Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

 

Oster-Hymne (Easter Hymn)  Op. 134  for Eight Voices (Double Choir)   Josef Gabriel Rheinberger (1839 –1901)

 
 

Fir-Rabat Malta il-Purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt tiġi organizzata mill-Parroċċa ta’ San Pawl. Xi ħjiel ta’ l-istorja tagħha nsibuh fil-kotba tal-kontijiet ta’ l-arċikonfraternita tas-Ssmu Sagrament li kienet tieħu ħsieb torganizzaha. Żgur li hija antika ħafna tant li sa mill-1836 insibu li kienet diġa’ tieħu sehem banda fiha. Għandna x’nifhmu li għal xi żmien il-purċissjoni kienet tkun akkumpanjata minn statwa ta’ Kristu Rxoxt iżda aktar tard din bdiet issir bis-sagrament. Hadd ma jaf eżatt x’ġara mill-istatwa l-antika għalkemm jingħad li din ġiet traskurata sakemm tmermret jew inħarqet.

Rabat Malta (Knisja ta' San Pawl)

Kien fl-1915 li r-Rabtin ħassew il-ħtieġa li jordnaw vara ġdida għand l-istatwarju Wistin Camilleri, vara li swiet ħamsa u għoxrin lira u li minkejja l-eta’ tagħha għadha unika sal-lum għall-fatt li minbarra lil Kristu rebbieħ fuq il-mewt bil-palma f’idejh tinkludi fiha l-figuri ta’ anġlu u żewġ suldati għassiesa.


Il-purċissjoni ssir il-Hadd fil-għodu u ssir f’forma ta’ pagaent b’għadd ta’ persuni bibliċi marbuta ma’ din il-ġrajja qaddisa. Tieħu sehem ukoll il-Banda Konti Ruġġieru bid-daqq ta’ marċi brijużi. Kien hemm id-drawwa sabiħa li llum m’għadiex li t-tfal jgħollu l-figolla tagħhom biex tiġi mbierka minn Kristu Rxoxt. Ta’ min jgħid ukoll li statwa oħra ta’ Kristu Rxoxt tinsab fil-knisja tal-patrijiet Franġiskani Minuri magħrufa bħala Ta’ Ġieżu’ iżda din ma tintużax f’dimostrazzjoni.

 

Rabat Malta (Ta' Ġieżu)

 

Din il-Vara ta' Kristu Rxoxt tinsab fil-knisja tal-patrijiet Franġiskani Minuri magħrufa bħala Ta’ Ġieżu’. Għalkemm ma tinħarigx proċessjonalment, hi tiġi armata fuq l-artal maġġur matul il-festi ta' l-Għid. Inħaddmet minn Alfred Camilleri Cauchi lura fl-1992.

 
 

Il-kult lejn Kristu Rxoxt f’pajjiżna ħa spinta ‘l quddiem mal-wasla tal-Griegi li akkumpanjaw lill-kavillieri f’pajjizna mal-wasla tagħhom fl-1530. Fil-Belt Valletta, proprju fil-knisja tal-Madonna ta’ Damaxxena mmexxija mill-Griegi twaqqfet fl-1659 l-unika konfraternita’ ta’ Kristu Rxoxt li għandna hawn Malta. Din il-konfraternita’ kienet tieħu ħsieb torganiżża l-purċissjoni tal-iRxoxt li għal ħafna żmien kienet toħroġ filgħodu u fil-għaxija nhar l-Għid il-Kbir u darb’ oħra fl-ottava tal-Għid.

Valletta

It-tagħrif fuq il-vara ta’ Kristu Rxoxt intilef mal-mogħdija taż-żmien għalkemm hemm min jattribwixxi l-figura ta’ Kristu lil Melchiore Gafa’. Maż-żmien ġew miżjuda ż-żewġ suldati, fatt li kellu jħalli influwenza fuq l-iżvilupp ikonografika ta’ vari tar-Reżurazzjoni li saru wara. It-tliet figuri huma skolpiti fl-injam filwaqt li l-pedestal li jirrappreżenta l-qabar magħmul mill-injam u l-kartapesta.

Il-lasta tal-fidda tal-bandiera inħaddmet fl-1841 filwaqt li r-raġġiera hija tal-fidda bbanjata fid-deheb.   Din l-istatwa ġiet trasferita għall-knisja tal-Ġiżwiti fl-1921 għaliex il-Papas Giorgio Schiro kien deherlu li skont ir-rit Grieg ma kienx xieraq li vara tal-Irxoxt tinżamm fil-knisja tiegħu. Aktar tard, fl-1934 b’digriet ta’ l-Isqof Mauro Caruana, ġiet ukoll trasferita l-konfraternita’ ta’ Kristu Rxoxt għall-istess knisja.   Il-purċissjoni fil-Belt Valletta ssir nhar Ħadd il-Għid filgħaxija u tiġi akkumpanjata mill-Banda La Valette.

