Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

minn Patri Mario Attard OFM Cap

It-teologu Benedittin tal-liturġija, Cipriano Vagaggini, juri li b’mod sorprendenti jeżiżtu ċerti attitudnijiet fil-Knisja illum li ħawdu t-tifsira tal-Għid. L-ewwel nett teżiżti mentalità pożittiva-storika li qarrqet bina l-għaliex ġagħlitna naraw il-qawmien minn bejn l-imwiet ta’ Kristu bħala maqtugħ mill-passjoni tiegħu. Imbagħad, ħtija ta’ din il-mentalità żbaljata bdejna naraw il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu bħala maqtugħa għal kollox mill-qawmien tiegħu għall-ħajja. U, dawn it-tnejn maqtugħa mis-sagramenti. Teżiżti wkoll mentalità ġuridika li tpoġġi l-ħsieb kollu tal-qawmien mill-imwiet fir-realtà ta’ tpattija, sodisafzzjon u mertu. Ma din hemm ukoll mentalità li ħakmet il-Knisja qabel il-konċilju, u minkejja daqshekk tiġdid għadha tħuf magħna, jiġifieri ta’ spiritwaliżmu li huwa astratt u maqtugħ kompletament mill-ġisem. Din l-attitudni inkonxjament tidentifika lill-bniedem bħala ruħ biss filwaqt li tissottovaluta lill-ġisem fil-pjan sħiħ tal-fidwa. 


Fl-aħħar nett, Padre Vagaggini juri metodu teoloġiku mimli b’konċeptwaliżmu astratt li jiffoka fuq essenzi astratti. Dan il-ħsieb teoloġiku jħalli barra dak li x’uħud jirreferu għalih bħala “aċċidenti mhux essenzjali”. Fil-ktieb tiegħu Theological Dimensions of the Liturgy: A General Treatise on the Theology of the Liturgy, Padre Vagaggini jikkwota teologu Tomista, bla isem, li jgħid: “Għaliex tinsisti daqshekk fuq il-qawmien ta’ Kristu? L-akbar ġrajja fl-istorja mhijiex ir-reżurezzjoni imma, jekk trid, l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Wara l-inkarnazzjoni, ir-reżurezzjoni hija biss episodju sempliċi”.


Waqt li dejjem ġie mifhum li teoloġikament l-Għid – ir-Reżurezzjoni tal-Mulej – hija l-akbar festa tal-Knisja, ingħatat aktar attenzjoni lill-Milied. Jidher li l-Milied ġie magħmul għat-tfal. Fil-fatt l-introduzzjoni tat-tifel u t-tifla għas-Salvatur tiegħu u tagħha hija għat-tarbija Ġesù f’idejn Ommu. Il-Milidijiet kien żmien mill-aqwa. Tiftakru kemm ir-radju kien idoqq kanzunetti mill-isbaħ tal-Milied minn tant żmien qabel? Għalkemm liturġikament dan m’hux korrett l-għaliex l-Avvent huwa żmien ta’ stennija u indiema dan kien iħejji lis-soċjetà għall-festa. Kien hemm il-quddiesa ta’ nofsillejl, Quddies solenni fuq it-televiżjoni. Kien hemm ir-rigali u ż-żjajjar mal-qraba fil-jum ta’ wara. Meta ġie skopert li l-Milied ma kinitx il-festa tal-festi dan ħalla xokk. Uħud ma emmnuhiex din il-verità. Madankollu din hija l-verità!


L-Iskrittura Mqaddsa hija dik li ixxandrilna din il-verità bil-qawwa tal-għaġeb tagħha ta’ Kelma ta’ Alla li hi. Fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin San Pawl jgħidilna ċar u tond li “Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom” (1 Kor 15:16-17). Fi ftit kliem dak li dan it-test qiegħed jgħid hu li li kieku ma kinitx għar-reżurezzjoni l-ħwejjeġ l-oħra kollha li Ġesù għamel u qal, inkluż it-twelid tiegħu, ma kienux se jkunu effikaċi għas-salvazzjoni tagħha. Għalhekk kollox idur mal-qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet.

