Mill-ftit dokumenti li għandna, jidher li l-purċissjoni f'Ħal Luqa ilha ssir mal-225 sena. Dan għax nafu li lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, kien hemm Luqin li ħallew flus u assi apposta biex ikunu jistgħu jsiru xi vari. Nistgħu għalhekk nissoponu li l-ewwel sett ta' vari tlesta fl-aħħar ħmistax-il sena tas-seklu tmintax għalkemm ma nafux min kien l-istatwarju tagħhom. Huwa dokumentat li l-Isqof Labini fl-1795 ħatar lil Dun Frangisk Cassar bħala prokuratur tal-vari tal-passjoni. Tajjeb ngħidu li l-prokura baqgħet dejjem titmexxa minn qassis sal-1928 meta mbagħad beda jinħatar Prokuratur lajk.
L-ewwel tibdil fis-sett l-antik sar fl-1830, meta tqabbad Giuseppe Vella mill-Belt Valletta biex jirrestawra xi vari u jaħdem oħrajn ġodda. Huwa difficli ngħidu kemm u liema kienu l-vari ġodda li ħadem Vella imma l-istudjuż Joseph F. Grima jagħtina x'nifhmu li dan ma ħadimx is-sett kollu ta' Ħal Luqa bħalma kien għamel għar-raħal ta' Ħal Għaxaq. Jingħad ukoll li l-kurċifiss li għadu jinsab fis-sagristija tal-knisja huwa l-uniku statwa li fadal miss-sett l-antik.
Matul l-aħħar gwerra dinjija, il-maħżen fejn kienu jinżammu l-vari ntlaqat mill-bombi bil-konsegwenza li dawn sofrew ħsarat kbar. Kien xogħol delikat ħafna biex reġgħu ġew irrestawrati minn diversi nies kif jissemma mal-istorja ta' kull vara aktar l-isfel. Bejn l-1951 u l-1952, il-bradelli skulturati li kienu nħaddmu qabel il-gwerra iżżejnu b'sett brazzi sbieħ b'bozoz forma ta' fjamma u b'girlanda ta' fjuri artifiċjali. Fis-sena 1973 żdiedet il-vara tat-tradiment ta' Ġuda.
Bħall-lokalitajiet l-oħra kollha, il-persunaġġi Bibliċi li jieħdu sehem fil-purċissjoni bdew jiżdiedu b'rata mgħaġġla wara l-aħħar gwerra. Qabel, għajr raġel jerfa' salib kbir tal-kartapesta fil-bidu tal-purċissjoni (drawwa li kienet bdiet fir-Rabat Malta ħafna snin qabel), xi tfal iġorru xi simboli, Nikodemu u Ġużeppi ta' Arimatea u xi żewġ suldati ma kontx tara. Żdied bil-bosta l-armar u t-tiżjin fil-purċissjoni. Jieħdu sehem ukoll l-iscouts idoqqu l-bugles quddiem ir-Redentur, u l-baned L-Unjoni u Sant'Andrija li jakkumpanjaw il-purċissjoni sena kull waħda. In-nisa ħadu sehem għall-ewwel darba fl-1990 jirrapreżentaw nisa fil-Bibbja bhal Ester, Ġuditta, il-Madalena u oħrajn.
Fl-1995, beda program ta' restawr intensiv fuq xi vari filwaqt li nħaddmu oħrajn ġodda. Għal dan ix-xogħol intagħżel l-istatwarju Tarxiniż, Renzo Gauci.
Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f'Ħal Luqa
Il-Ġimgħa 2 t'April 2010 fis-5.30pm
L-Ort
Il-Vara tal-Ort li naraw illum hija xogħol ġdid tal-artist Tarxiniż ta' żmienna, Renzo Gauci. Inħadmet fil-kartapesta u tlestiet fl-2000. Il-vara ta' qabel kienet saret fl-1830 mill-istatwarju Gużeppi Vella. Bħal vari kollha ta' Ħal Luqa, din kienet sofriet ħsara kbira matul il-gwerra u ġiet irranġata minn Karmenu Mallia u Karmenu Robinich.
It-Tradiment ta' Guda

Qabel saret din il-vara fl-1973, qatt ma kien hemm vara tat-tradiment ta' Ġuda f'Ħal Luqa. L-istatwarju tagħha hu Glormu Dingli li ħadem vari oħra tal-istess misteru għall-Mosta u Ħaż-Żebbuġ. Ta' min jinnota l-pożizzjoni xi ftit insolita ta' Ġuda li jidher ħosbien meta f'ħafna mill-vari ta' lokalitajiet oħra jidher riesaq biex ibus lil Kristu.
Il-Marbut

