Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Mill-Ġetsemani sal-Golgota

L-Inħawi tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu minn lenti storika - Kitba ta' Marco Saliba

Ġerusalem, il-belt fejn mal-elfejn sena ilu seħħet l-aktar eżekuzzjoni magħrufa fl-istorja. Il-post fejn seħħ it-tmiem u l-bidu ta’ kollox, fejn skont Qajfa kien jaqbel li jmut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu (Ġw 11:50).


Imma sewwa sew, fejn ġara dan kollu?  Hemm diversi raġunijiet li jagħmlu dan l-istħarriġ diffiċli, ewlenija fosthom l-assedju li sofriet Ġerusalemm fis-sena 70 W.K. F’Dan l-assedju brutali, il-leġjuni Rumani qerdu l-Belt għal kollox, b’ħafna mit-taqbid l-aktar qalil ikkonċentrat fl-inħawi tal-kalvarju ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Il-Belt inbniet mill-ġdid mill-imperatur Hadrian fit-tieni seklu W.Q. iżda matul l-aħħar elfejn sena, Ġerusalemm sfat assaltata mill-Persjani, l-Misilmin u l-Insara b’ħafna mis-siti sagri jinqerdu u jinbnew mill-ġdid. Ma naqsux it-terremoti u d-diżastri naturali li rat din il-belt biex ikomplu jagħmluha diffiċli ssib traċċi marbuta ma’ din l-akbar ġrajja.   

 

Iċ-Ċenaklu

Ma nsiebu mkien fl-Iskrittura min kien sid id-dar li fiha kien hemm l-għorfa fejn ġiet iċċelebrata l-ikla tal-Għid. Madankollu, jidher li dan kien wieħed mid-dixxipli għax meta Kristu bagħat lil Pietru u Ġwanni biex iħejju l-ikla qalilhom biex jgħidulu “Qallek l-imgħallem....” (Mt26:18). Hemm min jgħid li seta’ kien Nikodemu jew Ġużeppi ta’ Arimateja jew saħansitra omm San Mark. Din l-għorfa mdaqqsa li kienet tinsab fis-sular ta’ fuq (Atti 1:13) kienet armata bħala kamra tal-pranzu ta’ dawk iż-żminijiet. Jidher li minn din l-aħħar ikla tal-Mulej ‘il quddiem, din l-għorfa baqgħet popolari mal-appostli tant li kif jingħad, dan kien il-lok fejn Kristu wera ruħu lill-appostli  mal-qawmien tiegħu mill-imwiet, fejn l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli, u fejn kienet is-sede tal-appostli fiż-żmien bikri tal-knisja.

Dan iċ-ċenaklu jinsab fuq l-għolja Sion lejn in-nofsinhar tal-ħitan tal-belt. Sas-Seklu ħamsa, dan il-post serva bħala l-unika knisja f’Ġerusalemm tant li kienet magħrufa bħala Omm il-Knejjes Kollha. Fir-Raba’ seklu, mat-tmiem il-persekuzzjonijiet kontra l-insara, inbniet  knisja Biżantina li messitha x-xorti ħażina li tinqered bin-nar darbtejn, fis-sena 614 W.K., matul l-assedju Persjan, u għal darb’oħra fis-sena 965 W.K . 


Iċ-Ċenaklu li nsibu llum inbena mill-kruċjati fis-seklu tnax bħala qasam mill-knisja ta’ Santa Marija ta’ Sion. Sakemm baqgħet fil-kontroll tal-Kristjani, din il-knisja kienet waħda mil-ġawhar ta’ Ġerusalemm iżda b’xorti ħażina reġgħet iġġarrfet mat-telfa tal-kruċjati. 


Fis-seklu erbatax reġgħet ingħatat il-ħajja mill-patrijiet Franġiskani li kienu waqqfu l-ewwel kunvent tagħhom hemmhekk. Baqgħet fil-kura tagħhom sal-1552 meta l-Ottomani bidlu din il-kamra f’moskea kif baqgħet sal-lum il-ġurnata. Eżatt taħt din il-kamra jiġifieri fis-sular t’isfel insibu dak li hu maħsub li huwa l-qabar tar-Re David, post meqjum b’tant devozzjoni kemm mill-Lhud kif ukoll mill-Musulmani.