 

Il-Birgu

 

Bħal fil-każ tal-Belt Valletta, id-devozzjoni antika lejn il-festa tal-qawmien ta’ Kristu inżeret mill-Griegi li kienu waslu Malta mal-kavallieri ta’ San Ġwann u bdew jgħixu f’din il-Belt. Ma damux ma taw bidu għall-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt li baqgħet tiġi organizzata mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz hekk kif il-Griegi telqu lejn il-Belt il-ġdida Valletta.


Nafu li l-ewwel statwa tal-Irxoxt fil-Birgu kienet diġa’ teżisti u takkumpanja l-purċissjoni f’Ħadd il-Għid fis-seklu sbatax. Matul is-sena, din kienet tinżamm fil-Knisja tal-Karmnu imma f’Sibt il-Għid kienet tittieħed proċessjonalment lejn il-parroċċa akkumpanjata mill-banda Duke of Edinburgh. Fl-1936 il-Konċilju reġjonali kien iddeċieda li l-purċissjoni tal-Irxoxt issir biss f’Ħadd il-Għid għalhekk dik tas-Sibt twaqqfet.

Għal xi żmien fis-seklu tmintax il-purċissjoni kienet toħroġ ftit wara nofs il-lejl ta’ Sibt il-Għid iżda minħabba xi abbużi li kienu jsiru, fl-1782, l-Isqof Labini kien ordna li din it-tradizzjoni tieqaf u l-purċissjoni bdiet toħroġ fl-erbgħa ta’ filgħodu wara l-Pater Noster. Ta’ min isemmi żewġ drawwiet antiki li kienu jsiru fil-Birgu fil-Għid. Mad-daqq tal-Glorja kien joħroġ wieħed idoqq it-tambur u miegħu kienu jinġabru t-tfal ta’ din il-belt f’dellirju ta’ briju. Drawwa oħra li tgħodd għall-bliet kollha tal-Kottonera kienet li mal-Glorja għadd ta’ żagħżagħ kienu jaqbżu jgħumu fil-baħar kiesaħ.

L-ewwel vara tar-Reżurazzjoni għaddiet għal għand il-lokalita’ ġara ta’ Bormla għax jingħad li bint l-iskultur kienet ingħaqdet mas-sorijiet tal-klawsura hemmhekk. 

   

Il-vara artistika tal-lum hija xogħol skolpit fl-injam tal-imgħallem Salvu Psaila tal-1833. Kristu jidher iżomm il-bandiera ta' l-Ordni ta’ San Ġwann u mhux dik bajda bis-salib aħmar kif normalment naraw.

 
 

Il-Purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt fl-Isla hija antika ħafna u għandna għalxiex naħsbu li ilha ssir minn meta bdiet issir dik tal-Ġimgħa l-Kbira iżda l-ewwel evidenza dokumentata tagħha tikkonferma li tmur lura sa mill-inqas l-1714. Il-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni kienet tieħu ħsieb l-organizazzjoni ta’ din il-purċissjoni u kienet ukoll il-proprjetarja tal-vara tal-Irxoxt. 


Din il-vara maħduma fuq stil tradizzjonali hija antika ħafna iżda ma nafux eżatt meta saret u min għamilha. Interessanti l-fatt li l-figura ta’ Kristu hija magħmula mill-injam mill-qadd l-isfel u mill-kartapesta mill-qadd ‘l fuq. L-esperti jaħsbu li dan sar biex filwaqt li l-vara tkun b’saħħitħa u tiflaħ għall-istrapazz, fl-istess ħin ma jkollix piż żejjed meta r-reffiegħa jiġru biha. Minħabba xi inċident serju li seta’ nqala, il-purċissjoni fl-Isla twaqqfet għal perjodu ta’ madwar disgħin sena sakemm taħt it-treġija tal-Arċipriet Dun Ġwann Sladden reġgħet ħarġet fl-1969. 


Fis-sena 1989 il-vara ġiet irrestawrata u saru xi alterazzjonijiet mir-restawratur John Pace. Ġiet ukoll indurata l-libsa ta’ Kristu filwaqt li l-arġentier Senglean Vanni Bartolo ħadem raġġiera tal-fidda u hawn tajjeb jingħad li sa dak iż-żmien kienet tintuża dik tal-Monument. 

