Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Passjoni ta’ Kristu fl-Erba’ Vanġeli Kanoniċi

Fl-evanġelji għandna erba’ rakkonti separati  tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, kull wieħed jikkumplimenta lill-ieħor.  Nistgħu naslu għall-għarfien ċar u sħieħ tal-istorja kollha wara li neżaminaw u nqabblu  dawn l-erba’ rakkonti evanġeliċi.

 

L-ewwel tlett evanġelji li nkitbu, jiġifieri dawk ta' San Mark, San Mattew u San Luqa, li jissejħu s-Sinottici,  jixbħu ħafna lil xulxin fit-tifsila tagħhom tal-ġrajja tal-Passjoni tant li nistgħu nissoponu li kien jeżisti fonti oriġinali bikri ħafna, forsi miktub, forsi mgħoddi bil-fomm minn dawk li raw b'għajnejhom, li serva bħala bażi għall-kitba ta’ dawn it-tliet evanġelisti. Jekk naqbdu dak li huwa komuni bejn dawn it-tliet evanġelji, nistgħu nobsru li dan il-fonti oriġinali kien jinkludi dawn l-episodji: It-tradiment ta’ Ġuda; it-tħejjija għall-ikla tal-Għid; l-aħħar ċena (b’referenza qasira ghat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija);  l-agunija fl-ort tal-Ġetsemani, u  l-arrest ta’ Ġesu li mbagħad jittieħed quddiem Kajfa, fejn hemm jigi eżaminat u mixli bid-dagħa. Wara nsibu t-tlett ċaħdiet ta’ San Pietru u lil Ġesu’ jittieħed quddiem Pilatu. Pilatu jipprova jitilqu bl-iskuza tal-festa iżda ma jirnexxilux għaliex il-miġemgħa tallbet għall-ħelsien ta’ Barabba. Wara dan, l-evanġelji jgħidulna li Pilatu iċedi għat-talba u l-insistenza tas-Sinedriju u l-poplu u wara li jagħtih is-swat, itihulhom biex isallbuh. Kif se naraw f’aktar dettal `il quddiem, ir-rakkont tal-kruċifissjoni ivarja daqxejn bejn l-evanġelisti sinottiċi f’dak li huwa l-kliem ta’ Ġesu, l-atitudni tal-miġemgħa u l-ġrajjiet li seħħew mal-mewt ta’ Kristu. Ir-rakkont jagħlaq bit-talba lil Pilatu biex jitniżżel il-ġisem ta’ Ġesu’ u bid-difna fil-qabar ġdid ta’ Ġużeppi ta’ Arimateja.   


 Tajjeb li nifhmu mill-ewwel li minbarra l-fatt li l-erba’ vanġeli nkitbu fi żmien differenti, il-messaġġ li riedu jwasslu l-evanġelisti kien ukoll immirat lejn udjenzi differenti u dan jispjega l-enfażi li poġġew fuq ċerti avvenimenti li ġraw fil-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. San Mattew kiteb l-evanġelju għall-insara ta’ nisel Lhudi  u fih hemm insistenza fuq Ġesu’ bħala l-veru Messija mibgħut minn Alla, il-Kristu. Fil-Fatt, sa mill-bidu tal-Evanġelju tiegħu, Mattew isejjaħ lil Ġesu' 'Għimmanuel' li tfisser 'Alla magħna'. Fir-rakkont tiegħu tal-Passjoni, insibu numru ta’ episodji distinti li ma jidhrux fit-tnejn l-oħra. L-evanġelju skont San Mark huwa mibni bejn wieħed u ieħor, fuq l-istess ordni ta’ dak ta’ San Mattew għalkemm kif jgħidulna kittieba ta’ l-ewwel żminijiet, Marku kiteb għall-insara ta’ Ruma li kienu qalbu mill-paganiżmu. It-tielet evanġelista - San Luqa - jenfasizza l-imħabba universali kif murija minn Sidna Ġesu’ u mwettqa bil-passjoni u l-mewt tiegħu bħala l-att kbir li bih l-umanita giet mifdija.

