Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Hsibijiet tal-Jum Fil-Ġimgħa Mqaddsa 2014

maħsuba għalikom minn Patri Mario Attard OFM Cap

 

L-Għid il-Kbir
Ġwanni 20:1-9

"Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta' Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: "Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!" Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f'post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet."


Il-qabar vojt hija l-akbar prova li Ġesù qam minn bejn l-imwiet. Għal San Ġwann ma kienx hemm għalfejn li l-appostli jaraw lill-Mulej innifsu biex jintebħu li hu kien qam minn bejn l-imwiet. Il-qabar vojt kien l-aqwa konferma li l-ħajja rebħet il-mewt. It-tajjeb għeleb lill-ħażin. Id-dawl għeleb lid-dlam.


X’tagħlima kbira għalik u għalija hija din! Meta fina ma jibqgħux aktar “ż-żína, il-faħx, in-nuqqas ta' rażan, l-idolatrija, is-seħer, il-mibegħda, il-ġlied, l-għira, il-korla, l-ambizzjoni, il-firda, il-partiti, l-invidja, is-sokor, it-tbaħrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5 :19-21) allura nkunu qomna tassew għall-ħajja ġdida!


Darba għallmuni li kull tibdila fl-attitudni tiegħi hija fejqan u reżurezzjoni. Mhux li kien li f’dan il-Għid Kristu Rxoxt jibdilli l-mod kif naħseb, inħoss u nġib ruħi miegħi innifsi, ma’ Alla u miegħek!


Mulej Ġesù, Rebbieħ fuq il-ħażen, il-mewt u d-dnub, nitolbok li tgħix fija int, issa u għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 
 

Sibt il-Għid 
Mattew 28:1-10


"Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta' Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, nħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża' tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: "Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. M'huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom." Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża' u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, ltaqa' magħhom Ġesù u qalilhom: "Is-sliem għalikom." Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Mbagħad Ġesù qalilhom: "Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk."

F’Sibt il-Għid il-Knisja tibda’ iddewwaqna r-rejaltà tar-rebħa. Il-Kelma ta’ Alla tinqeda bil-messaġġier tal-Mulej, l-anġlu, li jgħid lin-nisa: “Tibżgħu xejn!”(Mt 28:5). Interessanti li dan il-kliem hu jgħidu lin-nisa li f’dawk iż-żminijiet ma kienu ikkalkulati xejn. L-anġlu tal-Mulej ibeżża’ lill-għassiesa filwaqt li jeħles lin-nisa mill-ħabs tal-biża’ li kienu maqbuda fih.


L-essenza tal-aħbar tal-anġlu hija li Ġesù, “il-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16), qam kif kien qal. Alla kelmtu jżommha! Dak li jwiegħed iwettqu. Basta int u jien nafdawh! Kemm nagħti każ l-anġli li l-Mulej jibgħatli f’ħajti? Nemmen li fil-kelma t-tajba ta’ xi ħadd li jridli tassew il-ġid ikun il-Mulej innifsu li qiegħed jifdini? Għaliex mela ninqafel fid-dubbji tiegħi? Għaliex ma nwettaqx parir tajjeb li lili se joħroġni mill-qabar tas-suppervja, tat-taħwid, tal-ġlied jew tal-ħajja doppja li qiegħed ngħix?


Mulej, tini l-għerf ħa nagħraf lill-anġli li tibgħatli f’ħajti biex iressquni lejk. Nitolbok ukoll biex tagħtini l-gazz li nwettaq il-kelma li inti ttini bihom biex tifdini. Amen.

 

Il-Ġimgħa l-Kbira
Ġwanni 19:28-30

"Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: "Għandi l-għatx!" Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma' qasba ta' l-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: "Kollox hu mitmum!" Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu."


Il-mewt ta’ Ġesu turina li l-imħabba vera, li tagħti ħajjitha għal min tħobb, hija l-aqwa u l-oħla sinjal tal-umiltà. Mingħajr umiltà l-imħabba ma teżiżtix. Hekk jgħidilna San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Filippin għal Ġesù: “Hu li għad li kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta' lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher

minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil2:6-8).

 

Madankollu, dan l-att kbir u tal-għaġeb ta’ mħabba ġabilna l-ħelsien mid-dnub u l-mewt. Bil-mewt tiegħu fuq is-salib Ġesù ħatt il-ħajt tal-mibegħda li kien jifridna minn Alla u minn xulxin u ġabarna f’familja waħda bis-sliem tiegħu! L-Ittra lill-Efesin tgħidilna: “Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna - il-mibegħda ta' bejnietna - u ħassar bis-sagrifiċċju ta' ġismu” (Efes 2:14).


