Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

L-Arti tar-Restawr

Intervista lil Dun Charles Vella - Konservatur u Restawratur
minn Adrian Sammut u Marco Saliba (It-Tieni Parti)
 
Induru issa għar-restawr li għamilt fuq is-sett tal-Belt. Kif ittieħdet il-deċiżżjoni li tibda mid-Duluri?


Id-duluri kienet l-ewwel mill-vari li rrestawrajt mis-sett tal-Belt u mn’Alla kien hekk għax il-ħsara strutturali li kellha kienet kbira,  u kieku ma bdejniex minnha setgħet, Alla ħares qatt, tweġġa’ n-nies waqt xi purċissjoni. Il-problema ewlenija kienet ġejja mill-fatt li s-salib kien intrabat mal-blokka fejn tinsab bil-qegħda l-figura tal-Madonna. Waqt l-irfigħ tal-vara, iċ-ċaqliq tas-salib kien qed jagħmel ħafna ħsara. Il-problema solvejtha billi rbatt is-salib mal-bradella u għalhekk eliminajt l-iskossi fuq il-figura tad-Duluri. Għalkemm id-duluri hija ta’ Saverio Laferla  tas-seklu tmintax, matul is-snin saru diversi nterventi fuqha tant li kellha diversi passati ta’ żebgħa kif ukoll kisja fajberglas. Imma l-ikbar tibdil sar min Ġużeppi Caruana magħruf bħala l-marċjol, li, f’nofs is-seklu għoxrin, bidlilha r-ras tagħha kompletament. Il-probabbilta hi li l-wiċċ ta’ Laferla dejjaq lill-Beltin ta’ dak iż-żmien u l-marċjol irnexxielu jikkuntentahom billi ħadem wiċċ li nistgħu ngħidu ħariġlu tajjeb ħafna. Interessanti ngħidu wkoll li Laferla ħadem l-istatwa tad-duluri fuq oħra aktar antika. Ir-restawr kien jinvolvi t-tneħħija tal-passati taż-żebgħa imbagħad reġgħet tpittret bil-kuluri oriġinali tagħha fosthom bil-blu imsejjaħ azurite li ntuża għall-mant.

 

Is-sena ta’wara jiġifieri fl-2006 kien imiss il-Marbut. X’kien jeħtieġ?

L-ewwel li għamilt bħal fil-każ tad-Duluri kienet stratagrafija. Għalkemm kellu diversi passati ta’ żebgħa u l-originali kien imkabbar ħafna, nista’ nikkonferma li l-interpretazzjoni saret fidila lejn l-original. L-iskultur tiegħu Piertu Pawl Azzopardi flimkien mal-kontemporanji tiegħu Marjanu Gerada u Xandru Farrugia (imma mhux Salvu Psaila) bdew jinterpretaw l-arti sagra għan-neo-klassiku. Jien pittirtu kemm kien possibli skont il-karnaġġjon oriġinali.


Waqt ir-restawrtal-Ecce Homo instabet dokumentazzjoni ġdida fuq l-awtur tal-Kurċifiss mirakoluż meqjum f’Ta’ Ġieżu. X’rabta hemm bejn dan u l-Ecce Homo?

Il-Patrijiet Franġiskani Umile Pintorno u Innocenzo da Petralia kienu jaħdmu fl-istess kunvent u fl-istess żmien. It-tnejn kellhom spiritwalita kbira u x-xogħol tagħhom tant jixxiebah li xi minn daqqa huwa diffiċli tgħid liema hu ta’ wieħed u tal-ieħor. Sa ftit żmien ilu il-Kurċifiss mirakuluż li hemm f’ta’ Ġieżu kien meqjus xogħol ta’ Frate Umile. Ġara iżda li waqt li konna qegħdin nagħmlu r-riċeka fuq l-Ecce Homo, Patri Ġorġ Aquilina sab irċevuta tal-ordni tal-Kurċifiss datata l-1648 li kienet maħruġa lil Frate Innocenzo u għalhekk din biddlet l-istorja. Ma nstab l-ebda dokument marbut ma’ l-Ecce Homo iżda l-indikazzjonijiet kollha juru li dan huwa ta’ l-istess awtur.

 X’inhu x-xebħ li hemm bejn dawn iż-żewġ opri?

Fl-arti għandek dawn it-tipi ta’ attribuzzjonijiet (1) ta’ dokumentazzjoni, jiġifieri għandek l-ittra tal-kummissjoni jew l-irċevuta, (2) l-opra fiha nnifisha li titqabbel ma’ xogħol ieħor u turik min seta’ kien l-awtur tagħha. Eżempju jekk nieħdu l-pittura titulari fil-Knisja Arċipritali tal-Mosta li għal ħafna żmien kienet attribwita lil Pascuale Buhagiar, min jifhem fl-arti minn dejjem sostna li għandha l-karatteristiċi, l-istil u l-impronta kollha tax-xogħol ta’ Stefano Erardi. Iż-żewġ Patrijiet li semmejna għandhom l-istess karatteristiċi primarji. L-ewwenett għalkemm kienu jaħdmu primarjament fuq stil gotiku, ma kellhomx stil proprju u għamlu xogħol fuq stil barokk ukoll – l-Ecce Homo huwa fuq stil barokk. Imma kemm Umile kif ukoll Innocenzo għandhom ħames karatteristiċi li huma primarjament tagħhom, (1) ix-xewka li tinfed mill-istess post fir-ras, (2) il-gonfiori jew nefħiet li jkollu mal-ġisem kollu (3) iċ-ċeralakka li hi taħlita ta’ xema’ jew reżina naturali tas-siġar imħallta mal-kulur aħmar u kif tkun għadha taħraqt intefa’ fuq l-istatwa. Kif tiksaħ tagħqad u tiġi qisha ċapap tad-demm  u (4) il-parċimina li kienu jużawha fil-ferita biex jagħtu mpressjoni tal-ġilda qed titqaxxar minn postha- din issibha kemm fil-Kurċifiss kif ukoll fl-Ecce Homo, u tant u tant attribuzzjonijiet oħra!