Jidher li San Luqa kellu ħafna tagħrif differenti mill-oħrajn fuq il-Passjoni u għalhekk fir-rakkont tiegħu, hemm numru ta’ karatteristiċi importanti li jiddistingwuh mit-tnejn l-oħra. Ir-raba’ u l-aħħar vanġelu li inkiteb huwa dak ta’ San Ġwann. Għalkemm m’hemmx dubju li dan kien familjari mar-rakkont tal-ġrajja kif deskritta mit-tliet evanġelisti ta’ qablu, jagħżel li  jagħti rakkont indipendenti ta’ din l-akbar ġrajja. Filwaqt li, kif ser naraw aktar ‘il quddiem, Ġwanni  jagħti ħafna dettalji li ma nsibux fl-evanġelji sinottiċi, fl-istess ħin iħalli barra episodji li l-istess sinottiċi jagħtuhom importanza fil-kitba tagħhom bħall-Ewkaristija u l-agunija fil-Ġetsemini. Għal Ġwanni, tul il-Passjoni tiegħu. Kristu m'huwiex il-vittma imma ir-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajjtu għall-merħla tiegħu minn jeddu u skont il-pjan imfassal minn Alla. Il-Ġrajja tal-Passjoni tal-Mulej Ġesu' tesponi l-kunflitti bejn id-dawl u d-dlam, bejn il-verita' u l-falzita, bejn il-ħajja u l-mewt. Madankollu, huwa neċessarju li wieħed ikun qara l-ewwel tlett rakkonti (is-sinottiċi) biex jista jifhem ir-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann.

Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn jidher li hemm ukoll nuqqas ta’ qbil bejn dan ir-raba’ vanġelu u dawk Sinottici  dwar id-data preċiża tal-kruċifissjoni, li tqajjem id-dubju jekk l-aħħar  ċena tal-Mulej kinietx fl-aħħar mill-aħħar l-ikla ta’ l-Għid.  Kieku kellna biss   it-tliet vanġeli Sinottiċi, konna naslu biex nikkonkludu li hekk kien, jiġifieri li   l-appostli flimkien ma Ġesu’ kielu l-ikla tal-Għid.  Dan għaliex dawn jitkellmu fuq it-tħejjija għall-Pasch  u mkien ma jagħtuk x’tifhem li l-ikla mal-Mulej kienet xi ħaġa oħra.  Iżda   San Ġwann fir-rakkont tiegħu  jenfasizza li l-ikla tal-Għid  innifisha  ma kelliex issir qabel l-għada.  Fil-fatt jirrimarka li  l-Lhud ma riedux jidħlu għand Pilatu, għaliex beżgħu li jitniġġsu, u b’konsegwenza ma jkunux jistgħu jieklu l-ikla ta’ l-Għid. Tant hu ċar fi kliemu, li diffiċli jinftiehem ħażin. Fl-istess ħin anki fis-Sinottiċi hemm siltiet li jippuntaw lejn l-istess direzzjoni. Eżempju, Ġużeppi ta’ Arimateja, irnexxielu jixtri l-liżar għad-difna (Mark15:46), xi ħaġa li ma kinietx tkun possibli kieku kienet il-ġurnata tal-festa.


Ir-rakkont tal-Passjoni jibda f’Mattew 26, Mark 14, Luqa 22 u Ġwanni 12 bil-kumplott kontra Ġesu’ u bl-ikla f’Betanja u jkompli jiżviluppa kif se naraw:


