Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Passjoni Skont it-Tabib

Minn Alfred Grech 

Wieħed mill-aktar kotba li qatt impressjonawni kien dak li kiteb wieħed tabib Franċiż, Dr. Barbet, jismu “Il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu Skont it-Tabib”

“Jekk hawn xi ħadd li huwa magħruf bħala bniedem bla qalb,” jgħid Dr. Barbet, “dana huwa t-tabib. Iżda għalkemm nikkumbattu ħafna biex nuru rwieħna hekk, xorta waħda tibqa’ ħajja ġo qalbna l-ħniena, anzi tikber dejjem iżjed meta jgħaddu s-snin. Meta tabib jaħseb u jimmedita fuq il-Passjoni, jistudja sewwa ż-żmien u ċ-ċirkostanzi fiżjoloġiċi u jipprova jibni metodikament il-punti ta’ dan il-martirju li dam sejjer lejl u ġurnata, jista’ iżjed mill-aqwa predikatur u mill-aqwa qaddis jieħu parti fis-sofferenzi ta’ Kristu. Ngħid għalija, jien wasalt biex ma naħsibx iżjed fiha.”
 
“Jekk jaqbiżli d-dmugħ qabel ma nispiċċa”, jgħidilna Dr. Barbet, “agħmel bħali mingħajr mistħija; dak ikun ifisser li tkun fhimt.”
“Proprjament il-passjoni tibda fit-twelid ta’ Ġesù. Huwa nfatti, billi kien jaf kollox, kien dejjem jaf u dejjem ried it-tbatijiet li kienu qegħdin jistennewh fl-aħħar ta’ ħajtu. Nistgħu naħsbu xi jħoss dak il-bniedem li jkun jaf bl-eżatt il-martirju illi għandu jgħaddi minnu!

L-GĦARAQ TAD-DEMM
 

Fil-Ġnien tal-Ġetsemani, mela, mhux il-Passjoni tibda, iżda s-sagrifiċċju. Il-ħsieb terribli li ftit ħin ieħor ser jibda sofferenzi kbar ibeżżgħuh. Il-ġlieda hija tal-biża’ u San Luqa, li kien tabib, qalilna fl-Evanġelju: “U sar l-għaraq Tiegħu bħal qatriet tad-demm nieżel mal-art” (XXII, 44). San Luqa bħala tabib kien jaf xi tfisser tegħreq l-għaraq tad-demm u għalhekk ir-rakkontaha. L-għaraq tad-demm, jew “εματοιδροσι“ (ematoidrosi), huwa fenomenu rarissimu. Dr. Le Bec jgħid illi dan jiġi f’kundizzjonijiet partikularissimi: ċaqlieqa fiżika, akkompanjata minn xokk morali li jiġi minħabba f’xi niket jew biża’ kbir. U din hija dik illi San Luqa jsejjaħ “αγονια” (agonia), li bil-Grieg tfisser, “ġlieda”. Din il-kwalità ta’ niket u biża’ jik- kaġunaw il-ksur tal-vini finissimi li qegħdin fir-ras taħt il-pori tal-għaraq. Id-demm jitħallat mal-għaraq, jinġabru u jinżlu mal-ġisem kollu sakemm jasal fl-art. Din il-kundizzjoni tagħmel il-ġisem kollu fraġli; u nistgħu naħsbu x’għamlulu d-daqqiet tal-flaġellazzjoni aktar tard. Wara li jaqbduh fil-Ġnien taż-Żebbuġ, Ġesù jiġi meħud quddiem Kajfa u s-Sinedriju u wara jiġi mkaxkar ġo xi kantina fejn ir-Rumani qattgħu lejl jiżżuffjettaw bih u jagħtuh bil-ponn u l-ħartiet.

IL-FLAĠELLAZZJONI

 
Nafuha il-farsa ta’ proċess mingħand Kajfa għal għand Pilatu u l-logħba tal-Prokuratur Ruman u Erodi. Iżda l-vilta’ ta’ Pilatu u l-biża’ li jitlef il-post, iġagħaluh jieħu d-deċiżżjoni drammatika u illoġika: il-flaġellazzjoni. Is-suldati Rumani jieħdu lil Ġesù fil-bitħa tal-Pretorju, jneżżgħuh u jorbtuħ mill-polzijiet ma’ kolonna b-idejħ fil-għoli. Strixxi tal-ġild oħxon b’żewġ biċċiet ċomb fit-tarf iservu għall-flaġellazzjoni. Id-daqqiet ġejjin minn żewġ naħat. Għall-ewwel jidhru biss tbenġiliet blu taħt il-ġilda, li issa saret tant sensibbli speċjalment wara l-emorraġġiji fil-Ġnien taż-Żebbuġ; iżda wara ftit it-tbenġiliet malajr jinfetħu u biċċiet tal-ġilda jaqbdu maċ-ċomb u oħrajn jiddendlu ma’ Ġisem Kristu. Il-forza tal-Priġunier Divin tonqos, għaraq kiesaħ ixoqq fuq ġbinu, rasu ddur bih, riġlejħ iċedu, u li kieku ma kienx marbut, kien jaqa’ fl-għadira tad-demm li kien hemm madwaru.