Il-Knisja tgħidilna li t-twemmin u l-liturġija huma ħaġa waħda. Fil-fatt Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, sewwasew fin-numru 1124 jgħidilna hekk: “Il-fidi tal-Knisja tiġi qabel il-fidi tan-nisrani li hu mistieden biex iħaddanha. Meta l-Knisja tiċċelebra s-sagramenti, hi tistqarr il-fidi li rċeviet mill-Appostli. Minn hawn il-qawl antik: lex orandi, lex credendi. Il-liġi tat-talb hi l-liġi tal-fidi, il-Knisja temmen kif titlob. Il-Liturġija hi element kostituttiv tat-Tradizzjoni qaddisa u ħajja.”


Dan it-tagħlim huwa muri b’qawwa kbira fil-liturġija tas-Sahra tal-Għid, speċjalment fit-talba t-twila li tissejjaħ l-Exultet. Is-Sahra tal-Għid m’hijiex sempliċiment Quddiesa filgħaxija. L-istess bħal dik li ssir fis-sahra tal-Ħadd jew ta’ jum ta’ btala. Is-Sahra tal-Għid hija iċċelebrata billejl. Din il-prattika ġiet restawrata minn Papa Piju XII fl-1951 l-għaliex hija msejsa fin-natura vera tal-ġrajjiet li tiċċelebra. L-Insara ħadu l-festa Lhudija tal-Għid li kienet tiġi iċċelebrata billejl. Din kienet tfakkar is-sahra li l-Mulej żamm fuq ulied Iżrael fl-aħħar lejl fl-Eġittu. Ir-rakkont, kif imfisser fil-Ktieb tal-Eżodu jgħidilna hekk: “Ġara li f'nofs il-lejl il-Mulej darab 'l ulied il-kbar fl-art ta' l-Eġittu, mit-tifel il-kbir tal-Fargħun bid-dritt għat-tron sal-kbir ta' l-ilsir ġewwa l-ħabs, u kull ferħ ta' l-ewwel tal-bhejjem” (Eż:12:29).


Il-festa tal-Għid kienet tirrapreżenta l-ħelsien tal-Iżraelin u kif ukoll il-bidu tal-formazzjoni tagħhom bħala Poplu ta’ Alla. Issa, permezz tar-reżurezzjoni, huma ġew iffurmati bħala l-poplu tal-Iben ta’ Alla. Din ir-reżurezzjoni hija l-festa vera tal-Għid, li fl-istess ħin hija finali u għal dejjem. In-nies li kienu fidili lejn Alla se jkunu meħlusa mill-ħażen li hu ħafna aktar agħar mill-jasar Eġizzjan, li kien jiġi fi tmiemu bil-mewt tal-ilsir. Il-ħelsien li nġib permezz tar-reżurezzjoni ħeles lill-bnedmin mill-jasar għad-dnub, li li kieku ma ġiex ikkompensat u dak li jkun ma kienx jiddispjaċih li għamlu kien se jwassal għall-jasar li kien se jtul eternità.


Fil-linja ma’ din it-tradizzjoni Israelita s-Sahra tal-Għid kienet taqsam l-azzjoni liturġika, li kienet tieħu lejl sħiħ u tispiċċa bl-Ewkaristija fiż-żernieq. Madankollu s-Sahra kienet iċ-ċelebrazzjoni ewlenija. Dan l-għaliex hija ċ-ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-fidwa tagħna. Dan ifisser il-lezzjonijiet, li ilkoll iduru madwar it-tema tat-tiġdid tal-ħajja. Il-lezzjonijiet jitħaddtu fuq il-ħolqien, il-fidwa ta’ Noè u l-familja tiegħu mid-dulluvju, il-ħelsien tal-Iżraelin mill-jasal, il-wegħda tat-tkattir tad-dixxendenti ta’ Abraham san-“nazzjonijiet kollha”, il-ħelsien tal-Iżraelin fil-Baħar l-Aħmar, u t-twettieq tal-wegħda ta’ Yahweh li jeħlishom fl-Art Imwiegħda.