F’Ġerusalemm, Ġesu jagħmel l-aħħar ċena mad-dixxipli tiegħu u jwaqqaf l-Ewkaristija. Jagħti l-aħħar twissijiet lid-dixxipli, ibassar it-tradiment tiegħu u jitlobhom biex jiftakru fih. Is-sinottiċi huma simili ħafna għal xulxin fid-deskrizzjoni ta’ x’ġara matul din l-ikla għalkemm Luqa jagħtina xi ftit aktar tagħrif bħax-xewqa kbira li kellu Ġesu’ li jiekol l-aħħar ikla tal-Għid ma’ l-appostli. Ninnutaw ukoll li l-ewwel darba li Ġesu’ tahom l-inbid u lissen il-kliem “Ħuduh u aqsmuh bejnietkom”, l-inbid kien għadu mhux ikkunsagrat iżda wara din l-ewwel tazza kienu jixorbu aktar. Skont Luqa, waqt l-għoti tal-Ewkaristija, mal-kliem “Dan hu ġismi” Kristu żied “mogħti għalikom, agħmlu dan b’tifkira tiegħi” biex b’hekk waqqaf fil-knisja tiegħu l-ordni tas-saċerdozju u ta’ s-setgħa lill-qassisin biex ifakkru dak li għamel hu. Luqa jagħti x’jifhem li Ġuda kien għadu ma’ l-appostli meta Kristu waqqaf l-Ewkaristija u għalhekk tqarben ma’ l-appostli l-oħra.

B’kuntrast ma dan, f’Mattew u Mark, it-tradiment ta’ Ġuda kien mikxuf qabel u aktarx li hu ħareġ dak il-ħin stess jiġifieri qabel it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija. Jista jagħti l-kas li Luqa fired il-kxif tat-tradiment mir-rakkont taċ-ċena biex ma jifridx l-Ewkaristija miċ-ċena. Episodju ieħor li jsemmi Luqa huwa t-tilwima żgħira li qamet fost l-appostli fuq min hu l-akbar fosthom. Mark u Mattew isemmu dan l-episodju imma f’ċirkustanzi oħra. Jista jkun li Luqa idaħħlu hawn għal raġunijiet letterarji. Interessanti li San Ġwann huwa l-uniku evanġelista li jsemmi l-episodju ta’ Ġesu jaħsel saqajn l-appostli u juża’ din is-silta għal żewġ għanijiet, waħda biex jgħid li wieħed minnhom (b’referenza għal Ġuda) ma kienx nadif bħall-oħrajn imma aktar importanti min hekk biex juri lill-appostli li kif hu li kien ‘l-Imgħallem’ wasal biex jaħslilhom saqajhom hekk ukoll għandom jagħmlu huma lil xulxin.


Ġwanni jagħżel li jdaħħal ħafna tagħlim ta’ Kristu li fl-evanġelji sinottiċi jidher isir f’ċirkustanzi oħra bħala diskors li sar waqt din l-ikla mportanti. Għandna tliet Kapitli sħaħ (14-17) minn dan it-tagħlim.


Wara l-ikla, Ġesu jerħilha lejn il-Ġetsemeni mad-dixxipli tiegħu; jgħidilhom li matul dak il-lejl kienu se jinfixlu u jaħarbu; Pietru jipprotesta li hu qatt ma kien se jagħmel dan imma Ġesu jgħidlu li jkun diġa’ ċaħdu tliet darbiet qabel jidden is-serduq. Aktar tard, waqt li d-dixxipli jorqdu, Kristu maħkum minn niket kbir, jitlob lil missieru biex jekk jista’ jkun iwarrab minnu dan il-kalċi. Hawnhekk, huwa San Luqa waħdu li jaċċenna n-niket ta' Kristu quddiem l-imrar li kien se jgħaddi minnu tant li deher anġlu biex ifarrġu waqt li kien qiegħed jitlob u jgħereq għaraq bid-demm.

Imbagħad ġemgħa ta’ nies armati bis-sjuf u bil-bsaten u mmexxija minn Ġuda l-Iskarjota jarrestaw lil Ġesu filwaqt li d-dixxipli kollha jaħarbu. L-evanġelisti jaqblu bejniethom fuq x’ġara waqt l-arrest għalkemm ivarjaw xi ftit fuq il-kliem ta’ Ġesu’. Mark jirrakkonta episodju bi ftit importanza li huwa taż-żagħżugħ li neża’ ħwejjġu u telaq jiġri għeri. Xi studjużi bassru li dan iż-żagħzugħ seta' kien l-evanġelista Marku innifsu.


