Ħadd ma jista jgħid b’ċertezza meta bdiet il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħaż-Żebbuġ. Nistgħu nimmaġinaw li f’raħal daqstant antik (kien L-evidenza dokumentata tmur lura sal-1824 biss. Ħawnhekk nafu li Dun Gio Battista Attard li kien il-prokuratur tal-Via Sagra ħabbrek biex ikabbar il-funzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Peress li f’Ħaż-Żebbuġ qatt ma kien hemm Fratellanza tal-Kurċifiss, jista jagħti l-kas li l-istess prokura tal-Via Sagra kienet tagħti sehemha fl-organizzazzjoni tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Kien f’dan iż-żmien ukoll li nħaddmu xi vari mill-istatwarju Mosti Antonio Mifsud u li anki ġew mogħnija b’indulġenzi mill-Arċisqof Mattei. Fl-istess żmien bdiet il-ħjata tad-damask l-iswed għall-Knisja Parrokjali. Għall-ħabta tal-1840 sar Monument (ara tagħrif dwar il-Monument aktar l-isfel).
diġa’ Parroċċa fl-1436), id-devozzjoni lejn il-passjoni u l-mewt ta Kristu dejjem kienet qawwija. Minn dokumentazzjoni tal-istoriku Żebbuġi, Dun Salv Ciappara, nafu li sal-1742, mastru Saverio Laferla kien diġa’ ħadem numru ta’ vari tal-kartapesta għal din il-Parroċċa. Dan iżda ma jfissirx li bilfors dawn kienu jinħarġu f’purċissjoni. Li nafu hu li kienet issir purċissjoni bil-Monument mill-Knisja Parrokjali għall-Kappella tal-Madonna tal-Grazzja fejn il-korp ta’ Kristu kien jitħalla sas-sena ta’ wara.
Il-purċissjoni kif nafuha llum tmur lura sal-1973. Dik is-sena ġie deċiż li numru ta’ persunaġġi bibliċi u suldati Rumani jibdew jieħdu sehem fil-purċissjoni. Għalhekk ġie meħjut l-ilbies li tħallas mill-individwi li kienu se jilbsuhom stess.Din l-inizzjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna u matul is-snin baqa’ jiżdied il-vestwarju u l-oġġetti simboliċi li jinġarru waqt il-purċissjoni. Jieħdu sehem kemm irġiel kif ukoll nisa minbarra t-tfal. Illum l-ammont ta’ nies li jieħdu sehem fil-purċissjoni jiżboq il-ħames mija. Fis-sett ta’ Ħaż-Żebbuġ insibu għaxar vari li jiżżejnu b’mod partikulari ħafna, bix-xemgħat twal jalternaw ma vażuni bil-fjuri madwar il-vara kollha.
L-Ort
Din il-Vara nħaddmet mill-istatwarju Ġuzeppi Caruana fl-1955. Hija xogħol fil-kartapesta li ħadet post vara ferm aktar antika imma li ma setgħetx tiġi rranġata wara li tmermret għal kollox.
It-Tradiment Ta' Guda
Din il-Vara bi tliet persunaġġi, jiġifieri Ġesu', Ġuda u San Pietru nħaddmet mill-istatwarju Ġlormu Dingli fl-1978. Interessanti li min barra f'din il-lokalita, huwa biss fin-Naxxar li naraw l-figura ta' San Pietru fix-xena tat-tradiment ta' Ġuda.
Il-Marbut
Il-figura ta' Kristu għadha mis-sett originali u saret fl-1826 mill-istatwarju Antonio Mifsud. Il-Manigold huwa xogħol riċenti tal-istatwarju Michael Camilleri Cauchi u żdied fl-1985.