L-aktar fattur uniku tas-Sahra tal-Għid hija l-emfażi tagħha fuq id-dawl. Il-profezzija ta’ Żakkarija titħaddet mill-jum “li jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt...” (Lq 1 :78-79). Ġesù nnifsu jgħid : “Jiena hu d-dawl tad-dinja” (Ġw 9:5). San Ġwann jemfasizza kif: “Kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux... Dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1:4-5; 9). U iżjed: “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, nkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità. Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien, u d-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub” (1 Ġw 1:5-7). 


Iċ-Ċerimonja tas-Sahra tal-Għid tiftaħ bil-mixegħla tan-nar il-ġdid. Dan huwa relattivament nar kbir, imqabbad barra d-daħla ewlenija għall-knisja miċ-ċelebrant u l-ministri tiegħu, minn wieħed li jkun qiegħed iġorr il-Blandun. L-ewwel talba tas-saċerdot tfakkar lill-miġemgħa li “dan” hu l-Għid tal-Mulej, u “li nissieħbu ma’ Kristu fir-rebħ tiegħu fuq il-mewt”. Wara t-tberik tan-nar is-saċerdot jgħid: “O Alla, qaddes dan in-nar ġdid, int, li permezz ta’ Ibnek kebbist lill-fidili tiegħek in-nar iħeġġeġ bid-dija tiegħek: u agħtina li, f’din il-festa tal-Għid, aħna nitħeġġu b’xewqat qaddisa, biex b’qalb safja jseħħilna naslu fis-sema għall-festa bla tmiem fid-dawl tiegħek. Bi Kristu Sidna.” L-għaliex il-verżjoni l-aktar bikrija tas-servizz bdiet minn filgħaxija x-xemgħat kienu neċessarju. Iżda, f’dan il-każ huma mixegħla b’mod ċerermonjali u mogħtija s-simbolu ta’ Kristu bħala d-dawl il-ġdid li se jirbaħ lill-ħażen.


L-akbar ġrajja li hija ċara fil-bidu taċ-ċerimonja hija l-mixegħla tal-Blandun. Meta wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn iċ-ċerimonja tal-Blandun tgħid lil dak li jkun li x-xemgħa hija simbolu ta’ Kristu. Hija għandha l-ittri Α u Ω li għalihom il-Mulej tagħna innifsu jirreferi fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Jiena huwa l-Alfa u l-Omega", jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista' kollox” (Apk:1:8).

Hemm ħames biċċiet kbar tal-inċens fix-xemgħa li ċ-ċelebrant iwaħħal fil-blandun bil-kliem: “Bil-pjagi tiegħu qaddisa u glorjużi jħarisna u jżommna Kristu l-Mulej. Amen.” Imbagħad id-djaknu jerfa’ il-Blandun mixgħul ‘il fuq fil-knisja li tkun fid-dlam u jkanta: “Id-dawl ta’ Kristu”.