Ġwanni jagħtina aktar dettalji fuq il-kas tal-qaddej tal-qassis il-kbir li safa midrub bis-sejf. Kien jismu Malku u kien Xmun Pietru li qatagħlu widnejh. Skont l-evanġelista, Ġesu’ messlu widnejh u fejjqu. Ġwanni jżid ukoll li hekk kif Ġesu’ qal lis-suldati li hu kien il-persuna li qegħdin ifittxu, huma reġgħu lura u stabtu mal-art.


Matul il-lejl, Ġesu’ jittieħed fis-Sinedriju quddiem il-qassis il-kbir; jiġi nterrogat u mixli li qed jidgħi meta jistqarr li hu l-Messija, bin Alla; jaqtgħuha li ħaqqu l-mewt u jibagħtuh quddiem Ponzju Pilatu. Ta’ min jinnota li Ġwanni huwa l-uniku evanġelista li kiteb li l-ewwel, Ġesu’ ġie nterrogat minn Anna (li kien jiġi missier il-mara ta Qajfa).


 Fl-istess ħin, Mark waħdu jsemmi li x-xhieda li nġiebu biex jitkellmu fuq Ġesu’ ma qablux bejniethom.  Ta’ min jgħid li l-laqgħa fis-Sinedriju li jsemmu Mark u Mattew saret bil-lejl iżda din kienet kontra l-liġi taż-żmien u ħafna mill-membri tal-kunsill ma kienux hemm. Għalhekk, il-laqgħa kellha terġa' ssir fil-għodu kif jiċċara San Luqa.


Sadanittant, Pietru kien mexa wara Kristu u ngħaqad mal-miġemgħa biex jara x’se jiġri minnu; x’uħud issuspettaw fih u xlewh li rawh ma Ġesu’ imma hu jiċħad li jafu tliet darbiet; F’daqqa jidden is-serduq u Pietru jiftakar x’kien qallu Ġesu’.

Ġwanni waħdu jsemmi li ma Pietru fil-palazz ta’ Qajfa kien hemm dixxiplu ieħor. X’uħud jaħsbu li dan seta’ kien San Ġwann innifsu li min naħa ta’ ommu kien ġej minn nisel tal-qassisin u għalhekk forsi kien midħla tal-palazz. Oħrajn huma tal-fehma li seta' kien l-evanġelista Marku.


Mattew waħdu jsemmi li Ġuda mimli sogħba għat-tradiment li wettaq, ipprova jrodd lura it-tletin biċċa tal-fidda lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ iżda dawn ma riedux jafu u fid-disperazzjoni li qabbditu, Ġuda rema l-flus fit-tempju u mar tgħallaq. Ikompli jirrakkonta li b’dawn il-flus, il-qassisin il-kbar xtraw għalqa li semmewha l-Għalqa tad-Demm.


L-Evanġelju ta’ San Luqa jsemmi li hekk kif Pilatu sar jaf li Ġesu’ kien mill-Galilija, bagħtu  biex jiġi ġġudikat minn Erodi Antipas li nzerta Ġerusalemm għall-festa ta’ L-Għid.


Dan għall-ewwel feraħ meta ra lil Ġesu’ u stenna li dan jagħmel xi miraklu quddiemu, saqsih diversi mistoqsijiet imma Ġesu’ ma wieġeb xejn. Għalhekk, Erodi iddieħek bih u bagħtu lura għand Pilatu wara li xeddlu libsa ta’ lewn jgħajjat. Ironikament, l-eżekuzzjoni ta' Kristu reġgħet ġabet l-għaqda bejn Pilatu u Erodi li sa dakinhar kienu miksura ma' xulxin.

L-evanġelji kollha jsemmu lil Barabba li ġie meħlus minflok Ġesu’. Madankollu, filwaqt li Mattew, Mark u Ġwanni jgħidu li Pilatu ħalla l-għazla ta’ min se jinħeles bejn Ġesu’ u Barabba f’idejn il-folla, Luqa ma jgħidx li Pilatu offra din l-għażla imma li l-folla tallbet hi il-ħelsien ta’ Barabba.


