Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Passjoni fl-Arti

Il-Passjoni ta' Sidna Gesu' Kristu minn dejjem  kienet ta' ispirazzjoni ghall-artisti ta' l-imghoddi u xhieda ta' dan hu n-numru kbir ta' xogholijiet li hallew fil-knejjes madwar id-dinja u anke f'kollezzjonijiet privati. Hawnhekk tistghu taraw il-Passjoni ta' Gesu Kristu irrakkontata pass pass minn dawn il-kapolavuri tal-passat.

Il-Passjoni fl-Arti - Minn Joseph Phelan

Addattat għall-Malti minn Marco Saliba 

Hekk kif ta’ kull sena joqrob l-Għid il-Kbir, l-insara madwar id-dinja kollha jippreparaw ruħhom biex jiċċelebraw il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. Id-devoti jigu mitluba jirriflettu fuq ir-rilevanza ta’ elfejn sena wirt ta’ Kristu.

Wieħed mill-aktar aspetti mportanti ta' dan il-wirt huwa bla dubju l -influwenza li l-Bibbja kellha fuq l-arti fid-dinja tal-Punent.  Għal aktar minn erba’ mitt sena, minn żmien Giotto sa żmien Rembrandt, il-pitturi huma mizgħuda b’immaġni meħuda mill-avvenimenti li nsibu fil-Bibbja, l-aktar fl-evanġelji.

L-ewwel drabi fejn il-Passjoni ta’ Kristu giet ittrattata b’mod komprensiv kienu fl-affreski ta’ Giotto fil-Kappella Scrovegni ta’ Padova kif ukoll fil-kwadru kapulavur ta’ Duccio di Buoninsegna – il-Maesta’- li tinsab fil-Katidral ta’ Padova ( lemin ix-xena tal-krucifissjoni mill-Maesta' ta' Duccio). Iż-żewg artisti juru b’mod ċar il-mumenti sinifikanti tal-ġrajja kif misluta mill-erba’ vanġeli u minn kitbiet oħra marbuta magħhom. 

Kienu ftit l-artisti li ġew wara (bl-eċċezzjoni ta’ Durer) li kellhom l-ambizzjoni li jpittru episodji mill-passjoni għall-istess skop ta’ dawn iz-zewġ imgħallmin. Madankollu, il-ħerqa tal-artisti li juru l-ħila artistika tagħhom billi jżidu pittura li tibqa’ msemmija fl-istorja kienet il-fattur ewlieni li xprunathom jikkompetu bejniethom. Minħabba f’hekk, inħolqot ir-rivalita bejn Leonardo u Michelangelo, Dürer u Grünewald, Bosch u Brueghel, Titian u Tintoretto, u Rubens u Rembrandt, kollha jissieltu biex jirbħu l-kummissjonijiet tal-Prinċpijiet u dinjitarji tal-Knisja ħalli jwasslu l-viżjoni tagħhom tal-Kristjaneżmu.

Il-Passjoni kif magħrufa tradizzjonalment (mill-Latin ‘passione’ li tfisser tbatija) hija r-rakkont ta’ l-aħħar grajjiet ta' Kristu bħala bniedem. L-episodji u d-dettalji huma meħuda mill-erba’ rakkonti separati li nsibu fl-evanġelji. Iżda kważi kull rakkont jibda bid-dħul trijonfali ta’ Kristu f’Ġerusalemm ftit jiem qabel l-Għid tal-Lhud, fejn il-poplu jagħtih gieh bħala l-Messija u jagħlaq bil-krucifissjoni ftit jiem wara fost l-insulti u d-disprezz tan-nies.  Ġrajjiet li jixhdu kif in-nies u ċ-ċirkostanzi nbiddlu b’ħeffa kbira biex iseħħ il-pjan traġiku imma bżonnjuż li ħejja Alla.

Ġesu’ jagħraf u jaċċetta dak kollu li kellu jgħaddi minnu biex jifdi l-bniedem: tradiment, kalunnja, umiljazzjoni fil-pubbliku, torturi u abbandun totali. Fost il-popli Mediterranji ta’ dak iz-zmien, il-krucifissjoni kienet ikkunsidrata bhala l-aktar tortura tal-mistħija u li tistħoqq biss lill-agħar kriminali. Kristu aċċetta li jgħaddi minn dan kollu, u b’hekk wera li ma setax jagħmel sagrifiċċju personali akbar milli għamel.