Id-djaknu jinċensa l-ktieb u l-blandun, jekk ikun qed jintuża l-inċens, u, waqt li kulħadd ikun bilwieqfa bix-xemgħat mixgħula f’idejhom, iħabbar il-Għid minn fuq l-ambone jew pulptu. Minn hemm id-djaknu jkanta l-Exultet. L-Exultet hija t-tħabbira twila imma sabiħa tal-Għid dwar l-importanza tal-qawmien ta’ Kristu. Hija tixbaħ lil Haggadah. Din kienet it-tħabbira l-kbira tal-ikla Lhudija tal-Għid. Hija tagħmel parti mill-“Ħallel il-Kbir” (Hallel minn Halleluia) li kien il-kant tas-Salm 113-118 u s-Salm 136. Dawn setgħu ġew kantati fl-Aħħar Ikla minn Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Imma l-punt fokali ta’ din l-għanja kbira m’hijiex il-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu. Il-jasar mill-Eġittu hija tip ta’ ħelsien mill-mewt eternal tad-dnub. Hija tħabbira daqshekk importanti li l-miġegħma tqum bil-wieqfa għaliha bħalma tqum għall-Vanġelu. U d-djaknu jaqraha jew, preferrebilment ikantaha, meta mlibbes bl-abjad. L-ilbies bajdani tiegħu ifakkarna fl-anġlu li kien maġenb il-qabar. “Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ” (Mt 28:3). Din l-għanja għandha żewġ aspetti partikulari. L-ewwel nett għandha għamla ta’ Vanġelu.  Hija tħabbira tal-evangelium, l-aħbar it-tajba :


Jifirħu l-qtajja ta l-Anġli fis-sema!

Jifirħu l-qaddeja ta’ Alla! Ħa ddoqq 

it-tromba fis salvazzjoni tagħna u tħabbar

 ir-rebħa ta’ Sultan hekk kbir!


It-tieni aspett hija anaphora l-għaliex l-Exutlet hija barka u offerta tad-dawl. It-tħabbira tħabbar is-sisien tal-istorja tas-salvazzjoni. Madankollu turi tipi ta’ ġrajjiet fit-Testment il-Qadim u fl-anti-tipi tal-Għid. “Dan huwa l-lejl li fih, żmien ilu, int ħriġt lil missirijietna, ulied Israel, mill-Eġittu u għaddejthom fl-inxief mill-Baħar tal-Qasab. Dan, mela, huwa l-lejl li fih tkeċċew id-dlamijiet ta’ dnubietna permezz tal-kolonna tan-nar. Dan huwa l-lejl li fih, id-dinja kollha, min jemmen li Kristu jqaċċat kull rabta ħażina, jeħles mid-dlam ta’ dnubietu, jikseb il-grazzja u jissieħeb mal-qaddisin”. 


Imbagħad it-talba toffri x-xemgħa lil Alla: “Ilqa’, mela, Missier qaddis, l-offerta solenni ta’ dan il-blandun, magħmul mix-xema’ tan-naħal; din l-offerta qed tagħmilhielek il-knisja mqaddsa, permezz tal-ministri tagħha, bħala sagrifiċċju ta’ tifħir filgħaxija.” Ix-xemgħa jeħtieġilha, it-talba tissokta, tingħaqad mad-dawl tas-sema, li jkeċċi d-dlamijiet ta’ dan il-lejl u j'Alla l-kewkba ta’ filgħodu, Kristu mqajjem mill-imwiet, jsib din ix-xemgħa dejjem mixgħula. 


Aspett li jaffaxxina ta’ din it-tħabbira kbira hija s-silta li titħaddet dwar il-ħtija oriġinali. Wara li rajna kemm hu ikraħ id-dnub hija interessanti, biex ma ngħidx provokattiva li tisma’ lid-djaknu jew lis-saċerdot ikanta fl-Exultet:


Xi ħtija hienja kienet, 

la darba stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!


Imma x’inhu eżattament tgħidilna din is-sentenza? Jekk it-teorija Franġiskana li Kristu xorta waħda kien se jiġi fid-dinja anki jekk Adam ma dinibx hija korretta, id-dnub oriġinali huwa okkażjoni għal Alla biex juri sa fejn tasal imħabbtu. Kristu ta kulma kellu, sal-anqas qattra demm, biex jagħtina s-salvazzjoni ġenerali li biha kull persuna għandha d-dritt tieħu vantaġġ. Għalhekk din “il-ħtija ħienja” u “d-dnub ta’ Adam li ma setax jinħarab” jirreferu għall-fatt li l-miġja ħelliesa u fejqana ta’ Kristu fostna hija tant akbar mill-mard morali oriġinali li qiegħed jifflaġella l-umanità. Imma, b’xi mod, tista’ anki tapplika għall-vantaġġi li ġew wara l-qawmien mill-imwiet tal-Mulej li inġabru għall-ulied Adam u Eva. San Pawl kiteb: “Il-Liġi daħlet, biex kotru d-dnubiet; fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. B'hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt, hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta' dejjem bis-saħħa ta' Ġesù Kristu Sidna” (Rum 5:20-21).