Fl-evanġelji kollha insibu li Pilatu staqsa lil Ġesu’ jekk huwiex is-sultan tal-Lhud u hu jwieġeb “Int għidt”. Mattew huwa l-uniku evanġelista li jsemmi l-ħolma ta’ mart Pilatu li setgħet kienet semgħet b'Ġesu' u bit-tagħlim tiegħu. Ġaladarba ġie kkundannat minn Pilatu, Ġesu’ ġie fflaġellat qabel ittieħed għat-tislib. L-evanġelji Kanoniċi bl-eċċezzjoni ta’ Luqa isemmu li s-suldati ħadu lil Ġesu’ fil-pretorju fejn skond Mattew u Mark, inġemgħu il-qatgħa sħiħa ta’ suldati. Libbsulu mantar aħmar, u poġġew kuruna tax-xewk fuq rasu, u skond Mattew, qegħdulu qasba f’idu l-leminija. Iddieħku bih billi bdew isellmulu bħala s-sultan tal-Lhud waqt li jagħtuh fuq rasu bl-qasba. 


San Luqa biss isemmi  li Pilatu ma sab l-ebda ħtija f’Ġesu’. Minn naħa l-oħra, l-evanġelista Ġwanni jenfasizza l-ħerqa ta’ Pilatu biex jeħles lil Ġesu tant li, skond hu, ħarġu  quddiem il-folla għat-tieni darba, liebes il-mantar aħmar u l-kuruna tax-xewk bl-intenzjoni li juri l-innoċenza tiegħu u lissen il-kliem “Ecce Homo” – “Ara, ir-raġel”. Iżda, skont Ġwanni, il-folla mxewwxa mill-qassisin il-kbar wieġbet bil-kliem “sallbu, sallbu” u “għall-mewt, għall-mewt” u akkużat lil Pilatu b’nuqqas ta’ rispett lejn Cesri. F’din is-sitwazzjoni, Pilatu ċeda għat-talba tal-folla u skont San Mattew biss ħasel idejh bħala sinjal li m’għandu l-ebda ħtija fid-demm li kien se jinxtered.

Mark u Mattew jiktbu li Ġesu’ ġie mgħoti lura ħwejjġu qabel ma ttieħed għall-eżekuzzjoni.


It-tliet vanġeli sinottiċi jsemmu lil ċertu Xmun iċ-Ċirinew li tqabbad jerfa’ s-salib fit-triq lejn il-Golgota (Mark 15:21, Matthew 27:32, Luke 23:26) iżda skont Ġwanni (19:17), Ġesu’ ġie mġiegħel jerfa’ salibu. Mark saħansitra jagħti l-ismijiet tat-tfal taċ-Ċirinew bħala Xandru u Rufu.  Luqa jagħti x’jifhem li lil Xmun iċ-Cirinew “għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesu” u jżid li kotra kbira ta’ poplu u nisa mxew warajh jibku u jnewħu b’Ġesu’ jirrispondihom billi jikkwota lil Profeta Ħosegħa 10:8.


Skont is-sinottiċi, mal-wasla fuq il-Golgota, Ġesu’ ġie offrut jixrob taħlita ta’ inbid bil-marrara biex jitnaqqaslu l-uġigħ iżda hu ma riedx.


Pilatu ordna li l-kundanna ta’ Ġesu tinkiteb fuq plakka u titwaħħal fuq is-salib u skont Ġwanni din inkitbet bl-aramajk, bil-Grieg u bil-Latin – Iesu Nazarenus Rex Iudeorum- li tfisser Ġesu’ Nażżarenu, sultan tal-Lhud. Mark jgħid li l-kitba kienet  sempliċiment tgħid – Sultan tal-Lhud. L-evanġelji, imbagħad jgħaddu biex jgħidu li l-ħwejjeġ ta’ Ġesu ġew maqsuma bejn is-suldati ħlief għat-tunika li għaliha tellgħu ix-xorti. Ġwanni jżid jgħid li b’hekk twettqet il-Profezija fis-Salmi 22:18 – “Qasmu ħwejjġi bejniethom u fuq libsti tefgħu x-xorti”. Parti mill-folla bdiet tiddieħak bih u tgħajjru u tinċitah li jeħles lilu nnifsu.


