ta’ id il-gran mastru mill-prijur, miċ-ċelebranti, mill-kapitlu u mill-qassisin qabel il-kant tat-tielet siegħa. Dan il-jum kien għat-Tqarbina Ġenerali u ċ-ċeremonier kien jiġbor iċ-ċertifikati tat-tqarbina (il-bullettini) migħand il- kavallieri novizzi biex jgħaddihom lill-prijur.  It-Tnejn u t-Tlieta fuq l-Għid kienu jkunu festi kmandati.   L-istess von Eulenberg li ġa semmejna, fid-djarju tiegħu kiteb ukoll li. fil-25 ta’ Marzu 1663, meta ħabat l-Għid il-Kbir, il-galeri fil-port kienu kollha mżejnin bil-bnadar u bit-torċi mixgħulin, filwaqt li sparaw ħafna tiri ta’ salut.  F’San Ġwann kien hemm il-pontifikal mill-prijur ta’ l-Ordni.  Mis-Sanctus sa l-Elevazzjoni, madwar l-altar intużaw il-flabelli, imriewaħ bir-rix tan-nagħma (jew ostrich), bħalma kienu jużaw f’Ruma.  Uffiċjal tal-kavallieri, bil-virga ċeremonjali, beda jdur fil-knisja jistieden xi personalitajiet għall-ikla ta’ l-Għid.  Wara ċ-ċeremonji il-kavallieri u oħrajn għaddew quddiem il-gran mastru biex jixtiqulu l-Għid it-tajjeb u l-mistednin marru għall-pranzu.    Meta l-Ordni kienet il-Birgu il-galeri kienu jisparaw tiri ta’ salut ukoll wara l-quddiesa ta’ l-Għid, waqt il-proċessjoni ta’ l-Irxoxt tal-Birgu u waqt il-quddiesa li kienet issir fuq il-kapitana.    Il-kbarat kienu jmorru jawguraw l-Għid it-tajjeb lill-gran mastru, uħud għax kienu obbligati oħrajn minn rajhom.  L-Inkwiżituri ma kienux obbligati jagħmlu dan imma uħud minnhom ħassew li kellhom imorru jawgurawlu, sakemm biż-żmien  warajhom bdew jikkunsidrawha obbligu.  Imma ma baqgħux  jieħdu gost wisq imorru jagħmlu dan għax il-gran mastri ma kienux jiffittaw wisq biex joffrulhom l-isbaħ sedja jew koppa speċjali.    Fl-Għid il-kbir il-bonavolja ta’ fuq il-galeri kienu jirċievu bonus ta’ skud bħalma kienu jieħdu fil-karnival u f’San Ġwann.   Fil-Milied u f’San Martin il-bonus kien ikun ta’ żewġ skudi.

         Pentekoste
Fl-Għid il-Ħamsin il-knisja ta’ San Ġwann kienet tkun imżejna bid-damsk aħmar waqt li kien isir ir-rit normali, bil-gran mastru jattendi fuq it-tron fin-naħa tal-lemin.    Wara l-quddiesa l-kavallieri novizzi kienu jingħataw iċ-ċertifikat jew bullettin tat-tqarbin.