Għalhekk l-Exultet għandu funzjoni li jdawwal u kif ukoll li jgħallem. Din l-Għanja tal-Għid hija tifħir lil Alla innifsu. Fiha innifsha hija taqsira tal-misteru tal-fidwa tagħna sal-punt li aħna nistgħu nkunu nafuħ. Fl-Ittra tiegħu lill-Insara ta’ Efesu San Pawl jgħidilna: “Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art” (Efes 1:9-10). Barra minhekk mill-kitbiet tiegħu fuq l-Exultet Dom Jerome Gassner O.S.B. jgħid li jeżiżti paralleliżmu bejn l-istruttura tal-Exultet u improperji li nkantaw nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Ir-raġuni għal dan hu li l-Exultet huwa eqdem mill-Improperji, jiġifieri l-lamentazzjonijiet ta’ Ġesù Kristu lill-poplu tiegħu. Fl-Exultet jeżiżtu tlett ġrajjiet ewlenin tal-istorja tas-salvazzjoni meta mqabbla mal-anti-tipi. L-ewwel ġrajja hija Kristu bħala l-ħaruf tassew. It-tieni ġrajja hija l-qsim mill-Baħar l-Aħmar. It-tielet ġrajja hija l-kolonna tan-nar. Fl-improperji hemm ħafna iżjed:


Jiena ħriġtek mill-Eġittu; kont jien li salvajtek; għalhekk ridt issallabni?

X’għamiltlek, poplu tiegħi? Fiex qatt nikkittek? Għidli!


Kont miegħek erbgħin sena biex mid-deżert għaddejtek, il-manna tajtek b’ikel, 

daħħaltek f’art għammiela; kont jiena li salvajtek; Għalhekk ridt issallabni? 


Qatt kont teħtieġ xi ħaġa u jien ċaħħadtek minnha? Ħawwiltek bħala dielja 

magħżula u sbejħa tiegħi; int tajtni l-ħall fil-għatx tiegħi; kont jien li salvatek; 

għalhekk ftaħt ġenbi b’lanza?


Jiena ħriġtek mill-Eġittu, u lill-Fargħun għarraqtu għalik fil-Baħar Aħmar; iżd’int 

mort tittradini mal-kbar tas-saċerdoti, u tlaqtni taħt idejhom. 


Għalik jien fraqt il-baħar: iżd’int lili għoġbok tifaħli ġenbi b’lanza.


Jiena f’sura ta’ kolonna ta’ sħab imxejt quddiemek: int ħadtni għandi Pilatu.


Jiena f’sura ta’ kolonna għal dan int ħallastni bis-swat, b’daqqiet ta’ ħarta.


Salvajtlek ħajtek meta minn blata samma sqejtek: int b’ħall u mrar sqejt lili.


Jien lilek tajtek xettru ta’ saltna kollha glorja: int f’rasi x-xewk libbistni.


‘Il fuq, ‘il fuq għollejtek bl-egħġubijiet kbar tiegħi: int ma’ Salib dendiltni.