L-Isla

Fl-1994 id-ditta Azzopardi Woodworks ta’ Ħaż Żebbuġ ħaddmet bradella ġdida tal-ġewż fuq l-istess disinn tal-bradelli tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-vara tal-Isla tinġarr minn għaxar reffiegħa.  

 

Bormla

 

Bħala Parroċċa fil-Kottonera ma jistax jonqos li f’Bormla wkoll id-devozzjoni lejn il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt hija qawwija u tmur lura ħafna fiż-żmien. L-istatwa ta’ Reżurezzjoni nġiebet minn Napli fl-1741 u ħallas għaliha il-Kaptan Celestino Sacco. Dan irregalaha lill-fratellanza tas-Salib Imqaddes li tagħha kien ukoll Rettur. Ma nafux min hu l-awtur tagħha għalkemm xi uħud jidrilhom li dan seta kien Spanjol. Il-vara hija skolpita fl-injam fejn Kristu rebbieħ fuq il-mewt jidher maqtugħ mill-art fuq qabar miftuħ. Dan il-qabar ġie ddisinjat mill-ġdid mill-artist Bormliż Abram Gatt fl-1926 u nkesa bil-fidda mid-ditta Ranchi f’Milan. F’id Kristu naraw palma minflok il-bandiera kif naraw f’ħafna vari oħra tal-istess misteru.

Il-Bormliżi minn dejjem ħasbu biex jorganizzaw il-purċissjoni tal-Għid bil-kbir u magħhom jingħaqdu ħafna nies minn parroċċi oħra. Il-Purċissjoni tkun karatteriżżata minn ġiri kontinwu bl-istatwa li jkompli jferraħ lill-miġemgħa. It-tfal kellhom id-drawwa li joħorġu jiġru bil-figolla tagħhom u jitolbu lill-Irxoxt iberikilhom. Skont l-istoriku J Porsella Flores, kienu l-Bormliżi li wara l-gwerra l-kbira reġgħu daħħlu f’pajjiżna t-tradizzjoni tal-ġiri bl-istatwa tal-Irxoxt.

 
 
 

Interessanti l-fatt li f’dan ir-raħal bi tradizzjoni antika ta’ devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Kristu, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-qawmien ta’ Kristu huma xi ħaġa pjuttost riċenti. Dan jixhdu l-fatt li qabel l-1984 din il-Parroċċa qatt ma kellha vara tal-Irxoxt. Dan li qed ngħidu ma jgħoddx għaż-Żejtun biss għax fir-realta’ nsibu numru ta’ rħula oħra bħall-Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta u l-Għargħur flimkien ma għadd ta’ rħula f’Għawdex fejn il-kult lejn il-qawmien ta’ Kristu ħa spinta ‘l quddiem mhux qabel is-snin sebgħin u tmenin tas-seklu l-ieħor. 

 

 Il-vara artistika li għandna llum inħaddmet bil-kartapesta mill-istatwarju ta’ żmienna Alfred Camilleri Cauchi u akkumpanjat il-purċissjoni tal-Għid tal-1984. Kuntrarju għall-vari tradizzjonali, il-figura ta’ Kristu fiha moviment qawwi, karatteristika tal-istatwi kollha ta’ Camilleri Cauchi. Il-qabar huwa wkoll f’forma differenti minn dawk ta’ vari antiki. Il-liżar li jdawwar il-figura ta’ Kristu huwa ndurat b’ornamenti tad-deheb li jkomplu jsebbħu din il-vara.

Iż-Żejtun

 

Ħaż-Żebbuġ

 

Il-kult tar-Reżurazzjoni f’Ħaż-Żebbuġ huwa ħaġa riċenti u jidher li għal xi raġuni dan ir-raħal ma ddakarx mill-entużjażmu għal din il-festa li kien ilu jeżiżsti żmien twil fil-Parroċċi tar-Rabat u Ħal Qormi li huma tant viċin. Bħal numru ta’ rħula oħra, il-ħajra li tibda tiġi organiżżata il-purċissjoni tal-Irxoxt nibtet fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor. Fil-fatt l-ewwel darba li din saret kien fl-1976 metta żżanżnet ukoll vara ġdida tal-kartapesta ta’ Ġlormu Dingli li swiet Lm200. Din saret fuq inizjattiva ta’ l-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Monsinjur Lawrence Cachia u ta’ Dun Salvinu Micallef li kien inkarigat mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Vari oħra ta’ Dingli ta’ dan il-misteru jinsabu fil-Mosta, f’Ħal-Qormi San Bastjan u fil-Għargħur għalkemm ta’ min jinnota li din t’hawnhekk għandha karatteristiċi differenti. Dan narawh kemm fid-dehra mistika ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt kif ukoll fl-istil tal-qabar miftuħ f’forma rettangolari.