Jiġifieri x’kienu l-interventi ewlenin li għamilt fuq l-Ecce Homo?

L-interventi li għamilt waqt ir-restawr kellhom l-għan li nreġġa’ l-istatwa lura għall-istat oriġinali kif ħadimha Patri Innocenzo. Il-gonfiori li semmejt qabel kienu hemm imma ġew illimati, wisq probabbli minn Saverio Laferla biexi qabbel l-istatwa mas-sett tiegħu. Jiena dawn erġajt bnejthom mill-ġdid kif kienu oriġinarjament. Sibt ukoll li d-daqna kienet ġiet estiża u għalhekk ħadt ħsieb li nneħħi din iż-żieda. Il-kuruna tax-xewk ukoll kienet ġiet mibdula u din erġajt bnejtha mill-ġdid skont l-istatwa oriġinali u skont dik tal-kurċifiss. Id-dahar kien ukoll immodifikat fil-passat. Fil-fatt meta kxiftu sibt li oriġinarjament kien ġerħa waħda. Dawn l-interventi kienu ġġustifikati għax kont qed nara artist aktar importanti, kif ukoll l-interpretazzjonijiet sucessivi ma baqghux jirrispettaw l-awtentiċita artistika, u kienu qed ifaqqru il-gmiel li kien moħbi taħt il-maskli ta passati fuq xulxin.


Hemm leġġenda li tgħid li wiċċ il-Kurċifiss saret b’intervent divin.X’taħseb fuqha?

Din hemm spjegazzjoni sempliċi għaliha. Il-wiċċ tal-kurċifiss u anki tal-Ecce Homo maħdumin bil-maskla jiġifieri l-wiċċ jinħadem għalih u separatament mir-ras imbagħad kif ikun lest jingħaqad mar-ras. Ovvjament xi ħadd ma jifhimx fil-mestier ra l-kurċifiss bla wiċċ ftit qabel ma dan twaħħal f’postu mill-iskultur. Kif, l-għada filgħodu , l-istess persuna reġgħet ratu bil-wiċċ, ma setgħetx tifhem kif dan seta’ ġie skolpit matul il-lejl u b’hekk bdiet timxi x-xniegħa li dan sar b’miraklu.  

L-Aħħar żewġ vari li rrestawrajt kienu r-Redentur u l-vara l-Kbira?

Iva, ir-Redentur kellu bżonn żebgħa biss, interpretazzjoni polikromatika, wara stratagrafija. L-originali ddetterjora kompletament b’interpretazzjonijiet suċċessivi. L-aħħar waħda kient bidlet il-konsistenza minħabba interventi biz-żjud tal-kittien, u l-kuluri tbiddlu b’reazzjoni għaż-żejd b’mod li ma jirriversax. Fuq il-Vara l-Kbira saru l-istess interventi bħal tar-Redentur għalkemm il-Kurċifiss kellu ħafna fajberglas fuqu li kellu bzonn ħafna aktar xogħol biex jiġi mneħħi.

Kien hawn min ikkummenta li l-vari ġew ileqqu żżejjed. Xi tgħid?

La darba l-vara tkun lesta mill-interventi u ż-żebgħa, ikun hemm bżonn li jingħata 'final protective layer', iżda dan ma jdumx ileqq, għax is-sena ta wara jimmatja.

F’hiex wasal ix-xogħol fuq Ir-Redentur tal-Isla?

Wara studju xjentifiku li qed jsiru fuqu bħalissa,  għaddej bil-kitba ta’ rapport dettaljat li dan jibqa’ jiġi segwit matul iz-zmien. B’hekk ikun hemm stampa ċara, ibbażata fuq studju xjentifiku tal-qagħda u l-istat li fih qieghed bhalissa. Immal-għan jibqa’ wieħed, dak ta’ konservazzjoni preventiva, jiġifieri li nwaqqfu dak kollu li qed jikkawżalu l-ħsara imma bl-inqas interventi possibli fuq il-vara nnifisha. Mela allura irridu nħarsu bis-serjeta lejn diversi aspetti indiretti bħal ngħidu aħna kif qed isir l-irfigħ tal-vara, eċċ.  Dan jibqa jiġi immoniterjat, u dokumentat, u wieħed jara u josserva ikunx hemm xi tibdiliet fl-istruttura li tkun ta periku jew ta ħsara.

Għal aktar tagħrif fuq l-istudju xjentifiku li sar fuq ir-Redentur tal-Isla ara l-artiklu ‘L-Istatwa ta’ Ġesu Redentur tal-Isla -  Proċess ta’ konservazzjoni’ miktub minnFr Charles Vella.