Hekk kif il-Kristjaneżmu beda jiddomina fil-Punent, id-dehra tal-krucifissjoni li qabel kienet meqjusa bħala immaġni tal-mistħija saret is-simbolu centrali li jiddistingwi din ir-Religjon il-ġdida. Filwaqt li reliġjonijiet oħra jiċċelebraw l-invulnerabilita u l-qawwa tal-allat tagħhom, il-Knisja Kristjana iffukat fuq il-vulnerabilità u t-tbatija ta' Ġesù, fuq id-djufija tal-ġisem imsawwat u msammar ma għuda minn dawk fil-poter. Kontra x-xejra tar-Reliġjonijiet l-oħra, il-Kristjaneżmu espona l-ġisem flaġellat u bla ħajja ta’ Alla magħmul bniedem fl-aktar postijiet sagri.  

Ma setax jonqos li l-Knisja għamlet użu mill-arti biex twassal xeni mill-passjoni lil dawk il-ħafna li ma setgħux jaqraw. Meta kibret ix-xenqa għar-rappreżentazzjonijiet viżivi mill-Bibbja, il-Knisja għarrfet li kellha f’idejha għodda qawwija biex tilħaq fil-fond tal-emozzjoni tal-membri tagħha.

Ejja issa nagħtu titwila lejn il-mumenti l-aktar sinifikanti tal-Passjoni waqt li nsemmu xi xogħolijiet famużi ta’ pitturi Ewropej:

Kristu jipprepara għall-mewt tiegħu billi jidħol Ġerusalemm riekeb fuq ħmara. Minkejja din l-għażla modesta biex jidħol fil-Belt, in-nies li kienu semgħu bil-mirakli tiegħu jimtlew bl-entużjażmu u jilqgħuh bħala l-Messija. Duccio qed jippreżentalna xena mhux tas-soltu minħabba l-attenzjoni li qed jagħti lill-pajsaġġ bid-dettalji kollha tiegħu (xellug).

Biex juri l-umilta’ tiegħu, Kristu jissorprendi lid-dixxipli tiegħu billi jaħslilhom saqajhom qabel l-ikla. Tintoretto jaqbad il-mument meta Kristu ħasel saqajn San Pietru (taht).  


 

 

 

 

 

Il-pittura famuża ta’ Leonardo da Vinci – ‘Iċ-Ċenaklu’  tinsab fil-knisja ta’ Santa Maria delle Grazie f’Milan. Għalkemm din it-tema ġiet ittrattata minn diversi artisti, iċ-Ċenaklu ta’ Da Vinci mpitter bejn l-1494 u l-1498 huwa innovattiv għall-aħħar. Il-pittur irnexxielu jispjega dan l-episodju mill-vanġelu b’rejaliżmu impressjonanti. Kristu li għadu kif ħabbar lill-appostli li wieħed minnhom kien se jittradih, jidher fiċ-ċentru donnu iżolat, filwaqt li l-appostli jidhru fi gruppi ta’ tlieta, kull wieħed qed jagħmel rejazzjoni differenti għall-aħbar li għadu kif sema’.

Wara l-ikla, Kristu erħilha lejn il-ġnien taż-żebbuġ biex jitlob u ħa miegħu lil Pietru, ‘l Ġakbu u ‘l Ġwanni. Din il-pittura (taħt xellug) hija xogħol bikri ta’ Andrea Mantegna (1455) ibbażat fuq il-Vanġelu ta’ San Mattew (26:39). Mantegna juża l-pajsaġġ kollu blat biex jenfażizza il-biża' u s-solitudni ta’ Kristu. Id-dixxipli reqdin waqt li hu fl-agunija qed jitlob lil missieru. Iħoss it-tmiem tiegħu joqrob u tassew għax fil-bogħod diġa’ jidher Ġuda u grupp suldati qed joqorbu biex jarrestawh. Madankollu, fuq il-lemin, is-sema qed tiċċara, sinjal li se jisbah jum ġdid.