 

Lejn il-Ġetsemani

Skont l-evanġelji, kif intemmet l-ikla, Ġesu flimkien mad-dixxipli tiegħu irħewlha lejn wied Qedron biex waslu fil-ġnien magħruf bħala l-Ġetsemani li jinsab lejn il-Grigal ta’ Ġerusalemm. Kemm fi żmien Kristu kif ukoll illum, Wied Qedron jintuża bħala ċimiterju u kienu jindifnu fih il-Lhud devoti kemm minħabba d-distanza qasira li hemm bejnu u t-tempju kif ukoll minħabba x-xebħ li raw bejnu u l-wied Josafat li skont il-Profeta Joel huwa s-sit fejn għandu jseħħ il-gudizzju universali tal-ġnus (JL 4,2).


Il-Ġetsemani jinsab fil-baxx ta’ l-Għolja taż-Żebbuġ li ħadet isimha  mill-ammont kbir ta’ siġar taż-żebbuġ li kien hemm imkabbra fuqha. Dawn l-inħawi ma kienux estrani għall-Mulej Ġesu’ kif jixhed l-evanġelista Ġwanni “Kien jafu dan il-post Ġuda........għax sikwit kien Ġesu’ jinġabar hemm flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Ġw 18:2).  Mattew jgħidilna wkoll li Ġesu għallem lid-dixxipli tiegħu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ (Mt 24, 1-26) u daħal Ġerusalemm fuq il-ħmara minn dawn l-inħawi (Mt 21, 1-9).

Skont tradizzjoni antika ħafna, Kristu ġie ttradut minn Ġuda u maqbud fil-lok magħruf bħala L-Grotta tal-Ġetsemani. Huwa l-istess post fejn Kristu ħalla d-dixxipli tiegħu qabel ma’ rtira biex jitlob. Illum il-ġurnata, f’din il-grotta hemm imwaqqfa tliet altari, fuq l-altar maġġur hemm pittura ta’ Kristu jitlob fost l-appostli filwaqt li fuq l-altari l-oħra hemm rappreżentazzjonijiet tal-Assunzjoni tal-Madonna u tal-bewsa ta’ Ġuda.


Biswit din il-grotta, wieħed isib il-Bażilika tal-Agunija jew kif inhi magħrufa ukoll il-Knisja tan-Nazzjonijiet kollha. Din il-knisja inbniet bejn l-1919 u l-1924 fuq pjanti tal-arkitett Taljan Antonio Barluzzi. Madankollu, sa mir-raba’ seklu, f’dan is-sit kien hemm knisja Biżantina li reġgħet inbniet mill-ġdid fi żmien il-kruċjati. Quddiem l-altar maġġur, hemm biċċa blata mdaqqsa li jingħad li kienet l-istess waħda li Kristu talab fuqha fil-lejl ta’ qabel il-passjoni. Din il-blata ġiet imdawwra b’kuruna tax-xewk maħduma bil-ferrobattut.

 

Għal għand Qajfa


Ittradut min Ġuda u maqbud mis-suldati Lhud, Ġesu’ ittieħed lura fil-Belt ta’ Ġerusalemm lejn il-qasam ta’ l-Għolja Sion li diġa’ semmejna aktar ‘il fuq. 


F’Dawn l-inħawi kienu jgħammru l-aktar Lhud influwenti fi żmien Kristu fosthom Qajfa li kien il-Qassis il-Kbir u Anna li kien jiġi missier il-mara ta’ Qajfa, li skont l-evaġelisti, Kristu ittieħed quddiemhom. 


Fir-Raba’ seklu, ġiet skavata f’dawn il-viċinanzi, dik li hi maħsuba li kienet id-dar ta’ Qajfa. Fis-seklu erbatax, f’dan il-post inbnew kunvent u knisja Armena magħrufa bħala San Salvatur.

 

Il-Pretorju

Skont l-iskrittura, l-għada kmieni fil-għodu, Ġesu’ ittieħed quddiem Ponzju Pilatu. Imma fejn?   L-Evanġelji mhumiex speċifiċi f’dan is-sens u sfortunatament it-tradizzjoni u s-sens komun jippuntaw lejn inħawi differenti.