L-evanġelji jgħidulna li żewġ ħallelin ġew misluba wieħed kull naħa ta’ Ġesu’. Skont Mattew, it-tnejn li huma bdew jgħajjru lil Ġesu’ filwaqt li Luqa jiċċara li wieħed minnhom għajjar lil Ġesu’ waqt li l-ieħor iddikjara li Ġesu’ kien innoċenti u talbu biex jaħseb fih meta jasal fis-saltna tiegħu. Ġesu’ rrispondih li dak in-nhar stess kellu jkun fil-ġenna miegħu. Hawnhekk għandna l-konferma li kif jagħmel tul il-vanġelu tiegħu kollu, Luqa jesponi lil Kristu bħala dak li jfittex il-mitlufa biex isalvahom.


Inħarsu issa lejn il-kliem li lissen Ġesu’ waqt li kien fuq is-salib. Luqa jagħtina xejn anqas minn tlieta mis-seba’ kelmiet li nsibu fl-evanġelji u dawn huma it-talba li Ġesu’ għamel għall-istess nies li ikkundannawh; il-wegħda li għamel lill-ħalliel li nidem u l-aħħar kelma li lissen qabel miet “Missieri, f’idejk jien nerħi ruħi.”


Ġwanni huwa l-uniku evanġelista li jsemmi l-preżenza ta’ ommu Marija u “tad-dixxiplu l-maħbub” ta’ Ġesu’ wiqfien taħt is-salib. Kiteb li Kristu poġġa lil ommu fil-kustodja ta’ dan id-dixxiplu meta qal “Mara, ara ibnek” u “Ara, ommok”. Skont Ġwanni ukoll Ġesu’ qal “Għandi l-għatx” u qabel ma miet “Kollox mitmum”.


Is-Sinottiċi jaqblu li s-sema ddalmet għall-ħabta ta’ nofs in-nhar (is-sitt siegħa) u baqgħet hekk għal tlett sigħat (sad-disa’ siegħa) meta skont Mattew u Mark, Ġesu’ għajjat Eloi, Eloi, lama sabachthani? (Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?). Mal-mewt ta’ Ġesu’, iċ-Ċenturjun li kien għassa, u ra dak li ġara, iddikjara li Ġesu’ kien bla ħtija (Luqa) u Bin Alla (Mattew u Mark). 


Il-ġrajjiet li seħħew malli Ġesu’ radd ruħu ivarjaw bejn l-evanġelisti. Filwaqt li Ġwanni ma jsemmi xejn, Mattew jgħarrafna b'xejn anqas minn erba’ avvenimenti strambi. Skont hu, “l-art theżżet u l-blat inferaq”, “l-oqbra nfettħu u l-iġsma ta’ ħafna qaddisin mejta qamu” u “ħarġu mill-oqbra, wara li hu qam mill-mewt u ġew fil-belt imqaddsa u dehru lil ħafna”. It-tlett sinottiċi jaqblu li l-purtiera tat-tempju ċċartet.


Luqa huwa l-uniku evanġelista li jurina l-bidla li seħħet fil-miġemgħa mal-mewt ta’ Ġesu’. L-istess nies li sa ftit qabel kienu mimlijin mibegħda lejh “reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom”.


Episodju ieħor li jissemma minn Ġwanni biss huwa il-ksur tas-saqajn tal-ħallelin, drawwa komuni f’dawk iż-żminijiet meta kienu jridu li l-ikkundannati jmuti mingħajr dewmien.


Lil Ġesu, madankollu sabuh diġa mejjet, għalhekk ma kienx hemm din il-ħtieġa imma “wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu bil-lanza u minnufih beda ħiereġ demm u ilma” żewġ simboli li jirrappreżentaw l-ewkaristija u l-magħmudija. Ġwanni jżid li dan sar biex isseħħ il-kitba “Ma jkissrulu l-ebda għadma” u oħra li tgħid “Iħarsu lejn dak li nifduh”.