Waħda mix-xogħolijiet l-aktar famużi ta’ Rembrandt hija bla dubju ‘Iċ-Ċaħda ta’ Pietru’, impittra fl-1660 (taħt) . It-tema hija bbażata fuq l-evanġelju ta’ San Luqa fejn naraw lil Pietru li ftit ħin qabel kien wiegħed lill-imgħallem li kien lest jibqa’ miegħu saħansitra sal-mewt, jiċħdu għal darba, tnejn, tlieta hekk kif isib ruħu fil-periklu. Il-figura ta’ Pietru, imkebba fi ħwejjeġ ċari, tingħaraf fid-dawl tax-xema, hekk kif dawk ta’ madwaru jidhru jħarsu lejh b’suspett. Fl-isfond, għaddejja l-interrogazzjoni ta’ Ġesu. Pietru jidher imbeżża, u internament jagħraf il-gravita’ tal-għemil tiegħu. U skond San Luqa, il-Mulej dar u ħares lejn Pietru li ftakar fil-kliem li kien qallu “ Qabel ma jidden is-serduk illum, tiċħadni tliet darbiet”.

 

Jacopo Pontormo (1494-1557) pitter sensiela ta’ affreski fil-kjostru tal-monasteru ta’ Certosa li jinsab ftit-il barra minn Firenze bejn l-1523 u l-1525. Dawn juru xeni differenti mill-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. B’xorti ħażina, l-elementi tan-natura ħallew il-marka taghhom fuq dawn it-tpinġijiet tant li llum jinsabu f’qagħda xejn tajba kif tistgħu taraw mill-affresk (xellug) li juri lil Kristu quddiem Pilatu. Il-figura ċentrali ta’ Kristu tidher irqieqa, debboli u twila b’kuntrast maż-żagħżugħ robust li jidher fil-bogħod, fil-għoli u fi skala ħafna iżgħar.  

 

 

 

 

 

 

 Caravaggio pitter dan il-kwadru (taht lemin) f’Napli għall-ħabta tal-1607. L-atmosfera tant hija densa li wieħed bilkemm jara l-kolonna li magħha Kristu huwa marbut u qed jiġi fflaġellat. Madankollu, id-daqqa tal-pinzell hija tant akkurata li l-aġir kiefer li qed jitwettaq inaghta certu ritmu qawwi. Kristu kważi għarwien jidher qed jitgħawweġ fil-pożizzjoni li jrid il-manigold fuq il-lemin waqt li l-manigold fuq ix-xellug jidher qed iġebbidlu f’xagħru. L-isfel fuq ix-xellug jidher it-tielet manigold baxxut jaqbad il-frosta.    

Is-suġġett ta’ din il-pittura (isfel xellug) huwa Kristu mgħobbi bis-salib fi triqtu lejn il-Golgota. L-għolja fejn Kristu se jissallab tispikka fiċ-ċentru tat-tpinġija bis-slaleb diġa’ imwaqqfa fuqha. Eżatt taħtha naraw lil Kristu liebes libsa ħamra nar iċedi taħt it-toqol tas-salib. Fuq il-lemin naraw lill-Veronika bil-maktur li bih messħet wiċċ Kristu f’idha, tidher twarrab minn din ix-xena tal-biża’ viżibilment kommossa. Fuq ix-xellug, iż-żewġ ħallelin li bħal Kristu huma kkundannati għall-kruċifissjoni qed jitmexxew il-quddiem. Eżatt fiċ-ċentru, bejn is-salib ta’ Kristu u l-Golgota, jidhru d-dixxipli ta’ Ġesu flimkien ma’ ommu Marija u Marija Madalena. Dawn il-persunaggi jidhru mdawwla aktar biex simbolikament jispikkaw mill-karattri l-ohra.

Dan il-kwadru (taht xellug) li jinsab fil-Louvre tpitter minn El Greco madwar is-sena 1590. Il-pittur jinqata’ mit-tradizzjoni u jdaħħal fix-xena żewġ personalitajiet ta’ żmienu fil-post tal-Madonna u San Ġwann l-Evanġelista. Wieħed minn dawn li l-identita tiegħu għadha misteru sal-lum x’aktarx ikkummissjonah biex ipinġi din il-pittura devozzjonali għall-kunvent ta’ Toledo.     L-influwenza mannerista tal-pittur toħroġ fiċ-ċar mill-figura mgħawwġa ta’ Kristu kruċifissat u mis-sħab imdawwar miegħu. Kristu agonizzant jidher iħares-il fuq lejn missieru, u l-figura tiegħu tinqala’ mill-maltemp ta’ warajh li jissimbolizza d-dalma li waqgħet fuq id-dinja mal-mewt tiegħu. Iż-żewġ persuni ta’ taħt is-salib jidhru jitolbu u jħarsu lejn Kristu. El Greco rnexxielu juri dan l-episodu mill-evanġelji b’mod għal kollox oriġinali billi ffoka fuq il-figura ta’ Kristu u ħalla barra lin-nies u x-xenarju li ssoltu naraw.