L-INKURUNAZZJONI

 

It-tieni att tad-dramm beda bl-inkurunazzjoni. Ipoġġu ‘l Kristu bil- qegħda fuq il-pedestall ta’ kolonna u fuq spalltu jqegħdu mantell aħmar qadim biex taparsi re, u bħala xettru jatuh biċċa qasba. Kull ma kien jonqsu biex ikun re hija kuruna. Fir-rokna kien hemm koċċ zkuk u ħaxix u fosthom anki xi zkuk bix-xewk iebes. Jinsġu speċi ta’ qiegħ ta’ kannestru u jpoġġuhulu fuq rasu. Ix-xewk jidħol fil-qurriegħa u f’moħħu u d-demm joħroġ bħal xmara (it-tobba biss jafu kemm joħroġ demm mill-ġilda tar-ras). Ix-xagħar imħabbel u l-leħja mimlija demm iċarċar, u sadattant bdew jgħadduh biż-żmien u jagħtuh bix-xettru li kellu f’idejħ u bil-ħartiet.
Iżda issa, qed nilmaħ daqqa kbira ta’ bastun fuq ħaddejh u mnieħru u tant hi b’saħħitha li sfigurat l-imnieħer kbir Tiegħu semitiku.

 

LEJN IL-KALVARJU

 
Ineħħu bil-herra l-mantell li kien diġa’ weħel ma’ spalltu u wara li jerġgħu jagħtuh ħwejġu, ilestu għall-Kalvarju. Is-salib lest; jaqbdu Huwa stess fuq l-ispalla leminija u, b’saqajħ ħafjin u l-ħbula ma’ qaddu, jibda t-triq kollha ġebel lejn il-quċċata tal-għolja. Ġesù mhux is-salib kollu kellu jġorr imma l-parti l-minduda li kienet tissejjaħ il-“patibulum”. Iz-zokk il-wieqaf, li “stipes” kien diġa’ fuq il-Kalvarju. Fortunatament, it-triq ma tantx hija twila, u Ġesù, bi tbatija kbira jitfa’ sieq quddiem l-oħra u spiss jitfixkel u jaqa’ fuq irkopptejh, li fi ftit ħin isirulu pjaga waħda. Dak it-travu, dejjem ibbilanċjat fuq spalltu, jagħmmillu ferita fonda. Jaqa’ mill-ġdid, din id-darba għal wiċċu fl-art. Mal-waqgħa, it-travu jitgerbeb għal fuq dahru mimli feriti tal-flaġellazzjoni u s-suldati jibżgħu li jmutilhom mat-triq; u għalhekk qabbdu wieħed raħħal biex jgħinu hu. Bit-tqanżieħ jaslu fuq il-quċċata. Ġesù jintelaq fl-art u l-kruċifissjoni tibda. M’hemm xejn diffiċli; il-bojja jafha sew is-sengħa tiegħu. Ineżżgħuh il-libsa li hija kollha m-waħħla mal-feriti u d-demm jerġa’ jċarċar. Turment tal-biża’ jiġri ma’ ġismu kollu. Il-feriti jintlew bit-trab, ikaxkruh għal ħdejn li “stipes” (il-biċċa l-wieqfa tas-Salib) u jiftħulu dirgħajh fuq il-“patibulum”. Il-bojja jaqbad musmar oħxon 8 mm., ipoġġiħ fuq il-polz u, b’daqqa waħda bil-martell oħxon tiegħu, iħawwlu ġo l-injama. Daqqa oħra u l-musmar ġewwa.