Lest li mmut għal dik il-kelma biex insalva ħbiberija? Għal dak il-messaġġ fuq il-mowbajl biex insalva żwieġ jew vokazzjoni? Għal dik il-ħarsa biex ma niftaħx lili nnifsi għall-infern tal-passjonijiet tal-ġismi u hemm ninqered jien u miegħek lil ħaddieħor?


Mulej, tini l-qawwa biex insallab mas-Salib tiegħek il-passjonijiet tiegħi ħalli fija tikber int u niċkien jien. Amen.


Il-Ħamis tal-Ġimgħa Mqaddsa
Ġwanni 13:1-15

"Qabel il-festa ta' l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota u daħħallu f'rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f'idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma' qaddu. Mbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma' qaddu. Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: "Int, Mulej, taħsilli saqajja?" Ġesù wieġbu: "Int għalissa ma tafx x'qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar 'il quddiem." Qallu Pietru: "Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!" Wieġbu Ġesù: "Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x'taqsam miegħi." Qallu Xmun Pietru: "Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll." Qallu Ġesù: "Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll." Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal, 'M'intomx ilkoll indaf.' Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa' qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: "Tafu x'għamiltilkom? Intom issejjħuli 'l-Imgħallem' u 'il-Mulej', u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll." 


X’kuntrast tagħmel l-imħabba mat-tradiment! L-imħabba tassew tagħti lilha nnifisha sal-aħħar! Tifraħ ma’ ħbiebha. Tiċċelebra l-ħbiberija. Filwaqt li t-tradiment jaħseb għal rasu. Jitbiegħed minn ħbiebu. Anzi, jippjana kif se jeqridhom!


Ġesù, l-Imħabba tassew, jilbes il-fardal u jaħsel ir-riġlejn. “Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom u f'Ġerusalemm titfarrġu” (Is 66:13). Araħ! Ġesù jgħix dan it-test mill-profeta Isaija u jfarraġ lil dawk li jħobb! U fih huma mfarrġin! L-imħabba tassew taqdi. Dan hu li tfisser l-Ewkaristija. Li jien ngħidlek: “Ħija! Oħti! Dan hu ġismi mogħti għalik! Dan hu demmi mogħti għalik!” Jiġifieri, jiena għas-servizz tiegħek! Li għandek bżonn qabbadni!


Jiena xejn ta’ servizz għall-oħrajn? Jew jiena wieħed minn dawk li nwiegħed lil ħa ngħinek, imbagħad, waqt is-siegħa tal-bżonn, indabbar rasi?


Mulej, tini l-qawwa tiegħek ħalli bħalek naqdi minn qalbi lil kull persuna li int tlaqqagħni magħha! Amen.


 

L-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa
Mattew 26:14-25

"Mbagħad wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: "Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f'idejkom?" U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom. Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: "Fejn tridna nħejjulek l-ikla ta' l-Għid?" U hu qalilhom: "Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, 'Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla ta' l-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.' "  Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta' l-Għid. Għall-ħin ta' filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal: "Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini." Huma bdew isewwdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: "Jaqaw jien, Mulej?" U Ġesù weġibhom: "Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f'idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!" Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: "Jaqaw jien, Rabbi?" Wieġbu Ġesù: "Int qiegħed tgħidu."

Għall-qliegħ baxx tal-flus Ġuda għażel li jsir iben id-dlam biex ibiegħ “lid-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1:9). Id-dlam ibiegħ lid-dawl! Lil Dak li qal: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). Il-Knisja terġa’ tagħtina l-istess test tal-jum ta’ qabel, din id-darba fil-verżjoni skont San Mattew, biex tfakkarna li t-tradiment huwa parti mill-ħajja. Madankollu, b’imħabba ta’ omm, turina li l-ħażen ma fihx risq! Anzi, il-ħażen tant kemm hu ħażin li kien ikun aħjar għalih li kieku qatt ma eżiżta!


Meta se nitgħallem li jekk nitfa’ l-ġebla u naħbi idi se ninqabad żgur? X’qiegħed nistenna biex nibdel ħajti u ngħix ħajja sinċiera quddiem Alla? Deċiż li nieħu d-deċiżjoni u nieqaf inħawwad?


Mulej, iktibli l-liġi tiegħek f’qalbi u għinni nħarisha. Amen.