Il-vara kif kienet toħroġ qabel l-1985
Ecce Homo
L-Ecce Homo ta' Haż-Żebbuġ hija l-unika vara ta' dan il-misteru f'Malta li għandha erba' persunaġġi. Madankollu, iż-żidiet saru matul iz-zmien. Kristu huwa xogħol l-istatwarju Mosti Antonio Mifsud (in-najċi) li għall-ħabta tal-1826 kien ħadem numru ta' vari għal dan il-lokal. Il-figura tas-suldat Ruman zdiedet fl-1987 u nħaddmet mill-istatwarju ta' zmienna, Michael Camilleri Cauchi. Tiegħu ukoll huma l-figuri ta' Pilatu u l-paġġ tiegħu, xogħol li tlesta fl-1997.
.
Il-Veronika
Sal-1990, din il-Vara kienet toħroġ bil-figura tal-Veronika waħedha. Din hi xogħol bil-kartapesta ta' Ġuzeppi Caruana u saret fl-1954 peress li l-vara oriġinali tal-1826 kienet tmermret għal kollox. L-istatwi ta' Kristu mgħobbi bis-salib u l-mara ta' Ġerusalemm inħadmu bil-kartapesta mill-istatwarju Michael Camilleri Cauchi u tlestew fl-1990.

Fatt kurjuz huwa x-xebħ bejn din il-figura tal-Veronika u dik li nsibu Bormla (ta' Abram Gatt -1903) tant li ħafna nies isejħulhom it-tewmin.
Ir-Redentur
Din il-Vara hija xogħol Spanjol u nġiebet Malta fl-1960. Ir-Redentur ta' qabel (ara ritratt bl-iswed u l-abjad) kien meqjus daqxejn goff għal mal-kumplament tas-sett u kellu ħsarat kbar.
.
Ġesu' Mgħejjun Miċ-Ċirinew
Din il-vara tippreżentalna lil Xmun iċ-Ċirinew flimkien maż-żewġ uliedu iħarsu lejn Kristu. Dan huwa xogħol bil-kartapesta ta Ġlormu Dingli u tlesta fl-1964. Is-salib li qed iġorr Xmun huwa tal-kewba u sar minn Filippu Camilleri.
Il-Vara L-Kbira
Il-Vara l-Kbira ta' Haż-Żebbuġ hija kkunsidrata opra ta' ġmiel. Din għadha mis-sett oriġinali tal-1826 u għalhekk xogħol il-Mosti Antonio Mifsud għalkemm matul is-snin inżebgħet diversi drabi.
Il-Monument
Kif jingħad fl-introduzzjoni għal din il-lokalita, il-purċissjoni f'Haż-Żebbuġ bdiet bil-Monument. Madankollu, dak li naraw illum m'huwiex l-oriġinali għax dan kien inbidel fl-1840. Il-qafas tal-Monument sar fuq disinn tal-professur Ġorg Pullicino filwaqt li x-xogħol tal-injam sar mill-mastrudaxxa Żebbuġi Saver Micallef. Il-Monument ġie ndurat diversi drabi bl-aħħar darba mid-ditta Darmanin tal-Belt lejn tmiem is-seklu għoxrin. Fl-1971 id-drapp tiegħu li hu kollu bellus u purtieri u galluni ġie mibdul għal wieħed ġdid. L-anġli li jdawwru l-urna huma attribwiti lil Karlu Darmanin u ħadu post erba' inċensiera li kien hemm qabel. Il-korp ta' Kristu preżenti ġie maħdum fl-injam mill-iskultur Pontifiċju Ferdinando Perithonier f'Bolzano, l-Italja fl-1960.

Id-Duluri
Din hija l-uniku duluri f'Malta fejn il-Madonna tinsab ikkonfortata kemm minn San Ġwann kif ukoll minn anġlu ċkejken iżomm is-simboli tal-passjoni li huma tal-fidda. Din il-vara hija antika ferm u ġiet maħduma bil-kartapesta minn Mastru Saverio Laferla fl-1742. Lejn l-aħħar tas-snin ħamsin tas-seklu għoxrin, l-istatwi ġew immodifikati u mpittrin mill-ġdid minn Ġużeppi Caruana. Is-salib li naraw illum huwa tal-kewba.