UĠIEGĦ INSAPPORTABBLI

 
Il-wiċċ ta’ Kristu jieħu dehra tal-biża’; sebgħu l-kbir intlewa f’daqqa lejn in-naħa tal-palma tal-id; il-musmar miss in-nerv. Uġiegħ tal-għaġeb inħass ġo subgħajh, tela’ jiġri ġo spalltu u baqa għaddej għal ġo rasu. Dan huwa l-iżjed uġiegħ insapportabbli li wieħed jista’ jħoss. In-nerv ma nqatax għal kollox imma baqa’ f’kuntatt mal-musmar u fuq dan, minn hawn u ftit ieħor ser ikun il-piż kollu ta’ Ġismu li mill-anqas dam tliet siegħat. Id-driegħ l-ieħor jiġi miġbud u mtawwal minn dak li qiegħed jgħin lill-bojja; l-istess xogħol jirrepeti ruħu, l-istess tbatijiet jiġġeddu. Hawnhekk tnejn min-nies jaqbdu l-“patibulum” li miegħu hemm imsammrin idejn Kristu u jgħolluh. Ġesù jiġi bil-qegħda u mbagħad bil-wieqfa. Jorbtu ħabel minn nofsu u jtellgħuh ma’ li “stipes” li ma tantx huwa għoli. Jingastawh fil-post u l-Ġisem ta’ Kristu jibqa’ mdendel biss fuq dirgħajh. In-nervituri jieħdu skoss qawwi u Ġesù hawnhekk jinsab f’wieħed mill-agħar mumenti tal-Passjoni. Malli jorbtu sewwa fuq, imorru biex isammrulu saqajħ. Is-sieq tax-xellug titpoġġa ċatta fuq is-salib u b’daqqa ta’ martell il-musmar jgħaddi bejn l-għadmiet. Dak li kien qed jgħin, jilwi l-irkoppa l-oħra u l-bojja jpoġġi s-sieq ix-xellugija quddiem il-leminija. Jiġu miżmuma minn ieħor, u bit-tieni daqqa jsammarhom it-tnejn mas-salib.
 

IL-QTUGĦ TAN-NIFS TERRIBBLI

 
Ix-xoffa t'isfel tinsab imdendla u ħalqu nofsu miftuh. Xejn ma ħa mill-bieraħ. Issa għandu l-għatx. Demmu spiċċa kważi kollu. Wieħed suldat iċappas sponża bil-ħall u per mezz ta' qasba jagħmilhielu ma' ħalqu. Wara ftit tal-ħin jidher fenomenu stramb. Il-muskoli ta' driegħu jin- ġibdu, subgħajh il-kbar jitgħawwġu. L-istess ħaġa tiġri f'saqajh . Għonqu qisu jitgħawweġ, wiċċu jikrieħ. In-nifs qiegħed jonqos, u mal-ftit arja li tidħol tinstema' t-tisfira ta' mnifsejh. L-arja tidħol imma ma' tistax toħroġ. Wiċċu jsir aħmar u mbagħad jinbidel għal vjola. Għandu qtugħ ta' nifs, qiegħed jifga'. Il-pulmuni, minfuħin bl-arja, ma jistgħux jitbattlu. Ixoqq il-għaraq għalih u għajnejh jitberrqu u jaqbżu 'l barra. Imma x'jiġri? Bil-mod il-mod, jagħfas bi sforz kbir fuq il-musmar ta' saqajh, jipprova jagħmel ftit tas-saħħa, jinġibed il-fuq, jintrefa', u jiżvojtja l-pulmuni min-nifs u jerġa' mill-ġdid jieħu l-kulur safrani ta' qabel.... Għalfejn dan l-isforz kollu? Għax irid ikellimna: "Missier, aħfrilhom..."
Wara ftit, jerġa' jonqoslu n-nifs. U kull darba li jitkellem (u mill-anqas tkellem seba' darbiet, kull darba li jrid jieħu n-nifs irid iqum dritt fuq il-musmar ta' saqajh. U dan għal tliet siegħat sħaħ.

IL-ĠLIEDA TAL-AĦĦAR

 
Partita dubbien aħdar jidhru mall-Ġisem Tiegħu kollu joqorsulu l-pjagi u jerdgħulu d-demm. Wara ftit is-sema jiddallam, ix-xemx tistaħba u t-temperatura titbaxxa. Minn hawn u ftit ieħor idoqqu t-tlieta. Ġesu' dejjem jikkumbatti. It-tbatijiet kollha, l-għatx il-qtugħ tan-nifs, il-ġbid tan-nervituri. Ma' jġagħluhx jokrob karba. Kultant jikkonsla għax jaf li ħafna ser isalvaw minħabba t-tbatija li qiegħed ibati; iżda jerġa' jiddejjaq meta jara oħrajn li sejrin jintilfu. Hu x'inhu, dal ħin iħossu mitluq minn kulħadd. Hemm Ommu (povra Omm!) u xi ħbieb oħrajn, biss qisu li l-Missier abbandunah: "Eli, Eli, lamma sabachtani?... Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?" Jaf li waslet is-siegħa, u jgħajjat: "Consummatum est! -- Kollox huwa mitmum!" Jerġa' mill-ġdid jipprova jqum, u biex bħallikieku jurina li qiegħed imut bir-rieda Tiegħu, "Missier", jgħajjat b'vuċi waħda, "fl-idejn Tiegħek nerħi ruħi!" U b'dak il-kliem intemmet l-akbar traġedja li qatt twettqet fl-istorja tad-dinja.