L-Għassa tas-suldati Rumani kienet tkun ikkonċentrata madwar it-tempju u allura s-sens komun jgħidlek li ma setax ikun hemm post aħjar fejn joqgħod Pilatu mill-fortizza Antonia. Barra min hekk, it-teżi li l-pretorju, kif jissemma fl-evanġelji, qiegħed f’din il-fortizza hija msaħħa b’sejbiet arkejoloġiċi. Dan is-sit huwa msemmi ukoll f’diversi kitbiet ta’ pellegrini sa mir-raba’ u l-ħames sekli.


Minkejja dan kollu, xorta għad hawn ħafna esperti li huma tal-fehma li l-għażla tal-fortizza Antonia hija mibnija fuq premessi ħżiena u bl-għarfien aħjar tat-topografija tal-belt u tal-istorja ta’ Ġerusalemm fl-ewwel seklu, għadhom isostnu li l-palazz ta’ fuq l-għolja kien il-post fejn Pilatu qata’ l-kundanna ta’ Ġesu’. 


Ftit hemm dubju li fil-mawriet tiegħu f’Ġerusalemm, Pilatu kien joqgħod f’wieħed miż-żewġ palazzi li kien bena Erodi. L-Ewwel min dawn il-palazzi jinsab fuq għolja strateġika lejn il-Lbiċ tal-belt u nbena fis-sena 24 Q.K.  

 

Iżda Erodi kellu palazz ieħor, din id-darba lejn in-naħa t’isfel tal-belt, eżatt maġenb il-pont li jgħaqqad in-naħa għolja tal-belt mat-tempju. Biex jipproteġi dan il-palazz u t-tempju, Erodi bena fil-qrib il-fortizza Antonia. F’Każ ta’ xi rewwixta mill-poplu, it-tempju kien aċċessibli mill-fortizza Antonia biss. Pilatu kien jiġi Ġerusalemm speċifikament biex jara li ma jinqala’ l-ebda nkwiet matul il-ġranet tal-Għid tal-Lhud.

 
         It-Triq tas-salib

It-Triq tas-Salib jew Via Dolorosa tibda eżattament mis-sit fejn kien hemm il-fortizza Antonia fil-Lvant ta’ Ġerusalemm l-antika u tispiċċa fil-post tat-tislib, il-Golgota, fejn illum hemm il-knisja tas-Santu Sepulkru . Id-Devozzjoni lejn l-istazzjonijiet tas-Salib hija antika ħafna u skont l-istoriċi, din taf il-bidu tagħha malli l-Kristjaneżmu saret ir-Reliġjon uffiċċjali tal-imperu Ruman fi żmien Kostantinu. Pellegrini Biżantini bdew joħorġu f’purċissjoni nhar Ħamis ix-Xirka li kienet tibda mill-inħawi tal-Ġetsemani, fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u timxi lejn il-Punent preċiżament lejn il-Knisja tas-Santu Sepulkru. Matul is-sekli, it-triq  inbiddlet diversi drabi kif inbidel ukoll in-numru ta’ stazzjonijiet. Il-Franġiskani, li stabilixxew ruħhom f’Ġerusalemm lejn tmiem is-seklu tnax, kienu strumentali biex isaħħu din it-tradizzjoni u bdew jiggwidaw lill-Pellegrini matul it-triq tal-kalvarju b’waqfiet (jew stazzjonijiet) biex ifakkru l-episodji differenti tal-Passjoni. Kien biss fis-seklu tmintax, li din it-triq ħadet l-isem ta’ Via Dolorosa u interessanti ngħidu li t-triq segwita llum li hija twila 500 metru, hija l-istess waħda li kienu jagħmlu l-pellegrini Biżantini fi żmien bikri ħafna.

