Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Vari tal-Irxoxt - It-Tieni Parti

 

Raħal Ġdid

 

Kif naraw f’sezzjoni oħra ta’ dan is-sit, il-kult lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu f’Raħal Ġdid ħa spinta ‘l quddiem wara t-tieni gwerra dinjija anki bil-ħeġġa ta’ xi nies li kienu ġew joqogħdu f’din il-Parroċċa mill-Kottonera. Fost dawn, insibu lil ċertu Mikiel Buontempo, Bormliż li fl-1945 ħallas għal vara tar-Redentur li ssawret mir-raġel tat-tifla tiegħu Antonio Farrugia. Ftit snin wara, Buontempo qabbad lill-istess statwarju biex jaħdem il-vara ta’ l-Irxoxt li madankollu ma ġietx aċċettata mill-Arċipriet ta’ din il-Parroċċa u spiċċat ingħatat lill-Kappillan tal-Gżira biex titgawda mill-Gżirjani. Kien fl-1973 meta l-istess Antonio Farrugia tqabbad jagħmel vara oħra ta’ l-Irxoxt għall-Parroċċa Kristu Re ta’ Raħal Ġdid. Kienet vara fuq stil tradizzjonali bil-figura ta’ Kristu b’mant aħmar u abjad tidher tinqata’ trionfalment mil-qabar iżomm f’idejh ix-xellugija l-bandiera ta’ l-Ordni. Fl-Ewwel snin tas-seklu wieħed u għoxrin ġiet ordnata vara ġdida,  xogħol mil-isbaħ tal-kartapesta ta’ l-artist Michael Camilleri Cauchi.

 

Il-figura dinamika ta’ Kristu hija immpresjonanti b’liżar abjad indurat bid-deheb marbut mal-blata tonda li għalqet il-qabar ta’ Kristu għal żewġt iljieli. F’idejh qed iżomm il-palma tal-fidda, simbolu tar-rebħa fuq il-mewt. Il-Puċissjoni tal-Għid f’din il-lokalita toħroġ mill-knisja Arċipretali l-Ħadd filgħodu fost id-daqq ferrieħi tal-qniepen u t-tixjir tal-palm mil-miġemgħa. Jieħdu sehem kotra kbira ta’ rġiel libsien ta’ suldati Rumani waqt li s-Soċjeta’ Filarmonika De Paule Banda Kristu Re  tferraħ lin-nies bid-daqq tal-marċi.

 

Il-Gżira

Il-Gżira hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu u saret Parroċċa fl-1921. Tinsab f’żona f’Malta fejn ma nistgħux ngħidu li l-kult lejn il-Ġimgħa Mqaddsa huwa wieħed qawwi. Madankollu, dan ir-raħal huwa wieħed mill-ftit Parroċċi fejn minkejja li ma toħroġx  il-Purċissjoni tal-Passjoni fih, irnexxielu jagħmel vara ta’ Kristu Rxoxt u jorganizza l-Purċissjoni f’Ħadd il-Għid. Dan kollu tista’ tgħid beda b’kumbinazzjoni u b’rikonoxximent lejn ċertu familja Buontempo li l-oriġini tagħha hija min Bormla għalkemm marret toqgħod Raħal Ġdid fi żmien it-tieni gwerra dinjija. Ġara li Amadeo Buontempo ikkummissjona lil Antonio Farrugia biex jaħdem vara tal-Irxoxt għall-Knisja Parrokjali ta’ Raħal Ġdid mingħajr ma ħaseb biex l-ewwel jakkwista l-permess tal-Kappillan. Il-Vara tlestiet imma ma ġietx milqugħa mill-kappillan ta’ Raħal Ġdid u spiċċat ntlaqat bil-ferħ mill-Kappillan tal-Gżira fejn kien jgħix Ġużi Buontempo li jiġi ħu Amadeo. Grazzi għal dan, fil-Gżira nżeret iż-żerriegħa ta’ dan il-kult ġdid u bdiet tiġi organiżżata l-Purċissjoni tal-Irxoxt, nhar Ħadd il-Għid filgħodu. Sfortunatament, bi żmien jidher li dan il-kult ħa daqqa lura u għal ħafna snin, il-Purċissjoni twaqqfet għalkemm il-vara xorta kienet tintrama fil-festa għall-ġranet sbieħ tal-Għid. Fil-bidu tat-tmenijiet tas-seklu l-ieħor, xi dilettanti Gżirjani twebblu biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lil din il-Purċissjoni.


