Il-Vari Tal-Gimgha L-Kbira F'Malta

 Hames Intervisti

FIS-SENA 33 A.D. FL-AKBAR ĠIMGĦA TRAĠIKA FL-ISTORJA

Minn Alfred Grech

Iltqajt magħhom bil-fantasija.  Kienu hemm preżenti, raw kollox anzi ħadu wkoll  parti f'dak li sar.  Mort malajr fuqhom biex nagħmlilhom xi mistoqsijiet biex niġbor minn  fommhom l-impressjonijiet ħajjin ta' dawk l-avveninenti traġiċi.

 
Ninsabu f'Ġerusalemm -
Fis-sena 33 A.D. fil-ġimgħa ta' qabel l-Għid tal-Lhud.
 
HADD IL-PALM - Wieħed tifel
 
Il-folla kbira ta' quddiem it-Tempju qed tonqos.  L-art hija miksija bil-palm u l-friegħi taż-żebbuġ.  Jgħaddi tifel minn quddiemi u nwaqqfu.  Jidher ftit fuq tiegħu u mimli kollu trab.  X'ser ngħidlu?  Oqgħod, ġej fuqi hu.
 
 "Rajt x'ġurnata kellna, eh!  Jien qatt ma rajt waħda hekk. Ħadt pjaċir ħafna u tgħidx  kemm qtajt palm u żebbuġ mis-siġar... ara, għandi girfa f'saqajja.  Imma xorta kuntent, taf!  Jien hemm kont, quddiemu u tbissimli waħda...  Tant bdejt ngħajjat li nħnaqt.  Mela kien hemm raġel u beda jsikkitna, u trid tara x'qallu Ġesu': "Jekk jieqfu dawn it-tfal, jibdew jgħajtu l-iġbla".  Ġurnata ta' ferh... imma dik it-tbissima, iva, dik it-tbissima li tani Ġesu' ma ninsieha qatt...."
  
ĦAMIS IX-XIRKA - Appostlu
 
Qed jinfetaħ il-bieb tas-sala fejn Ġesu' għamel l-aħħar ikla Tiegħu.  Issa, ara, ħerġin.  Iva, Ġesu' u ħdax-il-raġel miegħu.  Diġá dalam, iżda l-qamar qed idawwal xi ftit it-toroq.  Wieħed mill-Appostli baqa' fis-sala għax nesa' xi ħaġa.  Ħiereġ.  Nitolbu l-impressjonijiet tiegħu.  Jidher qisu mbikkem.
 
"Ma nistax nispjega, imma... l-Imgħallem jidher imħasseb... qalilna li se jħallina... ma nistax nifhem.  U mhux il-lum l-ewwel darba li qalilna hekk.  Rajt ftit ġranet ilu xi trijonf?  Naħseb li fi ftit xhur kulħadd ikun Miegħu... Ħaġa waħda ma' stajtx nifhem il-lejla: f'ċertu mument l-Imgħallem qabad biċċa ħobż u berikha:  "Dan hu Ġismi."  Qabad kalċi ta' l-inbid: "Dan hu Demmi li jiġi mxerred..." "Mxerred?  Allura għandu jmut?  Imma l-priedki tal-lejla fuq l-imħabba?...  Skużi, ser nħallik għax l-oħrajn bilkemm jidhru.  Sejrin nitolbu fil-Ġetsemani..."

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA - Ċenturjun
 
lltqajt miegħu ftit wara li daħal mas-suldati wara li lestew dmirhom fuq il-Golgota.  Qed ineħħi l-korazza.  Jidher imdejjaq ferm.
 
"L-impressjonijiet tiegħi?  Ġurnata mill-agħar, anzi l-agħar waħda ta' ħajti.  Pajjiż misħut!... Tistaqsini għaliex qatluh?  Mur staqsi 'l Pilatu.  Imma dak ir-Raġel li sallabna ma kienx xi raġel mill-agħar bħat-tnejn l-oħra.  Dak kien l-Iben t'Alla, u nista' naħilfu.  Għidli ħaġa, inti qatt rajt fit-tlieta ta' wara nofs in-nhar, ix-xemx u l-art titriegħed bħal f'terremot tal-biża' għall-għajta ta' wieħed ikkundannat għall-mewt?  Li kieku rajtu kif rajtu jien!...  L-anqas ma wera sinjal ta' mibegħda, anzi talab għalina...  Qed taraha din il-lanza?  Din daħlet sa hawn fil-kustat Tiegħu, u f'dik it-tiċrita rajt il-qalb ta' Alla.. Skużani taf imma ma' nistax inkompli aktar...."
 
IL-ĠIMGĦA BIL-LEJL - It-tifel tal-Ħadd li għadda
 
lt-toroq ta' Ġerusalemm huma ffullati bin-nies għax waslet il-festa ta' l-Għid. Madankollu m'hemmx dak il-ferħ tas-soltu.   Malli n-nies jidħlu fit-Tempju jaraw il-purtiera l-ħoxna maqsuma.  Qed jgħidu anke li xi mejtin irxuxtaw u dehru f'Ġerusalemm.  Kif kont għaddej naħseb u nħares mistagħġeb, nerġa' nilmaħ dak it-tifel ta' nhar il-Ħadd.  Iżda x'differenza!  Issa m'għadux ferħan, iżda b'għajnejh ħomor bid-dmugħ.
 
 "Qed tara x'għamlulu ja kefrin? X'nistgħu nagħmlu aħna t-tfal?  Qagħadna nittawlu mit-tieqa u rajnieh imbiċċer u iġorr is-salib... Wara mort niġri fuq il-Golgota, rajthom isammruħ u smajt id-daqqiet tal-martell... Ftit ilu, minn hawn għadda grupp ta' suldati; qalu li sejrin għassa mal-qabar Tiegħu... Ja kattivi li huma!  Jaħasra, tgħidx kemm kien iħobbna, imma issa, imma issa qatluh..."  Hawnhekk it-tfajjel infexx jibki.
 
L-GĦODWA TA' L-GĦID - Suldat
 
Kulħadd jidher jitkellem taħt l-ilsien.  Qisu ġara xi ħaġa mhux tas-soltu.  Nersaq lejn grupp ta' pellegrini u f'nofshom nilmaħ suldat kollu eċċitat li qiegħed ikellimhom.
 
 "Ħaġa li ma titwemminx.  Stħajjiltu l-aħħar tad-dinja!  Il-blata l-kbira tal-qabar ġiet imwarrba ma nafx kif.. qisha biċċa injama... Terremot tal-biża' u dawl qawwi li jagħmik...  u kollha ħrabna.  Le, le, dak ir-Raġel ma kienx biss bniedem.  Issa qam aktar qawwi minn qabel.  Dak kien verament l-Iben t'Alla.  Issa kulħadd ikun jaf.. u tawna wkoll xi ħaġa tal-flus biex ma nitkellmux!... Imma lil Alla ma jirnexxilhomx jagħlqulu ħalqu.  Issa d-dinja kollha tkun taf... id-dinja kollha!"