 

Kull wieħed mill-erbatax ‘il istazzjon huwa mmarkat bi plakka żgħira ma ħajt ta’ xi bini storiku. Għalkemm m’hemmx bażi storika kemm għal xi wħud mill-istazzjonijiet tas-salib (bħal dak tal-Veronika bħal eżempju) kif ukoll għas-sit fejn jingħad li seħħew, xorta jibqa’ l-fatt li kull episodju jgħinna nirriflettu fuq it-tbatija ħarxa li għadda minna il-Mulej Ġesu’. Tul it-triq, wieħed jgħaddi fost l-oħrajn, minn ħdejn il-monasteru Franġiskan tal-Flaġellazzjoni, il-Kappella tal-Ġudizzju/Kundanna li timmarka s-sit fejn Kristu kien ikkundannat għall-mewt, il-Kappella tal-Flaġellazzjoni li tfakkarna fit-torturi li sofra Kristu taħt is-suldati Rumani, l-arkata tal-Ecce Homo li tirrappreżenta l-post fejn Pilatu lissen il-kliem ‘Arawh, hawn hu l-bniedem’.

Din l-arkata hija parti minn bieb mibni mill-imperatur Hadrian imma li ingħata dan l-isem fis-seklu sittax. Imbagħad wieħed jiltaqa’ ma’ kappella Pollakka li fuq il-bieb tagħha hemm skultura li tirrappreżenta l-ewwel waqgħa ta’ Kristu taħt it-toqol tas-salib. Ir-Raba’ stazzjon jiġifieri l-laqgħa ta’ Kristu m’ommu Marija jiġi mfakkar fi Knisja Armena ddedikata lil Sidtna Marija tal-Ispażmu. L-Episodju tal-Veronica li nibet bħala tradizzjoni fis-seklu erbatax  jitfakkar permezz ta’ kappella tar-rit Kattoliku Grieg li ġġib l-isem ‘Il-Wiċċ Qaddis’. Din il-kappella kienet irrestawrata minn Barluzzi fl-1953 u tifforma parti mill-monasteru ta’ San Kosmu. It-Tieni waqgħa ta’ Kristu titfakkar permezz ta’ kappella Franġiskana filwaqt li salib u skrizzjoni Griega mal-ħajt tal-monasteru Ortodoss ta’ San Charalambos’ ifakkarna fi kliem Kristu lin-niesa ta’ Ġerusalemm. Qrib il-Knisja tas-Santu Sepulkru, 28 tarġa iwassluk għal Patrijarkat Koptiku fejn kolonna Rumana tfakkar it-tielet waqgħa ta’ Kristu.

 
       Il-Golgota

Il-Via Dolorosa twasslek fejn seħħ l-akbar avveniment fl-istorja għalina l-insara, is-Salvazzjoni, mhux biss għax hawnhekk il-Mulej Ġesu’ ħa’ fuqu d-dnubiet tagħna billi ħalla ħajjtu msammar m’għuda tas-salib iżda wkoll għax ftit ‘il bogħod, fit-tielet jum, qam rebbieħ fuq il-mewt u ħalla qabar vojt għall-istagħġib ta’ kulħadd. Huwa maħsub li dawn l-avvenimenti, li biddlu l-istorja tad-dinja u d-destin tal-bniedem seħħu kollha fis-sit fejn illum insibu l-Knisja tas-Santu Sepulkru. Madankollu, fin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ċara, mhux l-esperti kollha jaqblu dwar dan.

Il-Kliem ‘kalvarju’ u ‘golgota’ kif insibu fl-evanġelji ifissru qorriegħa jew kranju u dan jagħti x’tifhem li, jew (1) il-post kien jissejjaħ hekk għax fih kienu jseħħu l-eżekuzzjonijiet kollha u allura wieħed jista’ jimmaġina l-ammont kbir ta’ qorriegħat u għadam ieħor li kien ikun hemm imferrxin, jew, (2) inkella għax l-għolja kellha l-forma ta’ qorriegħa.

Madankollu hemm argumenti b’saħħithom kontra dawn iż-żewġ tejoriji. Fl-Ewwel kas, l-istoriċi ma’ sabu  l-ebda ħjiel li kien jeżisti xi post speċifiku għall-eżekuzzjonijiet u barra min hekk, kemm skont il-liġi Lhudija kif ukoll skont il-prattika taż-żmien, il-qraba tal-vittmi Lhud kienu jitħallew jidfnu l-katavri (dawk li ma kienux Lhud u oħrajn Lhud li ma kellhomx qraba kienu jitħallew jitmermru għal ġranet sħaħ).