Peress li l-vara ta’ Farrugia kellha bżonn ħafna manutenzjoni, ġie deċiż li tiġi ordnata vara ġdida għand Alfred Camilleri Cauchi li kien diġa’ qed jagħmel isem bix-xogħol artistiku tiegħu. Din saret fl-1984 fuq stil modern. Il-figura ta’ Kristu mgeżwer b’liżar kbir abjad tidher mxaqilba lejn ix-xellug, maqtugħa mill-art. F’idejh, Kristu rebbieħ qed iżomm bandiera bajda b’salib aħmar fuqha. 

 
 

Il-Baħrija

 

Dan ir-raħal li jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat għandu biex jiftaħar għax minbarra li għandu vara tal-Irxoxt jorganizza purċissjoni unika li toħroġ Sibt il-Għid fil-għaxija wara l-funzjoni fil-knisja. Din ilha ssir mill-1987 meta żżanżnet il-vara espressiva ta’ Alfred Camilleri Cauchi. Din il-vara saret fuq stil modern fejn Kristu rebbieħ jidher maqtugħ mill-art qed ibierek lil min iħares lejh bil-movimenti ta’ idejh it-tnejn. Għal dan il-għan Kristu la qed iżomm palma u lanqas bandiera.  Bħal ħafna vari oħra ta’ l-istess awtur, ma narawx il-qabar imma tidher il-blata tonda wara l-figura ta’ Kristu. 

 

San Ġorġ - Belt Vittorja

 

Il-Parroċċa Ġorġjana tal-Belt Vittorja kienet pijuniera biex tintroduċi il-kult u d-devozzjoni lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu fil-gżira tat-tliet għoljiet. Fil-fatt, l-ewwel vara tal-Irxoxt li bdiet tintrama għall-Għid fil-Bażilika ta’ din il-Parroċċa għandha ‘l fuq minn mitejn sena għalkemm ma nafux min hu l-awtur tagħha. Li hu żgur hu li matul is-snin sar diversi restawr u tibdil fiha fosthom min Wistin Camilleri u ibnu Michael Camilleri Cauchi. Bħal vara tal-Isla, din hi magħmula minn taħlita ta’ njam u kartapesta. Mill-Qadd ‘l isfel għandha bażi soda tal-injam filwaqt li ‘l fuq hija magħmula mill-kartapesta. Jekk dan sar biex ikun eħfef għar-reffiegħa biex jiġru bil-vara, allura tinħoloq kurżita’ għax ma għandnix ħjiel li fl-antik din il-vara kienet toħroġ proċessjonalment. Fil-fatt l-awtur Brian Bonnici fil-ktieb tiegħu Dell is-Salib fil-Gżejjer Maltin jagħtina x’nifhmu li l-puċissjoni tal-Għid ġiet organizzata għall-ewwel darba fl-1985. Għal dik l-okkażżjoni, taħt il-figura ta’ Kristu kien miżjud pedistall li jirrappreżenta il-qabar filwaqt li fl-erbgħa kantunieri iżżejjen b’vażetti bil-fjuri tal-ganutell.


 Il-Vara l-ġdida saret fl-1997 minn Alfred Camilleri Cauchi filwaqt li l-antika sabet postha fis-sagristija tal-Bażilika. L-Irxoxt il-ġdid huwa opra tal-arti skolpit fl-injam ‘tiama’. Bħal vara ta’ qabel, Kristu jidher iserraħ fuq qabar u f’idejh ix-xellugija qed iżomm il-palma, simbolu tar-rebħa fuq il-mewt. Kemm il-qabar kif ukoll il-palma huma miksija bil-fidda.


Id-Dimostrazzjoni b’din il-vara ssir Ħadd il-Għid fil-għodu u tkun akkumpanjata mill-Fratellanżi tal-Parroċċa u mill-banda Cittadina La Stella li tferraħ il-miġemgħa bil-marċi brijużi.


