Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Isla hija waħda mill-eqdem f'pajjiżna u huwa dokumentat li tmur lura sa mill-anqas l-1714. Il-Fratellanza Tal-Kurċifiss tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta' din il-purċissjoni. Sal-1880, din il-purċissjoni kienet issir nhar Hamis ix-Xirka imma wara ordni tal-Arċisqof Carmelo Scicluna u li kienet tgħodd għall-Parroċċi kollha, din bdiet toħrog nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Il-purċissjoni li toħroġ mill-knisja Bażilika ddedikata lill-Marija Bambina hija mibnija madwar il-misteri rrapreżentati mill-vari. Persunaġġi Biblici jimxu skond il-konnessjoni li għandhom mal-vara partikolari. Bejn il-Persunaġġi Biblici, it-tfal u r-reffiegħa jieħdu sehem bejn wieħed u ieħor mal-mitejn u ħamsin ruħ. Jakkumpanjaw il-purċissjoni jkun hemm ukoll il-kanonċi tal-kapitlu u l-abbatini. Il-vari fl-Isla għandhom storja antika għalkemm x'uħud minnhom inbiddlu jew ġew irranġati fit-tieni nofs tas-seklu dsatax mill-istatwarju Senglean Karlu Darmanin. Madankollu, tajjeb ninnotaw li l-aħħar bidla li saret fil-vari tmur lura għall-1921 meta nħaddmet vara ġdida tad-Duluri. Fl-Isla insibu s-sett tradizzjonali ta' tmien vari armati fuq bradelli sbieħ tal-ġewz li saru bejn l-1976 u l-1981, xogħol ta' Ġuzeppi Galea fuq disinn ta' Salvu Bugeja. Il-bradelli jiġu armati b'sett ta' brazzi tal-bronż arġentat u b'bukketti tal-ward ġo vażuni tal-fidda. Ir-reffiegħa tal-vari huma fratelli ta' l-istess Fratellanza tal-Kurċifiss u jilbsu konfratija lewn it-tiben, kapoċċ f'rashom u kurdun tal-ħabel mal-qadd. Fil-kas tal-Monument biss, ir-reffiegħa jilbsu s-suttana u spellizza u dan biex tinżamm tradizzjoni antika meta l-Monument kien jintrefa mill-qassisin. Il-Purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira fl-Isla Il-Gimgha 10 t'April 2009 fis-6.00pm
L-Ort
Din il-vara hija qadima ħafna u qatt ma jidher li nbidlet. Ma teżisti l-ebda informazzjoni fuq l-awtur tagħha jew meta saret iżda kollox juri li tgħodd mill-anqas mitejn u tmenin sena.
Il-Marbut
Din il-vara nħadmet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax mill-istatwarju Senglean Mastru Karlu Darmanin. M'hemmx dubju li qabilha kien hemm vara oħra li izda l-informazzjoni fuqha ntilfet.
Ecce Homo
Din il-vara hija xogħol Spanjol u nġiebet fl-1802 minn familja għanja Sengleana li rregalatha lill-Fratellanza tal-Kurċifiss wara wegħda li għamlet biex teħles b'wiċċ il-ġid matul l-imblokk tal-Franċiżi. Qabilha kienet teżisti vara aktar antika fejn Kristu kien jidher bil-qiegħda fuq kolonna.
Ir-Redentur
Bla dubju, ir-Redentur tal-Isla hija l-aktar vara magħrufa u devota fil-gżejjer Maltin. Id-devozzjoni lejn din ix-xbieha mirakoluza tmur ħafna lura fis-snin imma żgur sa mill-inqas l-1727 meta nafu li diġa' kienet esposta għall-qima tad-devoti fl-Oratorju tal-Fratellanza tal-Kurċifiss. Matul il-pesta tal-1813, il-kapitlu tal-Kolleġġjata għamel wegħda li jekk il-Belt tagħhom teħlisha minn dan il-flaġell tal-biza' jintrabtu li kull sena, bħala ringrazzjament, jagħmlu tliet purċissjonijiet madwar l-Isla fosthom b'din ix-xbiha tar-Redentur fit-tielet Hadd fuq l-Pentekoste.
Madankollu, la nafu meta saret u l-anqas min kien l-awtur oriġinali ta' din il-vara. Li nafu fi żgur hu li Mastru Karlu Darmanin dara waħda sew lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. Iżda ħa ħsieb li jżomm il-korp u r-ras u m'għamel xejn biex inaqqas mid-devozzjoni antika lejn din ix-xbieha.
.
Il-Veronika
Il-Veronika, li tidher waħedha f'din il-Vara hija biċċa xogħol oħra fil-kartapesta ta' Mastro Karlu Darmanin u saret fit-tieni nofs tas-seklu dsatax.
Il-Vara l-Kbira
Mill-grupp ta' statwi li jiffurmaw din il-vara, huma l-kurċifiss u San Ġwann biss li għadhom mis-sett oriġinali bil-kurċifiss ikun attribwit lil Mastro Saverio Laferla. Il-Madonna u l-Madalena huma xogħol Mastro Karlu Darmanin li ħa ħsieb ukoll it-tqassim mil-ġdid tal-vara. Fl-1980, Alfred Camilleri Cauchi rrestawra l-kurċifiss minħabba ħsarat kbar li kellu u bejn l-1985 u l-1988, l-istatwi reġgħu inżebgħu mill-gdid mir-restawratur John Pace.
Il-Monument
Il-korp ta' Kristu mejjet huwa mis-sett oriġinali u t-tagħrif fuq l-awtur tiegħu u meta sar huwa mitluf. L-Urna, iżda, inħaddmet f'nofs is-seklu tmintax mill-iskultur Senglean Felic Zahra. Fil-bidu tas-seklu dsatax, l-istatwarju Marjanu Gerada għamel xi tibdil fiha u żied il-puttini li hemm idawruha. Aktar tard, saru l-pavaljuni bir-rakmu tad-deheb fuq lama bajda. L-aħħar restawr sar fl-1985 u ġie fdat f'idejn Darmanin Guilders li nduraw l-Urna mil-ġdid filwaqt li Grixti Embroideries ħadu ħsieb jagħmlu rakkmu ġdid. Saret ukoll pedestallatura tal-ġewż li fl-irkejjen tagħha bdew jintramaw il-gastri li kien ħadem Marjanu Gerada. Ta' min jinnota li d-drapp li jżejjen l-urna huwa fuq l-abjad waqt li f'ħafna Monumenti oħra, ikun il-kulur aħmar li jispikka.
Id-Duluri
Il-Vara tad-Duluri hija l-aħħar waħda li żdiedet mas-sett tal-Isla. Hija xogħol fil-kartapesta u nħadmet fl-1921 mil-istatwarju Karmnu Mallia. Bejn l-1985 u l-1988, din il-Vara nżebgħet mil-ġdid mis-Sur John Pace. Sfortunatament, id-Duluri ta' qabel din li kienet għadha teżisti, inqerdet għal kollox fl-aħħar gwerra.