Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Liżar Ta Kristu f'Turin

Kitba ta' Br. Reno Muscat O.P. 

 

"Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’ liżar nadif" (Mt 27. 59). Kemm-il darba smajnieha din il-frażi mill-evanġelju ta’ San Mattew, l-aktar fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nemmen li lkoll xi darba jew oħra smajna bil-liżar li jinsab ġewwa l-belt ta’ Turin li jingħad li huwa l-istess liżar li Ġużeppi minn Arimatea keffen il-ġisem ta’ Kristu mejjet fih. Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. Dan in-nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa tal-lum imma kien argument ta’ dibattitu u kontroversji matul is-snin. Dawn il-kontroversji kienu jqumu l-aktar minħabba l-fatt li relikwi simili għal dan ta’ Turin kienu jinstabu  fost oħrajn f’Besançon, Cadouin, Champiègne u Xabregas. Imma jibqa’ dejjem il-fatt li l-liżar ta’ Turin kien l-aktar wieħed famuż.


Id-dokumentazjoni li titratta dan il-liżar tista’ titqies awtentika biss min-nofs is-seklu XIV ‘l quddiem, Madanakollu it-tiftix storiku, xjentifiku, ikonografiku u arkeologiku jgħina nibnu l-istorja ta’ dan il-liżar kemm jista’ jkun korretta. Fis-sena 544 fil-belt ta’ Edessa, li llum hija Urfa fit-Turkija, kienet tinstab immagini straordinarja “mhux magħmula bl-idejn”. Bosta esperti jqisu li din id-deskrizzjoni tirreferi għall-liżar. Tajjeb ngħidu li f’ dak iż-żmien il-liżar kien mitwi b’ mod li l-wiċċ biss kien jidher. Fis-sena 944 din ix-xbieha kienet meħuda Kostantinopoli, fejn għall-ewwel darba nsibu riferenzi għall-liżar li fih tkeffen Kristu. Fl-1204 il-kavallier Robert de Clari kiteb li fl-assedju ta’ Kostantinopoli sparixxiet mill-belt sakemm fl-1353 dan il-liżar instab ġewwa Lirey, fi Franza, għand Geoffrey de Charny. Sewwa sew mitt sena wara, Margaret de Charney ċediet din ir-relikwa lid-Duka Luwigi I ta’ Savoja, li huwa żamm f’ Chambéry. Fl-1506 il-Papa Ġulju II awtoriżża il-venrazzjoni tal-liżar. Kien l-4 ta’ Diċembru, 1531 meta nar qawwi ħakem il-kappella ta’ Chambéry, propju fejn kien jinsab il-liżar, magħluq f’ kaxxa tal-fidda. In-nar tant kien qawwi li dewweb  xi ftit mill-fidda tal-kaxxa, tant li taqtira fidda waqgħet fuq il-liżar, li kien mitwi, u taqbitu, sentejn wara is-sorijiet ta’ l-istess belt raqqgħu it-toqob li din it-taqtira fidda kienet għamlet fil-liżar.

Kien Emanuele Filiberto ta’ Savoja li ħa l-liżar minn Franza għall-Italja, propjament f’ Turin fl-1578. Fl-1694 il-liżar kien imqiegħed fil-kappella tal-palazz irjali iddisinjata mill-abbati Guarino Guarini. Kien fl-1898 li inġibed l-ewwel ritratt tal-liżar minn Secondo Pia u fl-1973, sewwa sew fit-23 ta’ Novembru, deher għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni. L-istudji xjentifiċi baqgħu dejjem għaddejjin u fl-1988 ittieħdet parti mil-liżar għal aktar stħarriġ fuqu. 


Il-kappella li kien fiha kellha bżonn ta’ restawr u fl-24 ta’ Frar, 1993 il-liżar sab ruħu fuq l-altar maġġur tal-katidral ta’ Turin, ftit qabel dan ir-restawr kien lest, bejn il-11 u t-12 ta’ April, 1997 il-kappella tal-liżar inħakkmet min-nirien qawwija. Il-pumpiera ta’ Turin irnexxielhom isalvaw il-liżar min-nirien u jumejn wara il-kummissjoni responsabbli mill-liżar iddikjarat li l-ebda ħsara ma kienet saritlu.


Minkejja li l-liżar jinstab f’ Turin, il-propjetà tiegħu hija tas-Santa Sede u huwa l-Papa li jiddeċiedi meta din ir-relikwa tkun għall-wiri. F’ għeluq il-mitt sena minn l-ewwel ritratt tiegħu, jiġifieri fl-1998 saret espożizjoni u sentejn wara il-Papa Ġwanni Pawlu II iddeċieda li jerġa jkun espost sabiex ikun parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir. Fl-2002 sar xogħol ta’ restawr fuq il-liżar. L-irqajja li kienu saru mis-sorijiet fl-1534 tneħħew u saret speċi ta’ nforra fuq wara tal-liżar. Bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr fil-kappella li ħadet in-nar fl-1997 u għalhekk il-liżar jinstab mal-ġenb, sewwa sew taħt il-post tar-re ta’ Savoja, fil-katidral ta’ Turin. Hija xewqa ta’ bosta li l-liżar jerġa jkun espost ladarba r-restawr ikun lest, imma din il-ħaġa hija biss f’ idejn il-Vatikan.