 

 

Il-Katidral t'Għawdex - Belt Vittorja

 

Il-belt kapitali Għawdxija - Victoria toffri żewġ purċissjonijiet tradizzjonali bl-istatwa ta' Kristu Rxoxt. Minbarra l-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika ta' San Ġorġ, toħroġ oħra mill-Katidral t'Għawdex li jinsab fiċ-Ċittadella. Il-Vara moderna li takkumpanja din il-purċissjoni inħaddmet minn Michael Camilleri Cauchi. Għall-kuntrarju ta’ ħafna mill-vari tradizzjonali, Kristu jidher ibierek lill-poplu mill-għoli b’raġġiera kbira warajh u bi sħaba taħtu. La naraw il-qabar u lanqas il-blata li tgħattih. Il-purċissjoni tkun akkumpannjata mill-Banda Leone u toħroġ eżatt wara li tidħol lura dik tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

 
 

In-Nadur

 

Bla ebda dubju wieħed mill-Irxoxtijiet l-aktar movimentati u li jitbiegħed mit-tradizzjonali huwa dak li nsibu fin-Nadur. Dan inħadem fl-1984 fin-Nadur stess fejn jgħix u jaħdem Michael Camilleri Cauchi. Hawnhekk tidher il-bravura artistika ta’ Michael Camilleri Cauchi li fil-figura ta’ Kristu irnexxielu joħroġ il-karatteristiċi kollha tat-tifsira qawwija tar-Reżurezzjoni. Il-moviment uniku ta’ Kristu jirrifletti il-kobor ta’ dan il-miraklu li hu l-fulkru tal-fidi kollha tagħna. Il-figura ta’ Kristu hija msaħħa biss bil-liżar li qed idawwru. F’id il-leminija ta’ Kristu jidhru żewġ simboli f’daqqa, is-salib li jfakkarna fil-martirju li kien sofra jumejn biss qabel u l-palma bħala sinjal tar-rebħa fuq il-mewt.


Il-Purċissjoni tal-Irxoxt fin-Nadur toħroġ mil-Bażilika Ħadd il-Għid fil-għodu u tieħu sehem il-Banda Mnarja.

 

Ix-Xagħra

 

Dan ir-raħal pittoresk Għawdxi minn dejjem kien jgħożż id-devożżjoni lejn il-Ġimgħa Mqaddsa u għalhekk ma setax jonqos li f’xi zmien iħoss il-ħtieġa li jiċċelebra wkoll il-kult tar-Reżurezzjoni. Mdankollu, bħal kumplament ta’ Malta u Għawdex (aqta’ xi lokalitajiet) kien pjuttost reċenti li bdiet tiġi organiżżata l-purċissjoni tal-Għid. Fl-1977, bit-tħabbrik tal-Arċipriet Mons Eucaristico Sultana ġie kkummissjonat l-istatwatju Michael Camilleri Cauchi biex jaħdem il-vara ta’ Kristu Rxoxt. Ftit jiem qabel l-Għid ta’ dik is-sena, il-poplu tax-Xagħra laqa’ bil-ferħ il-wasla ta’ din l-istatwa artistika li tagħti xiehda tal-glorja ta’ Sidna Ġesu Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Hija vara fuq stil modern, b’movimenti vibranti, bil-figura ta’ Kristu mibnija mal-liżar li jservi bħala qafas. Tidher ukoll il-ħila tal-artist li qabbel il-wiċċ ta’ Kristu ma’ dak tal-vari ta’ Lecce. Fl-2003, l-istatwa irritornat fl-isdujo ta’ Michael Camilleri Cauchi biex isirilha restawr għal xi ħsarat li sofriet. Saret ukoll l-induratura ta’ l-ilbies minn ħu l-artist, l-induratur Mario Camilleri Cauchi u ibnu Reuben.


Il-Manifestazzjoni ta’ Kristu Rxoxt fix-Xagħra ssir Ħadd il-Għid fil-għaxija bis-sehem tal-Banda Victory li takkumpanja b’marċi ferrieħa.

 

Il-Qala

 
 

Fil-Qala, id-devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Kristu qiegħda kull ma jmur tissaħħaħ anki bl-għajnuna ta’ vari ġodda li saru jew inġiebu minn barra fl-aħħar snin. Għalhekk il-Qalin tħajjru bħal ħafna rħula oħra biex jibdew jiċċelebraw bil-kbir l-Għid tal-Mulej billi fl-1994 qabbdu lill-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi biex isawrilhom l-istatwa tal-Irxoxt. Din il-vara ssegwi l-istil u d-dinamiżmu li tidher f’Irxoxtijiet oħrajn tal-istess statwarju. Kristu setgħani mgeżwer f’liżar kbir abjad jidher maqtugħ mil-art b’ħarstu lejn is-sema. B’Kuntrast ma vari oħra Kristu ma jidher iżomm xejn f’idejh. Id-Dimostrazzjoni bi Kristu Rxoxt fil-Qala issir Ħadd il-Għid fil-għaxija bil-parteċipazzjoni tal-Banda tar-Raħal Ite ad Joseph. Fil-Qala hemm id-drawwa sabiħa li kif il-vara tirritorna lura fuq iz-zuntier, isir it-tberik u t-tqassim tal-figolli lit-tfal tar-raħal.