 
 

Il-Purċissjoni tal-Irxoxt f’dan ir-raħal hija fost l-eqdem f’pajjiżna tant li sa mill-anqas l-1751 diġa’ kellu vara tar-Reżurazzjoni, xogħol Saverio Laferla, il-pijunier tal-kartapesta f’pajjiżna li sa dak iż-żmien kien ukoll ħadem numru ta’ vari tal-Passjoni għall-istess raħal. Fil-kotba tal-kontijiet tal-Parroċċa għall-istess sena insibu li f’April sar xi ħlas għall-ġarr tal-istatwa ta’ l-Irxoxt u lil xi mużiċisti li akkumpanjaw il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta’ l-Irxoxt. Aktar dokumenti jikkonfermaw li fin-Naxxar, il-purċissjoni baqgħet issir b’mod regolari tul is-snin.


Il-vara li ntuzat fid-dimostrazzjonijiet tal-Irxoxt sal-2014 (ritratt taht) kienet xogħol Xandru Mallia iben Karmnu magħruf bħala l-Lhudi u saret fl-1946 eżatt wara tmiem il-gwerra. Mallia ħadem vara b’erba’ figuri għax minbarra l-figura ta’ Kristu kien hemm anġlu u żewġ suldati. Jidher iżda li s-suldati ma tantx niżlu tajjeb man-Naxxarin tant li tneħħew ftit snin wara. Għalkemm Mallia żamm mat-tradizzjonali speċjalment fil-figura ta’ Kristu ninnutaw xi żviluppi bħalma hu l-anġlu u s-sħab ta’ taħtu li jagħtuna x’nifhmu li Kristu qed diġa’ fit-triqtu lejn is-sema. Il-Vara artistika li ssebbah lill-Knisja Mattrici fiz-zmien tal-Ghid illum hija xoghol skolpit fl-injam minn Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi u harrget f'dimostrazzjoni fit-toroq tan-Naxxar ghall-ewwel darba fl-Ghid il-Kbir tal-2015 li ghall-okkazzjoni saret fil-ghaxija.

In-Naxxar

.

 

Qormi San Ġorġ

 

Għalkemm mhux dokumentat meta eżatt bdiet tiġi organiżżata il-Purċissjoni tal-Għid f’din il-Parroċċa Arċimatriċi, għandna għax nifhmu li din ilha ssir sa mill-bidu tas-seklu dsatax. Jekk hu hekk, ifisser li taqta’ barra l-Belt Valletta, il-bliet tal-Kottonera u n-Naxxar, din ta’ Ħal Qormi kienet fost l-ewwel purċissjonijiet tal-Irxoxt li bdew isiru. 

Il-vara tar-Reżurezzjoni hija antika daqs il-purċissjoni imma sfortunatament s’issa m’għandniex ħjiel minn hu l-awtur tagħha. Li nafu hu li oriġinarjament kienet tippreżentalna lil figura ta’ Kristu Rxoxt biss iżda fl-1891 żdiedu magħha ż-żewġ suldati, xogħol tal-kartapesta tal-istatwarju Vincenzo Cremona. Għal din ir-raġuni, fl-istess żmien, kellha titkabbar il-bradella filwaqt li l-qabar sar aktar għoli biex tiġi aċċennata l-figura ta’ Kristu li tinsab fuqu. Dan ix-xogħol sar minn mastru Ġorġ Cachia min Ħal Qormi stess. Din il-vara hija ta’ ċertu piż tant li tintrefa’ minn tnax-il ruħ. Bħal ħafna mill-vari l-antiki, din hija msawwra fuq stil tradizzjonali bi Kristu jżomm il-bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann f’idejh ix-xellugija. Fl-2011 il-vara giet restawrata minn Omar Camilleri.