Jingħad li l-istorja ta’ Iżrael tirrifletti l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej għamel tant miegħi u miegħek. Kif se jirnexxilna qatt insemmu kollox, ħaġa b’ħaġa, dak li għamel għalina? Iżda, b’xorti ħażina, aħna, bħala bnedmin, kemm ittradejnieh! U, li kieku kellna inniżlu d-dnubiet li ilkoll wettaqna s’issa l-ħin li għandna f’idejna ma jkunx biżżejjed! Fl-Improperji nistgħu nagħmlu r-rabta bejn l-infedeltà ta’ Iżrael u l-ingratitudni tagħna. Kull wieħed u waħda minna huwa u hija responsabbli għal dak kollu li Ġesù għadda minnu fil-passjoni tiegħu. L-istess bħalma l-poeżija tal-Improperji turi b’tant sbuħija u qawwa. Madankollu fl-Exultet, il-Knisja turina kif Alla dawwar il-ħwejjeġ qarsa li għamilnielu favurina. Meta nistqarru dnubietna jiġrilna li qisu qatt m’għamilniehom. Fl-Exultet, dak li l-infedeltà tagħna għamlet lis-Salvatur huma minsija. Mill-mod kif inhu miktub u kantat l-Exultet kien tant kbir li seħħlu jaħkem il-passat. Mingħajr dubju dan ifakkar il-magħrufa profezzija tal-profeta Eżekjel:


Ma jitniġġsux aktar bl-allat foloz u l-ħwejjeġ moqżieża tagħhom, u b'ebda dnub 

ieħor minn tagħhom. Jien għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni, jiena nsaffihom; 

u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi, u jiena nkun għalihom Alla tagħhom. 

"Il-qaddej tiegħi David ikun is-sultan tagħhom, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd. 

Huma jimxu fuq il-preċetti tiegħi, u jħarsu l-liġijiet tiegħi u jżommuhom. 

U jgħammru fl-art li jien kont tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb, 

l-art li fiha għammru missirijiethom; jgħammru fiha huma u wliedhom u wlied uliedhom għal dejjem. 

U l-qaddej tiegħi David ikun il-prinċep fuqhom għal dejjem. 

Nagħmel magħhom patt ta' sliem, ikun patt magħhom għal dejjem; 

nwettaqhom u nkattarhom, u nqiegħed fosthom għal dejjem is-santwarju tiegħi. 

Fosthom tkun l-għamara tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi (Eżek 37:23-27). 


L-awtur Benedittin Adrien Nocent (1913-1996), li kien professor fil-Pontifiċju Atheneum ta’ San Anselmu f’Ruma, wera li s-Sahra tal-Għid li għandna illum għaddiet minn żvilupp sħiħ. Fil-fatt dan il-liturġista kbir fil-ktieb tiegħu The Liturgical Year: the Easter Season, jgħid li t-trattat bikri tat-tielet seklu li jitħaddet fuq il-prattika liturġika u l-organizzazzjoni tal-Knisja, id-Didascalia Apostolorum, turi li kien hemm is-sahra li fiha kienet tħaddan is-sawm u s-servizz tat-talb li kien isib il-milja tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. L-Exultet jibda’ jidher fix-xena mar-raba’ seklu waqt li l-formula tat-tberik tan-nar ġdid ma tidhirx qabel t-tnax-il seklu.


Li hu żgur hu li s-sahra tal-Għid mgħammra bl-għanja tal-Exultet, liema għanja hija sabiħa u kollha tagħlim, żgur li hija progress kbir fuq iċ-ċelebrazzjoni bikrija tal-Għid. Hija tabilħaqq turi li l-Ispirtu s-Santu jaħdem kontinwament fil-Knisja tiegħu biex jirrivela aktar u aktar “l-għana ta' Kristu, għana li ebda moħħ ma jista' jifhmu” (Efes 3:8). Jalla Kristu u l-għana tiegħu kollu, jkunu d-Dawl tagħna f’dan il-Għid sabiex nagħrfu triqtna, f’din id-dinja li tgħaddi, sakemm naslu għall-Festa l-kbira tas-Sema pajjiżna!


Patri Mario Attard OFM Cap