Peter Paul Rubens pitter din id-depożizzjoni c. 1611-1614. Ġużeppi t’Arimateja ingħata l-permess biex iniżżel il-ġisem ta’ Kristu minn  

fuq is-salib, b’dispensa speċjali għaliex dak iż-żmien kienet ħaġa komuni li l-iġsma tal-imsallba jitħallew imdendla. L-appostlu San Ġwann, Nikodemu u żewġ qaddejja jidhru jagħtu daqqa t’id biex jitniżżel il-ġisem. Saqajn Kristu qed jistrieħu fuq l-ispallejn ta’ Marija Madalena. Il-mara liebsa bil-blu hija Marija, omm Ġesu. 

Titian (c.1488-1576) pitter dan il-kwadru (taht) għall-ħabta tal-1520 fuq kummissjoni ta’ Isabella d’Este jew binha Federiku II Gonzaga. Din il-familja tad-Duki ta’ Mantova kienet fost il-patruni ċelebri tal-arti tar-Rinaxximent Taljan. Jidhru n-nies li skond l-evanġelji kienu preżenti għad-difna ta’ Kristu. Ġużeppi d’Arimateja jidher qed ikun mhejun minn San Ġwann li qed iżomm id Kristu u minn Nikodemu li jidher b’dahru lejna. Il-ġisem ta’ Kristu qed jitpoġġa ġo liżar abjad qabel jittiehed fil-qabar. Il-Verġni Mqaddsa tidher ikkomfortata mill-Madalena fid-dulur tagħha.

 

 

 

 

Il-Beatu Fra Angelico da Fiesole (1387-1455) pitter dan l-affresk  (taht) fl-1440 għall-kunvent ta’ San Marco ġo Firenze. Erba’ nisa jidhru jaslu quddiem is-sarkofagu bil-fwejjah biex jidilku l-ġisem ta’ Kristu. L-ewwel waħda, Marija l-Madalena tidher tmiel lejn il-qabar miftuħ u tistagħġeb għax issibu vojt. Anġlu bilqiegħda fix-xifer qed jgħidilhom li Ġesu qam, u fuqnett, hemm il-prova ta’ dan għax Kristu jidher bil-wieqfa bil-palma f’idu tal-lemin u l-bandiera tal-vittorja f’idu l-oħra. Fuq ix-xellug, patri jidher qed jitlob iżda dan m’huwiex wieħed mix-xiehda, imma San Duminku miġbur fit-talb jistedinna nagħmlu bħalu.

Pittura ibbażata fuq l-evanġelju ta’ San Ġwann (20:27) meta Ġesu qal lil Tumas l-appostlu ‘‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, ġib idek u daħħalha f’ġenbi, u tibqax ma temminx, imma emmen.’’(Bibbja ta’ PP Saydon). Caravaggio (1573-1610) pitter dan il-kwadru fl-1602-1603.

 

 

 

 

 

 

Impressjonanti l-azzjoni ta’ Kristu li minn jeddu qed jgħin lil Tumas billi b’id waħda jwarrab l-ilbies biex jikxef il-ferita f’sidru u bl-oħra jiggwida id l-appostlu  waqt li jħares lejn is-saba’ mdaħħal fil-ferita. Azzjoni li qanqlet il-kurżita fiż-żewġ appostli l-oħra li jidhru jsegwu mill-qrib. 

L-Axxensjoni jew It-Tlugħ ta’ Kristu fis-sema tpitter minn Garofalo bejn l-1510 u l-1520 u llum jinsab fil- Galleria Nazionale d'Arte Antica f’Ruma. Hija evidenti l-influwenza Raffaeleska specjalment meta tqabbel dan ix-xogħol mat-Trasfigurazzjoni ta’ Raffaello. Hemm ukoll xebħ ma xogħolijiet oħra tal-istess Garofalo tal-era 1519-20 bħar-‘Resurrezzjoni’ tal-1520 u l-‘Massakru tal-Innoċenti’ tal-1519.

 

Joseph Phelan li għandu Ph.D mill-Universita ta’ Toronto huwa l-editur tal-Artcyclopedia u ppublika diversi artikli marbuta mal-arti tal-pittura fil-The Washington Times, The New Criterion, Artcritical, The Claremont Review u American Decades: Primary Sources fost l-oħrajn. Għallem f’diversi Universitajiet, fil-preżent fl-Universita ta’ Toronto.