Sal-Konċilju Vatikan it-tieni, il-Glorja kienet tindaqq Sibt il-Għid fil-għodu u hawn f’Ħal Qormi kien hawn id-drawwa li joħorġu jiġru bl-Irxoxt dak il-ħin. Barra min hekk, fil-passat, il-purċissjoni ta’ Ħadd il-Għid kienet issir kmieni ma sbiħ il-jum. Illum, din toħroġ fid-disgħa ta’ fil-għodu. Fiha jieħdu sehem il-fratellanzi tal-parroċċa bl-istandardi kkuluriti tagħhom u ma jistax jonqos li jagħtu sehemhom ukoll iż-żewġ baned, minn ħafna żmien ilu, il-Banda San Ġorġ Martri u mill-1994 il-Banda Ani

 
 

Id-devozzjoni tal-Qriema lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu għandha għeruq fondi ħafna tant li mat-twaqqif tal-Parroċċa San Sebastjan fl-1936, il-Bastjaniżi intlew entużjażmu biex bħal Parroċċa ġara ta’ San Ġorġ, huma wkoll  jorganizzaw il-Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt. Minħabba ċertu restrizzjonijiet, ma kienx possibli għalihom li jagħmlu tal-ewwel biss il-purċissjoni tal-Irxoxt setgħet u bdiet issir Ħadd il-Għid fil-għaxija.

Qormi San Sebastjan

L-ewwel vara li saret inħaddmet mill-istatwarju Karmnu Galea u baqgħet toħroġ sal-1980 meta Ġlormu Dingli ħadem il-waħda li għadha tintuża sal-lum mill-kartapesta. Il-figura ta’ Kristu f’din il-vara tidher waħidha (f’dik ta’ Galea kien hemm żewġ suldati), nieqsa mill-movimenti u saħansitra lanqas naraw is-solitu bandiera tal-ordni.


Fl-istess ħin, il-ħarsa ta’ Kristu lejn is-sema hija eċċezzjonali u tixhed għall-kobor t’Alla li qajjmu mill-imwiet. Il-qabar miftuħ ġie ddisinjat minn Dingli nnifsu imma nħadem minn Karmnu Falzon u Ġużeppi Cini.

Salvu Buġeja ħadem l-erba’ anġli żgħar ta’ l-injam li hemm fil-kantunieri tal-qabar filwaqt li l-istellarju sar minn Sebastjan Aquilina. L-istatwa ġiet indurata mid-ditta Darmanin tal-Belt Valletta.  Minn ftit żmien ‘l hawn, il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt bdiet toħroġ Ħadd il-Għid filgħodu u tkun akkumpanjata mis-Soċjeta Filarmonika Pinto, Banda San Sebastjan.

 

Ħal Għargħur

 

Għalkemm f’dan ir-raħal, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandha storja antika, dik tal-Għid il-Kbir ġiet organizzata għall-ewwel darba fl-1982. Il-vara ta’ Kristu Rxoxt inħaddmet minn Ġlormu Dingli li tista’ tgħid ta’ sehem ewlieni fiż-żieda ta’ dawn il-vari f’Malta fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin. Il-figura ta’ Kristu bil-bandiera tal-ordni f’idejh ix-xellugija hija akkumpanjata biss minn anġlu ċkejken bil-palma f’idu. Dan l-anġlu m’huwiex xogħol ta’ Dingli għax qabel kien jagħmel parti mill-vara tad-duluri sakemm inbidel mal-figura ta’ San Ġwann. Il-vara hija fuq stil tradizzjonali u nieqsa minn kull moviment tant li Kristu lanqas biss m’hu maqtugħ mill-art. Minkejja s-sempliċita tagħha, il-vara hija sabiħa xorta waħda.

 
 

Il-vara ta’ Kristu Rxoxt għal din il-Parroċċa saret fl-1976 meta ħarġet għall-ewwel darba l-purċissjoni li tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt. L-istatwarju li sawwarha huwa Ġlormu Dingli, l-istess wieħed li ħadem il-vara ta’ dan il-misteru ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi San Bastjan u l-Għargħur. Il-figura ta’ Kristu, għalkemm qiegħda waħidha, għandha moviment qawwi ħafna u dan jidher fil-pożizzjoni tas-saqajn u tal-idejn. Fl-istess ħin nistgħu ngħidu li għalkemm din il-vara hija relattivament ġdida, xorta għandha stil tradizzjonali bil-qabar irħamat u bil-vażetti bil-fjuretti tal- ganutell.

Il-Mosta

Il-Purċissjoni tal-Għid fil-Mosta ssir il-Ħadd filgħaxija u fiha jieħdu sehem ammont ta’ rġiel libsin ta’ suldati Rumani kif ukoll numru sabiħ ta’ subien u bniet libsin kostumi tal-epoka. Il-Banda Nicolo’ Isouard tferraħ il-miġemgħa bil-marċi brijużi.