Minn Alfred Grech
"IEQFU U ARAW JEKK HEMMX DULUR IEĦOR BĦAL TAGĦHA!"
Fl-iskrittura Mqaddsa ta' l-antik testment, insibu ħafna profeziji li jgħidulna bl-eżatt l-avvenimenti li kellu jiltaqa' magħhom Ġesù fil-ħajja Tiegħu. Dan huwa każ eċċezzjonali u singulari li l-ħajja ta' Ġesù ġiet miktuba qabel ma seħħet.
Nagħtu daqqa t'għajn ħafifa lejn l-ewwel parti ta' l-Iskrittura li titkellem fuq it-tbatija ta' Kristu mit-twelid sal-mewt Tiegħu.
Fil-ktieb tal-Profeta Ġeremija (31: 15) insibu din il-profezija: "Instama leħen f'Rama ta' biki u xhir ta' Rakel tibki 'l uliedha u ma riedetx tistabar, għax m'humiex". Din il-profezija, li nsibuha mseħħa fl-Evanġelju ta' San Mattew (2: 18) tirreferi għall-istraġi ta' l-innoċenti biex permezz tal-mewt tagħhom jiġi maqtul ukoll Ġesù. Warajha tiġi mmedjatament il-profezija ta' Osea (11: 1) misjuba f'San Mattew (2: 15): "Mill-Eġittu sejjaħ 'l ibni." Din ħabbret li biex jeħilsu lil Ġesù mill-mewt kien hemm bżonn li jaħarbu lejn l-Eġittu.
IL-PASSJONI
Profeziji oħrajn jiddeskrivulna l-Passjoni u l-Mewt ta' Kristu. Fis-Salm (17: 5-7) insibu: "Ġejt imdawwar mid-duluri tal-mewt; ġejt imdawwar mid-duluri ta l-infern u fid-dwejjaq tiegħi sejjaħt lill-Mulej". Il-Profeta ma kienx qiegħed jirreferi għal ħaġ'oħra ħlief għal dak li nsibu f'San Mattew (26: 37-42), jiġifieri l-agunija ħarxa u l-għaraq tad-demm.
"Anki l-ħabib tiegħi, li kont nafda fih, li kiel il-ħobż tiegħi, bi tradiment kbir qarraq bija". (Ps. 40:10. Ġuda.. dak li għalih Kristu qal: "Kien ikun għalih wisq aħjar li kieku ma twelidx dak il-bniedem" (Mt. 26:24). Kien hu dak il-ħabib traditur li minnu jitkellem is-Sultan David.
Isaia jkompli jgħidilna dak li kellu jgħaddi minn Ġesù: "Jien tajt il-ġismi lil dawk li bdew jsawtuni u ħaddejja lil dawk li bdew iqattgħuli l-leħja; ma ħbejtx wiċċi minn dawk li bdew jgħaddu ż-żmien bija u jobżquli fuq wiċċa". (Is 50: 6). Jekk inqabblu din il-profezija mar-rakkont ta' l-Evanġelju ta' San Mattew (26: 67,68), insibu kif kollox seħħ bl-eżatt.
Il-kundanna finali mbagħad kellha tkun is-Salib: "Nifduli idejja u riġlejja" (Ps 21: 17). Minn fuq is-Salib, Ġesù qabdu l-għatx iżda "fl-għatx tiegħi tawni nixrob il-ħall." (Ps 68: 22)
Kollox kien imħabbar, anke d-data tal-mewt Tiegħu: "Sebgħin ġimgħa huma mqassrin fuq il-poplu tiegħek u fuq il-Belt imqaddsa tiegħek biex it-trasgressjoni tispiċċa darba għal dejjem id-dnub u sabiex jispiċċa l-ħażen u tinġieb ġustizzja bla tarf u jitwettqu l-profeziji u l-Qaddis tal-Qaddisin ikun midluk." (Dan 9: 24) Sebgħin ġimgħa ta' snin, jiġifieri 70 għal 7 darbiet; 490 sena kien fadal sabiex Ġesù jibda l-ħajja pubblika Tiegħu.
