Il-Kurċifiss

Il-Kurċifiss devot li matul is-sena jkun espost għall-qima tal-fidili fuq l-Artal tal-Kappellun kien regalat lill-knisja fl-1948 minn  iben Il-Qala, l-Avukat  Anton Buttiġieġ li żmien wara ġie maħtur bħala t-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta. Il-Kurcifiss minqux fl-injam sar mid-ditta Ferdinando Stuflesser ta' Bolzano fl-Italja.

Bħala opra tal-arti dan il-Kurċifiss hu xogħol ta’ kalibru għoli u żgur li wieħed mill-oggetti l-aktar prezzjużi li jgħanu lill-Knisja tal-Qala. Inħadem fil-fabbrika ta’ Ferdinando Stuflesser f’Ortisei, qrib Bolzano fl-Italja ta’ fuq, reġjun magħruf sew għall-ħila artistika ta’ niesu fix-xogħol tal-injam. Fil-fatt, dan il-Kurċifiss gie minqux minn zokk ta’ siġra tal-qastan u għajr għad-dirgħajn li nħaddmu separatament, huwa bicca waħda skolpita bl-idejn minn xi ħadd ta’ sengħa kbira.

Jippreżentalna l-figura ta’ bniedem li minkejja s-sinjali ċari ta’ vjolenza fuq ġismu kollu u minkejja l-mewt ħarxa li sofra, jidher mistrieħ u sodisfatt bil-biċċa xogħol iebsa li rnexxielu jwettaq u li swietlu sa l-aħħar qatra demm. Fl-istess ħin, il-kulur oskur tal-injam joħloq atmosfera ta’ niket u devozzjoni kbira.

Meta fil-Qala bdiet issir il-Via Sagra, dan il-Kurcifiss kien jinħareġ proċesjonalment flimkien mal-vara tad-Duluri u l-Korp ta' Kristu Mejjet. Dan kien jintrama fuq bradella flimkien mal-figura tal-Madonna u ta' San Ġwann li jidhru aktar l-sfel, iżda wara xi żmien ġie deciż li jinħareġ waħdu minħabba li kien jistona peress li mhux miżbugh. Riċentement ġie deciż li ma jibqax jintuża fil-purċissjoni għaliex kienet qed issirlu ħsara kemm biex jiżżarma mil-artal tiegħu u anke waqt il-purċissjoni.

 

 

Copyright - Marco Saliba Adrian Sammut 2014 (www.goodfridaymalta.com)