It-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa
Ġwanni 13:21-33, 36-38

"Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: "Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini!" Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b'rasu ma' sider Ġesù. Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: "Għal min qiegħed jgħid?" Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh: "Min hu, Mulej?" Wieġbu Ġesù: "Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu." Mbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha lil Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota. Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: "Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx." Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajjlu lil Ġesù jgħidlu, 'Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa,' jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra. Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ 'il barra. Kien billejl. Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: "Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta' Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu. Qallu Xmun Pietru: "Fejn sejjer, Mulej?" U Ġesù wieġbu: "Fejn sejjer jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard." Qallu Pietru: "Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti!" Wieġbu Ġesù: "Inti, tagħti ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet!"

Il-ħażen jinkixef! Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma! Il-ħażin supperv. Arroganti. Jagħmel ta’ rasu. Ma jinfetaħx għall-Mulej imma jwebbes qalbu. L-għaliex sidu hu x-xitan! Sid it-twebbis il-qalb.


Imma meta l-ħażen jitwarrab mix-xena l-glorja ta’ Alla tidher! Meta l-maskra tal-faċċoliżmu taqa’ l-ferħ tal-imħabba veru tixref u tiddi. Imma, għax qiegħdin fid-dinja, il-ħażen jerġa’ jgħolli rasu! U, int u jien, bix-xewqat twajbin tagħna biex nagħmlu t-tajjeb, nerġgħu naqgħu fil-ħama tal-ħażen. Dan jiġrilna l-għaliex flok nitolbu lill-Mulej biex jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna nilagħbuha kemm aħna bravi ma’ Alla!


Mulej, saħħaħli d-dgħjufija fir-rieda tiegħi ħa nħobbok kif jixraqlek. Amen.

It-Tnejn Tal-Ġimgħa Mqaddsa 
Ġwanni 12: 1-11

"Sitt ijiem qabel il-festa ta' l-Għid Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma' Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b'xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ. Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: "Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?" Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kull ma kienu jaqilgħu. Qallu Ġesù: "Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni. Kotra kbira ta' Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f'Ġesù."  

 

L-iskużi m’hawnx agħar minnhom! Il-kliem ħelu imma fieragħ l-għaliex ma jfissirx dak li jgħid, hu misħut! Ġuda lagħabha tal-karittativ. Imma f’qalbu kellu pjanijiet oħra! Ġesù malajr jaqtagħlu l-għatx bil-perżuta. Jikxfu! Li ried veru jagħti karità dejjem kien se jsib lil min se jagħtiha. Foqra hawn kemm trid! Imma kien meħtieġ li Ġesù jiġi midluk. Inġib skużi biex ma nagħmilx dak li Alla jrid minni? Ninqeda b’affarijiet tajba biex ma nagħmilx karità? Inħobb inrekken?

Barra minhekk ara ftit fejn twassal l-għira! Il-qassisin il-kbar, l-għaliex “ħafna mill-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f'Ġesù” (Ġw 12:11), riedu joqtlu lil Ġesù b’Lazzru b’kollox! Għajjur xejn jien? Fejn wasslitni l-għira? Wasalt biex inweġġa’ lil akbar ħbieb tiegħi ħtija tal-għira li għandi?

Mulej, iflini, u kun af ħsibijieti. Ara iniex miexi fi triq ħażina, u mexxini fit-triq ta' dejjem (Salm 139:23-24). Amen.

 

Ħadd il-Palm tal-Passjoni tal-Mulej 

Mattew 21:1-11

"Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: "Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh, 'Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa' jibgħathom lura.' Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal, 'Għidu lil bint Sijon: Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija.’Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom. Għadd kbir ta' nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajjtu u jgħidu: ”Hosanna lil Bin David! Mbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!” Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet. "Dan min hu?" bdew jgħidu. U l-folol weġbuhom: "Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija."

Ġesù jagħmel id-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm kif kien ħabbar il-profeta Żakkarija. Madankollu Ġesù, il-Messija Imwiegħed, jidħol f’Ġerusalemm, “il-belt tas-sultan il-Kbir” (Mt 5:35), fuq felu ta’ ħmara. Alla li jista’ kollox juri l-qawwa tiegħu f’daqshekk umiltà. U Ġerusalemm, “il-belt ta’ Alla” (Salm 48:2. 9), se tarrestah, tikkundannah u ssallbu! Sewwa mela kien ħabrilha: “Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! ” (Lq 13:34).


Għaliex niffanfra meta Alla jogħġbu jużani, anki jekk ma jistħoqqlix, biex bija jagħmel il-ġid? Meta hu tant umilja ruħu? Ġieli niftaħar li jien ma’ Ġesù u mbagħad nispiċċa ndur kontrih għax fil-ħajja privata tiegħi nagħmel li jaqbilli?


Mulej, imlini bl-umiltà tiegħek ħalli ma nkunx qasba tixxejjer mar-riħ. Amen.