Fil-Kas tat-tieni tejorija, l-ebda wieħed mill-erba’ vanġeli ma jagħtina x’nifhmu li l-kruċifissjoni seħħet fuq għolja (u għalhekk ma’ setgħetx kellha l-forma ta’ qorriegħa) għalkemm it-tradizzjoni li kien hekk tmur lura sar-raba’ seklu. L-Aktar tejorija antika u pjuttost b’saħħitha tgħid li l-isem Golgota ġej mill-fatt li l-Lhud, sa min qabel Kristu kienu jemmnu li l-fdalijiet ta’ Adam kienu midfuna f’dan il-lok.

L-Evanġelji jagħtuna x’nifhmu li fis-sit kien hemm ġnien u dan il-ġnien kien barra mill-belt imma qrib biżżejjed biex in-nies setgħu isegwu dawn l-eżekuzzjonijiet pubbliċi. Jgħidulna wkoll li qrib din il-‘Qorriegħa’ kien hemm qabar ġdid imħaffer fil-blat u jagħtuna wkoll deskrizzjoni limitata ta’ dan il-qabar u l-blata li tagħlaq l-entratura tiegħu. Mattew iżid li l-qabar kien proprjeta ta’ Ġużeppi ta’ Arimateja. Kemm hu diffiċli li nsibu dawn il-karetteristiċi fis-sit kif narawh illum? Irridu nżommu f’moħħna li sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu, l-insara devoti bnew diversi monumenti u binjiet li biddlu għal kollox din il-biċċa art għera barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm kif kienet fi żmien Kristu. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li mis-seklu erbgħa ‘l quddiem, dan is-sit sar il-punt ċentrali tal-belt u l-art tal-battalja kontinwa bejn l-insara u l-Misilmin. Permezz ta’ skavi li saru, instab li l-art fejn illum hemm il-Knisja tas-Santu Sepulkru għandha ħafna karatteristiċi li jqarrbu lejn id-deskrizzjoni ta’ l-evanġelisti.  F’dan is-sit kien hemm barriera li fis-snin qabel il-miġja ta’ Kristu inbiddlet fi ġnien li fih tħaffru numru ta’ oqbra. Skont it-tradizzjoni, wieħed min dawn l-oqbra imħaffer fil-blat u li jaqbel fil-għamla ma’ dak li nsibu fl-evanġelji kien ta’ Ġużeppi ta’ Arimateja u fih tpoġġa jistrieħ il-ġisem tas-Sinjur tagħna. Dan il-ġnien baqa’ barra l-ħitan tal-belt sas-sena 44 w.k. meta fi żmien Erodi Agrippa I inbena ħajt ġdid li kabbar iż-żona ta’ Ġerusalemm.

Biex nagħalqu, nagħtu ħarsa ħafifa lejn l-istorja mqallba ta’din il-knisja magħrufa. Fis-sena 326 w.k l-imperatriċi (Sant’) Elena identifikat dan il-post bħala l-Golgota u ftit snin wara, fuq ordni ta’ binha, l-Imperatur Kostantinu, inbniet hemmhekk l-ewwel Bażilika. Din twaqqgħet għal kollox f’attakk Persjan fis-sena 614 w.k. Reġgħet inbniet fuq skala iżgħar fis-sena 638  biex reġgħet ġiet distrutta mill-Arab fis-sena 1010 w.k. Din setgħet kienet waħda mir-raġunijiet li taw bidu għall-kruċjati bil-għan li l-Kristjani jerġgħu jieħdu kontroll tal-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm.

Wara li seħħ hekk, fl-1149 w.k. il-Bażilika ġiet inawgurata mill-ġdid bl-isem tas-Santu Sepulkru. Madankollu, l-belt reġgħet waqgħet għall-aħħar darba f’idejn l-Arab fl-1187 li iżda m’għamlux ħsara lil Knisja u baqgħu iżommu ċ-ċavetta għall-bieb ewlieni tagħha sal-ġurnata sal-lum. Kull parti mill-Bażilika jieħdu ħsiebha xi waħda mill-ħafna knejjes insara li jeżistu bl-Arab ħafna drabi jagħmluha ta’ medjaturi bejn dawn id-denominazzjonijiet differenti. L-Aħħar ħames stazzjonijiet tat-Triq tas-Salib jitfakkru kollha f’partijiet differenti ta’ din il-knisja.