MARIJA TAĊĊETTA
Mela, sa minn qabel ma twieled Kristu, dawk li kienu jistudjaw l-Iskrittura kienu diġa' jafu b'dak kollu li kellu jsofri. Fost dawn in-nies kien hemm ukoll Marija li kienet taf dak kollu li kellu jsofri dak il-Bniedem-Alla li kellu jiġi fid-dinja. Mela ma kenitx ħaġa faċli għaliha li tgħidlu "iva" lill-Anġlu meta ħabbrilha.
Meta huwa qalilha li Alla għażilha biex tkun Omm Ġesù, hija marret malajr bil-ħsieb tagħha fuq il-profeziji. Ġabet quddiem għajnejha dak kollu li kellu jsofri Hu. Iżda hija kienet ser issir Ommu, mela kellha tieħu sehem kbir f'dik it-tbatija ħarxa ta' Binha.
Alla bagħat ikellem lill-bniedem permezz ta' l-Anġlu u issa huwa l-bniedem li jrid jagħti risposta lil Alla. Kollox f'idejn Marija. Hija trid tagħti d-deċiżżjoni. Wieħed mill-iżjed mumenti serji fl-istorja ta' l-umanita'. L'Anġlu jistenna u Marija, fil-waqt li terħi ruħha fil-volonta' t'Alla tgħid: "Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej. Ikun minni skond kelmtek"... Iva, naċċetta..
Marija poġġiet hawnhekk l-ewwel ġebla tar-Redenzjoni.
Bħal ommijiet oħrajn, Marija kienet ferħana li kien ser ikollha tarbija... u x'Tarbija! Iżda duluri mmensi kienet tħoss meta tiftakar f'dak li kellu jgħaddi minnu.
Meta Ġesu twieled, kienet immnikta għax ma kellhiex fejn tqegħdu sew. Meta preżentatu fit-Tempju, il-Profeta Xmun ħabbrilha li “sejf ta' dulur jinfedd ir-ruħ tagħha.” Wara ftit żmien saret taf li Erodi ried joqtlu u kella taħrab lejn l-Eġittu.
ĠESU KIBER
...u beda jippriedka. Ħafna kienu dawk li ma emmnux fih u li kienu jgħajjruh. Marija kienet tirċievi l-aħbarijiet kollha fost tant niket. U fl-aħħar... Ġesù ġie maqbud, imsawwat u kkundannat għal mewt. Tmur biex tara x'inhu jiġri u tiltaqa' Miegħu fit-triq tal-Kalvarju. "Dan it-tifel ikun ta' ħsara u ta' rxuxtar għal ħafna f'Israel.. u għalek sejf jinfed ir-ruħ tiegħek". (Luqa 2: 34) Seħħet il-profezija ta' Xmun. Tmur biex tgħannqu l-aħħar tgħanniqa.. u tkun l-akbar sejf ta' dulur għat-Tifel u għall-Omm.
Fuq il-Golgota Marija qagħdet tassisti. Riedet taqsam miegħu t-tbatijiet kollha u għalhekk baqgħet ħdejn is-Salib sa l-aħħarnett.
Meta niżżlu l-Ġisem mejjet ta' Ġesù, l-iben għażiż tagħHa, fi ħdanha, hija bdiet iġġib quddiem għajnejha dawk iż-żmienijiet li fihom kienet iżżommu f'ħoġorha u tieħu gost tmiss dak il-wiċċ delikat Tiegħu, iżda issa qed taraħ kollu demm u daqqiet. Liema Omm kapaċi żżomm f'ħoġorha il-ġisem mejjet ta’ l-iben tagħha? Imbagħad iżjed u iżjed f'dik is-sura li fiha kien jinsab Ġesù?
Bl-"Iva" ta’ Marija lill-Anġlu aħna ġejna salvati u bl-"iva" tagħna lil Kristu, ngħinu aktar fis-salvazzjoni tagħna u ta' ħaddieħor. L-"Iva" ta Marija fetħet it-triq tar-redenzjoni.