Nagħlqu bid-difna ta’ Ġesu’. L-erba’ evanġelisti jaqblu fis-sustanza dwar x’ġara jiġifieri li Ġużeppi ta’ Arimateja ġab il-permess mingħand Pilatu biex ikun jista jniżżel il-ġisem ta’ Kristu li imbagħad tpoġġa ġo qabar ġdid mhux wisq il-bogħod minn fejn kien mislub. Interessanti li skont Mark, Pilatu stagħġeb li Ġesu kien ġa miet u talab il-konferma mingħand iċ-ċenturjun.


Tajjeb ninnutaw ukoll li l-evanġelisti jenfasizzaw li kien hemm numru ta’ nies li raw fejn kien tpoġġa Ġesu’. Minbarra Ġużeppi ta’ Arimateja li jissemma mill-erbgħa li huma, Mattew u Mark isemmu lil Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġose’. Luqa ma jagħtix ismijiet tax-xhieda imma xorta jgħid li n-nisa li kienu ġew ma Ġesu’ mill-Galilija baqgħu sejrin wara Ġużeppi u ‘raw il-qabar u kif kien imqiegħed ġismu.’ Ġwanni huwa l-uniku evanġelista li jdaħħal fix-xena lil Nikodemu li ħa miegħu ‘mitt libbra ta’ taħlita ta’ morr u sabbara.’ 

 

Referenzi

Kwotazzjonijiet mill-Bibbja maqlub mill-ilsna oriġinali minn Monsinjur Professur P.P. Saydon


Spjega ta’ L-Aħbar it-Tajba minn Monsinjur Professur P.P. Saydon – L-Erba’ Evanġelji Edizzjoni Societas Doctrinae Christianae M.U.S.E.U.M. 

Carl Bloch  (1834-1890)

Carl Heinrich Bloch twieled Copenhagen id-Danimarka fit-23 ta’ Mejju 1834. Għalkemm missieru kien negozjant u l-familja ma kienet nieqsa minn  xejn, Carl u ħutu trabbew fil-biża’ t’Alla u jgħożżu l-ġmiel tas-sempliċita.  Missieru kien spiss jaqra siltiet mill-Bibbja. 


It-talent ta’ Bloch għall-arti deher minn eta’ bikrija tant li l-għalliem tiegħu, il-pittur magħruf Theodor Restorff kien jassenjalu xogħol aktar diffiċli milli kien jagħti lill-istudenti l-oħra. 


Fil-bidu tal-karriera tiegħu, Karl kien ipitter l-aktar xeni rurali mill-ħajja ta’ kuljum. Fl-1859 rebaħ borża ta’ studju mill-Akkademja tal-Arti li ħaditu jistudja f’Ruma. Kien f’dan il-perjodu li l-artist żviluppa sew l-istil storiku tiegħu u pitter serje sħiħa ta’ kwadri Reliġjużi li għamluh famuż. Fost dawn insemmu ‘Sansun’, u ‘It-Tifla ta’ Ġajru’.


Lura għad-Danimarka, Bloch kiseb suċċess enormi bil-pittura - ‘il-Liberazzjoni ta’ Prometeus’ li ġiet esebita fil-Mużew famuż tal-Arti ‘Charlottenborg’ f’Copenhagen fl-1865. Ġie kkummissjonat biex ipinġi 23 pittura għall-kappella tal-Kastell ta’ Frederiksborg. Dawn kienu kollha xeni mill-ħajja ta’ Kristu, tpittru bejn l-1865 u l-1879 u għadhom famużi sal-ġurnata tal-lum. Ir-reputazzjoni ta’ Bloch issa kibbret tant li sar wieħed mill-aktar artisti mfittxija għall-Kwadri titulari fil-knejjes.


Bloch marad bil-kanċer u miet fit-22 ta’ Frar 1890. Hu ikkunsidra lilu nnifsu bħala Kristjan u m’hemmx dubju li l-figura ta’ Kristu fil-pitturi tiegħu tipprova dan. Matul ħajtu, Carl Heinrich Bloch ipproduċa 250 pittura.