Għalkemm l-informazzjoni li għandna hija skarsa, jista jkun li din il-vara nħaddmet fl-1830 minn Gużeppi Vella li dik il-ħabta kien qed jirrestawra u jagħmel xi vari ġodda għal dan il-lokal. Wara l-gwerra ġiet restawrata minn Karmenu Mallia u Karmenu Robinich waqt li Karmenu Psaila reġa darha u żebagħha fl-1974. Fl-2006 reġgħet ġiet restawrata mill-artist Renzo Gauci.
'Ecce Homo'
Bħall-Marbut, naħsbu li din il-vara artistika hija xogħol Ġużeppi Vella u nħaddmet fil-kartapesta fl-1830. Hija waħda mill-ftit Ecce Homo li fadal fejn Kristu jidher fil-pożizzjoni tradizzjonali jiġifieri bil-qiegħda fuq kolonna. Din il-vara għaddiet mill-istess għawġ tal-vari l-oħra matul il-gwerra u bħalhom ġiet restawrata. L-artist statwarju Renzo Gauci għamel l-aħħar restawr fuqha fl-2006.
Ir-Redentur

Xogħol ieħor attribwit lil Guzeppi Vella tal-Belt u maħsub li sar fl-1830. Wara l-gwerra ġiet restawrata mal-vari l-oħra. Xi snin ilu, Renzo Gauci reġa’ rrestawra din il-vara. Ta' min jgħid li l-finimenti tal-fidda tas-salib saru fl-1976.
Il-Veronika
Din il-Veronika sabiħa hija xogħol ieħor ġdid li l-artist Renzo Gauci ħadem bil-kartapesta għall-parroċċa ta' Hal Luqa fl-1999. Fil-vara ta' qabilha, xogħol ieħor ta' Guzeppi Vella tal-1830, il-Veronika ukoll kienet tidher waħedha. B'sodisfazzjon nistgħu ngħidu li l-vari l-qodma li nbidlu fl-aħħar żminijiet għadhom s'issa qed jinżammu fi stat tajjeb u j'Alla nkunu nistgħu nibqgħu ngawdu dawn l-opri li tant qanqlu devozzjoni f’missirijietna matul iż-żmien.
Il-Vara l-Kbira
Il-Vara l-Kbira li wieħed jista' jara llum tgħaqqad il-passat mal-present. Dan għaliex kif diġa’ għidna bnadi oħra, mill-1996 sal-lum, l-artist Renzo Gauci irrestawra xi vari u ħadem oħrajn ġodda għal dan il-lokal. Fil-kas ta' din il-vara, sar restawr estensiv fuq il-kurċifiss u l-Madonna li huma xogħol antik ta' Guzeppi Vella tal-1830. Fl-istess żmien, Renzo Gauci ħadem mill-ġdid il-figuri ta' San Ġwann u l-Madalena. L-irjus skolpiti tas-salib, il-kartella tal-INRI, l-imsiemer u s-sejf tal-Madonna huma kollha xogħol tal-fidda u saru fl-1975. Sena wara saru wkoll tal-fidda, id-dijadema għall-Madonna u r-raġġiera għal San Ġwann .
Il-Monument
Għandna għax nifhmu li l-korp ta' Kristu mejjet huwa wieħed mill-aktar statwi antiki ta' dan ir-raħal. Dan ġie restawrat l-aħħar darba minn Renzo Gauci fl-1996. Il-Monument inħadem fl-1884 mill-iskultur Ċensu Decandia waqt li l-erba' kerubini li hemm fil-kantunieri saru minn mastro Karlu Darmanin. Matul il -gwerra, dan il-Monument ġarrab ħsarat kbar tant li litteralment inġabar biċċiet. Kien irrestawrat b'ħila kbira minn Amelio Giusti mill-Birgu u ndurat minn Pawlinu Bugeja u William Attard tar-Rabat.
Id-Duluri
Din il-Vara hija xogħol ieħor riċenti tal-istatwarju Renzo Gauci u żżanżnet fl-1997. L-istatwa l-qadima kienet mis-sett ta' Guzeppi Vella u għadha tinżamm esposta f'remissa fi Triq il-Parroċċa matul is-sena kollha. Il-finimenti skolpiti tas-salib huma tal-fidda u saru fl-1974.