Nafu fiċ-ċert li fl-1750, diġa’ kienet toħroġ purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fin-Naxxar. Fil-fatt, il-pijunier tax-xogħol fil-kartapesta f'Malta, jiġifieri Saverio Laferla kien ħadem numru ta' vari għal din il-parroċċa u sal-1753, is-sett kien ġa tela' għal sebgħa. Dawn kienu jinkludu l-Ort, il-Marbut u l-Vara l-Kbira li għadhom jintużaw sal-lum, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Monument u d-Duluri. Dak iż-żmien, il-purċissjoni kienet issir f'Ħamis ix-Xirka bħalma kienet l-użanza f'bosta lokalitajiet oħra. Interessanti li anki f'dan iż-żmien bikri, il-purċissjoni kienet tinkludi mużiċisti jdoqqu t-tamburlini u l-fifri, u l-vjolini. Drawwa oħra fin-Naxxar kienet il-ħruq tal-maskli mal-ħruġ ta' kull vara mill-knisja. Jakkumpanjaw il-purċissjoni kien ikun hemm ukoll it-tfal iġorru l-fanali u torċi kif ukoll il-penitenti b'rashom mgħottija jkaxkru l-ktajjen.
F'dawn l-ewwel żminijiet, kienet is-Sodalita' tad-Duluri li kellha f'idejha l-organiżżazzjoni tal-purċissjoni. Kienet tieħu ħsieb ukoll li tiġbor il-flus biex isiru vari ġodda u tiżjin ieħor. Bi żmien, l-organiżżazzjoni tal-purċissjoni waqgħet f'idejn prokuratur li kien jinħatar apposta. Uħud minn dawn ħadmu kemm fellħu biex ikabbru l-purċissjoni u fuq kollox biex iżidu d-devozzjoni f'din il-Ġimgħa Mqaddsa.
Matul is-snin, il-purċissjoni baqgħet tiżviluppa. L-armar baqa jittranġa u jinbidel skond il-bżonn. Il-ftit daqqaqa kibru f'banda. Imma l-akbar tibdil sar wara l-aħħar gwerra dinjija. Inbidlu tliet vari u żdiedet dik tat-tradiment ta' Ġuda fl-1975. Baqgħu dejjem jiżdiedu l-persunaġġi Bibliċi li jieħdu sehem fil-purċissjoni u llum aktar minn erba' mitt ruħ jagħtu sehemhom f'dan il-pagaent tal-passjoni.
Tajjeb wieħed jirrimarka li fin-Naxxar, għadek issib speċi ta' mużew zgħir li fih għad hemm esposti l-istatwi antiki biex b'hekk ix-xogħol bikri ta' mastru Saverio Laferla għadu jista jitgawda minn kullħadd.
Il-Purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira fin-Naxxar
Il-Gimgha 10 t'April 2009 fil-5.15pm
L-Ort
Mastru Saverio Laferla, li nistgħu nqisuh bħala l-ewwel statwarju Malti li ħadem fil-kartapesta, lesta din il-Vara għan-Naxxar fl-1753. L-anġlu oriġinali ġie mibdul fl-1890 ma wieħed ġdid maħdum minn Karlu Darmanin.
It-Tradiment ta' Ġuda
Waħda mill-aħħar u l-aħjar xogħol ta' Mastru Wistin Camilleri, din il-Vara tal-kartapesta iżżanżnet fin-Naxxar fl-1975. Hija waħda miż-żewġ vari (bl-oħra tkun ta' Haż-Żebbuġ) fejn jidher San Pietru fix-xena tat-tradiment għalkemm ta' min jgħid li f'din il-vara Pietru jidher fuq il-lemin ta' Kristu u Ġuda fuq ix-xellug.
Il-Marbut
Il-Marbut hija vara antika ħafna u għadha mis-sett oriġinali. Inħaddmet flimkien mal-vara tal-Ort bil-kartapesta minn Mastru Saverio Laferla fl-1753.
Ecce Homo
Din il-Vara nħaddmet mill-istatwarju ta' żmienna, l-Għawdxi Michael Camilleri Cauchi fl-1982. Il-Vara l-antika ta' qabilha kienet diġa' teżisti fl-1750 u turi l-Ecce Homo fil-pożizzjoni tradizzjonali jiġifieri bil-qiegħda fuq kolonna (ara ritratt isfel lemin).
Ir-Redentur
Din il-Vara unika hija xogħol riċenti ta' Michael Camilleri Cauchi u ħarġet għall-ewwel darba fil-purċissjoni tan-Naxxar tal-1981. Hija unika kemm għall-pożizzjoni movimentanti ta' Kristu taħt it-toqol tas-salib u kemm għax tinkludi l-figura ta' suldat Ruman fiha. Ta' min jinnota x-xogħol sabiħ ta' nterzjar maħdum mill-mastrudaxxa Naxxari Victor Gauci.
Ir-redentur l-antik tan-Naxxar li kien sar għas-sett oriġinali fl-1751.
Il-Veronika
L-informazzjoni li għandna fuq din il-vara hija skarsa. Żgur li sa nofs is-seklu dsatax, ma tissemmiex vara tal-Veronika fil-parroċċa tan-Naxxar. Li nistgħu ngħidu hu li lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, il-vari kollha tan-Naxxar ġew rrestawrati kif ukoll sar xi xogħol ġdid bħall-anġlu ta' l-Ort u erba' anġli għall-Monument ġdid u peress li nafu li dawn inħaddmu minn Karlu Darmanin u Kalcidon Mangion, wieħed jista jassumi li l-Veronika tista tkun xogħol wiehed minn dawn it-tnejn.
Il-Vara L-Kbira
Għal darba oħra ma nistgħux inkunu ċerti jekk din il-Vara kinetx tagħmel parti mis-sett oriġinali għax stranament qatt ma tissemma fl-arkivji tal-parroċċa. Madankollu, ix-xogħol juri biċ-ċar li hija vara tal-istess epoka u għalhekk hija attribwita lil mastru Saverio Laferla li ħadem aktar vari ghan-Naxxar lejn nofs is-seklu tmintax.
Il-Monument
Żgur li dan m'huwiex l-ewwel Monument tan-Naxxar għax nafu li fil-purċissjoni tal-1750 kienu diġa joħorġu Monument. Dan jindikah ukoll il-fatt li l-korp ta' Kristu mejjet li għadu jintuża sa llum huwa xogħol mastru Saverio Laferla u kien tlesta sal-1750. Il-Monument sinjur tal-lum sar fl-1882 u hu xogħol artistiku tal-iskultur Pawlu Bugeja. Biex iżejnu l-kantunieri, nħaddmu erba' anġli li s'issa dejjem kienu attribwiti lil Karlu Darmanin. Madankollu, minn evidenza gdida li nstabet fl-Arkivju Parrokjali tan-Naxxar, ghandna ghax nifhmu li dawn saru minn Kalcidon Mangion forsi bl-uzu ta' forom ta' Karlu Darmanin stess. Il-Monument gie ndurat l-aħħar darba fl-1976.
Id-Duluri
Id-Duluri li naraw illum hija xogħol bil-kartapesta ta' Glormu Dingli u saret fl-1965. Id-Duluri ta' qabel din setgħet kienet waħda mill-ewwel vari fin-Naxxar u x'aktarx kienet diġa teżisti sal-1749. Bħall-vari tal-ewwel sett, hija xogħol Saverio Laferla.
Id-Duluri l-antika ta' Saverio Laferla