Il-liżar huwa twil 4.2 metri b’ metru punt tlieta wisa’. In-nisġa tiegħu fiha għamla tax-xewket il-ħuta, nisġa popolari Palestinjana ta’ madwar elfejn sena ilu. Kif għidna aktar qabel kien fl-1898 li dan il-liżar kien iffotografat mill-avukat Secondo Pia, mill-belt qrib Turin, Asti. Fil-proċess ta’ l-iżviluppar ta’ dan ir-ritratt instab li n-negattiva turi sewwa l-persuna li kienet imkeffna fil-liżar. Jiġifieri n-negattiva turi r-ritratt u l-liżar jidher bħala negattiva (ma nafx jekk fhimtux eżatt!!) Fin-negattiva dehret sew il-figura ta’ raġel.


Fil-liżar insibu erba’ traċċi, jew marki jew tbajja differenti : żewġ linji dritti it-tul kollu tal-liżar u 29 toqba magħmulin mit-taqtira fidda li waqgħet fuqu fl-1532. Jinstabu wkoll marki ta’ l-ilma li intuża biex jintefa l-istess nar. Marka oħra hija x-xbieha umana, minn quddiem u minn wara, il-bniedem jidher mimdud għat-tul tal-liżar. Hawn l-effetti huma differenti. Il-moħħ, l-imnieħer, il-ġeddum u s-sider jidhru aktar skuri, filwaqt li partijiet oħra huma aktar ċari. It-tul tal-persuna huwa ta’ madwar 170 ċentimetru. L-aħħar forma ta’ tbajja huma dawk tad-demm, bħal dawk ta’ fuq ir-ras, l-għonq, il-polz, ir-riġlejn u l-kustat. Hawn it-tbajja huma ta’ kulur differenti mill-bqija, huma aktarx ħamranin. Minn studji li saru instab li dawn huma tassew tbajja tad-demm.

L-istudji xjentifiċi li saru fuq dan il-liżar dawn l-aħħar mitt sena taw dawn ir-riżultati:

Il-liżar m'huwiex impitter. Ma jistax ikun li dan sar minn xi persuna għax l-effett tan-negattiva tar-ritratt kien diġa' jinstab fuqu mijiet ta’ snin qabel kienet ivvintata l-fotografija. It-tbajja saru minn ġisem uman mejjet, imma l-ebda traċċa ta’ dekomposizjoni ma tinstab, dan iffisser li l-ġisem mejjet ma damx wisq imkeffen, lanqas biss iż-żmien li l-ġisem jibda jiddekomponi. It-toqob ta’ l-imsiemer f’ idejn ma jinstabux fil-pala ta’ l-id imma fil-polz. Kuntrarjament għal dak li naraw fl-arti, it-tislib kien isir billi jissammru imsiemer fil-polz għax il-pala ta’ l-id ma tiflaħx il-piż tal-ġisem. Kieku dan il-liżar kien xogħol ta’ pittur, żgur li t-toqob ta’ l-imsiemer kienu jsiru fil-pala ta’ l-id kif dejjem saru fl-arti. L-idejn juru biss erbat iswaba. Dan għaliex meta l-musmar jgħaddi mil-polz, is-subgħa l-kbir jingħalaq. Id-demm u l-ilma (serum) li jinstabu fil-parti tal-kustat huma tassew magħmulin minn ferita wara l-mewt ta’ l-imsallab. Dan jaqbel perfettament ma’ dak li nsibu fl-evanġelju skont San Ġwann li suldat nifidlu ġenbu b’ lanza. L-eżamijiet li saru fuq il-liżar jindikaw li fuqu hemm traċċi ta’ demm uman. Analiżi moderna sabet li r-ritratti tal-liżar fihom infushom huma tri-dimensjonali, haġa li ma tinstabx f’pittura jew ritratti oħrajn. Id-dettall tri-dimensjonali jgħina naraw detallji li ma narawhomx jekk mhux b’dan il-mod. Eżamijiet oħra sabu trab ta’ ħxejjex u fjuri (pollen) li jikbru jew kienu jikbru fil-Palestina jew fil-lvant nofsani żmien twil ilu.


Minkejja dan kollu hemm oħrajn li jsostnu li dan il-liżar huwa impitter u huwa xogħol tas-seklu XV. Il carbon dating ma tantx jista’ jagħti dawl ċar minħabba li fin-nar tal-1532 kien twaddab bosta ilma sabiex jintefa u l-fatt li l-liżar kien ixxarrab sew jista’ jtellef lix-xjenzati. Il-bdil fil-kulur ukoll joħloq problema. Jekk kittieba tas-seklu XV isostnu li x-xbieha kienet hekk ħajja li d-demm kien jidher kważi frisk, kif allura fi ħmistax-il seklu r-relikwa baqgħet kważi dejjem l-istess, minkejja l-vjaġġi li għamlet u l-bidla fil-klima u f’ dawn l-aħħar ħames mitt sena x-xbieha saret kważi inviżibbli?


Il-mistoqsija mhux faċli li tiġi mwieġba! Il-liżar ta’ Kristu f’ Turin huwa awtentiku? Żgur li mhux ha nkun jiena li nagħti din it-twegiba, imma il-ħsieb personali tiegħi huwa dan: Kemm-il darba dan il-liżar huwa l-istess wieħed li fih kien imkeffen Ġesu, huwa ħaġa għażiża u qaddisa għal kull nisrani. Mill-banda l-oħra jekk dan huwa xogħol ta’ xi artist, li jekk inhu hekk kellu jkun tassew artist tajjeb, żġur ma sarx b’ qerq imma sar biex iressaq lill-poplu lejn id-devozzjoni tal-kefen ta’ Kristu.

Ir-Ritratti tal-Lizar bl-effett tan-Negattiva