 

Iż-Żebbuġ

 

B’Popolazzjoni ta’ 2000 ruħ, dan ir-raħal irnexxielu jrawwem il-kult u d-devozzjoni kemm lejn il-passjoni u l-mewt tal-Mulej Ġesu’ kif ukoll lejn il-qawmien glorjuż tiegħu mil-mewt. Fil-Fatt, kif tlesta s-set tal-passjoni bl-aħħar Ċena ta’ Wistin Camilleri fl-1968, iż-Żebbuġin mil-ewwel tħajjru biex jibdew jiċċelebraw ir-Reżurezzjoni tas-Sinjur tagħna. Sal-1988, il-figura ta’ Kristu fiċ-ċena li hi manikkin bdiet tiġi trasformata f’waħda ta’ Kristu Rxoxt billi jitlibbes ħwejjeġ differenti u l-kalċi f’idu x-xellugija jinbidel ma bandalora. Dan l-Irxoxt kien jintrama fuq l-altar maġġur għall-vġili tal-Għid. Fl-1989, ġiet ordnata vara ġdida tal-kartapesta għand l-istatwarju Pawlu Aquilina li bdiet toħroġ fid-dimostrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid fil-għodu. Baqgħet tintuża sal-2011 meta l-istess statwarju Pawlu Aquilina ħadem u rregala lill-Parroċċa Irxoxt ġdid. Dan inħareġ għall-ewwel darba f'dimostrazzjoni nhar l-Għid il-Kbir tal-2012. Il-Figura movimentata ta' Kristu mgeżżwer f'libsa bajda jidher setgħan maqtugħ mill-art.  Ta’ min jgħid li f’dan ir-raħal hemm it-tradizzjoni li l-vara u l-altar maġġur tal-knisja jiżżejnu b’ħafna fjuri friski li jagħtu dehra mil-isbaħ.


Il-Banda Santa Marija ta’ l-istess raħal takkumpanja l-manifestazzjoni ta’ Kristu Rxoxt bil-marċi ferrieħa filwaqt li ż-Żebbuġin jilqgħu l-Irxoxt bit-tixjir tal-weraq tal-Palm li jissimbolizzaw ir-rebħa fuq ta’ Kristu fuq il-mewt.   

 
 

Ix-Xewkija

Il-Vara ta’ dan ir-raħal hija waħda mil-aktar riċenti ta’ Alfred Camilleri Cauchi u ħarrġet l-ewwel darba proċessjonalment f’Ħadd il-Għid tal-2009. B’Kuntrast ma’ ħafna mill-vari ta’ dan il-misteru, naraw hawnhekk xena bi tliet figuri bi Kristu akkumpanjat min anġlu fuq il-lemin u suldat Ruman fuq ix-xellug. Għalkemm imsawwra fuq stil modern, il-figura ta’ Kristu għandha anqas moviment minn dak li imdorrijin naraw min dan l-artista. Kristu jidher maqtugħ ‘il fuq mil-karattri l-oħra, b’ċertu serenita’, donnu qed ibierek li min qed iħares lejh. Minn naħa l-oħra, is-suldat jidher mifxul u mbeżża b’din ix-xena li qatt ma basar li jara. L-Anġlu jidher qed iwarrab minn nofs il-blata li kienet qed tagħlaq il-qabar. Fl-2009 ukoll, ix-Xewkin ħasbu biex tinħadem niċċa ġdida fis-sagristija tar-Rotunda sabiex din il-vara tkun tista titgawda matul is-sena kollha.


Il-Purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt fix-Xewkija toħroġ f’Ħadd il-Għid fil-għodu akkumpanjata mil-kleru u numru ta’ tfal ixejjru l-weraq tal-palm. Il-Banda Prekursur tferraħ lill-miġemgħa bil-marċi brijużi.