Il-Vari Tal-Gimgha L-Kbira F'Malta

   Bormla

Bħall-kumplament tal-Kottonera, id-devozzjoni lejn il-passjoni ta' Sidna Ġesu Kristu f'Bormla għandha għeruq antiki ferm. L-Ordni ta' San Ġwann ġab miegħu numru ta' relikwi tal-passjoni u bla dubju dan kompla ħeġġeġ din id-devozzjoni fost il-poplu. Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jingħad li bdiet tiġi organizzata għall-ħabta tal-1694 mill-Fratellanza tal-Agunija u dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-purċissjoni ‘Ta’ Kristu Mejjet’ . Kienu jieħdu sehem fiha bosta fratelli u tfal li kienu jġorru xi torċi bin-nar u lanterni. 

F'Bormla, il-purċissjoni dejjem saret nhar il-Ġimgħa l-Kbira għalkemm bħall-postijiet oħra kienet issir tard fil-għaxija. Tradizzjoni antika li baqgħet għadejja sa xi snin wara l-gwerra kienet dik tad-daqqaq tal-fifra li kien jakkumpanjah tifel idoqq it-tanbur. M'hemmx dubju li l-melodija kiebja tagħhom kienet iżżid mal-atmosfera ta' niket. Minbarra l-fratelli u l-kleru, fil-purċissjoni żdiedu minn xi erbgħin sena 'l hawn, it-tfal u l-kbar lebsin b'vestwarju tal-epoka jirrappreżentaw persunaġġi Bibliċi u suldati Rumani.  

Huwa dokumentat li lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, il-Parroċċa ta' Bormla diġa' kellha sett ta' vari u żgur li sa nofs is-seklu tmintax dan kien magħmul mit-tmien vari tradizzjonali. Bl-eċċezzjoni tal-Monument, il-vari nbiddlu kollha matul is-seklu dsatax bl-akbar kontribut jagħtuh l-istatwarji Pietru Pawl Azzopardi u Karlu Darmanin. Fl-1972 żdiedet id-disgħa vara, dik tat-tradiment ta' Ġuda li reġgħet inbiddlet fl-1994. 

Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f'Bormla

Il-Ġimgħa 10 t'April 2009 fil-5.30pm 

L-Ort 

Vara sabiħa maħduma fil-kartapesta minn Karlu Darmanin fl-1878. Din il-vara hija pjuttost differenti minn oħrajn għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, minħabba x-xeħta ta' Kristu mal-art iħares lejn is-sema u wkoll għax Kristu jinsab imfarraġ minn żewġ anġli minflok wieħed u dan insibuh biss f'żewġ lokalitajiet oħra jiġifieri Hal Qormi u l-Katidral, Għawdex.  Is-salib f'idejn l-anġlu huwa tal-ebbanu u nħadem mil-mastrudaxxa Lorenzo Busuttil fl-1907 filwaqt li t-tliet finimenti tal-fidda saru fl-1914. Il-Kalċi tar-ram indurat ġie rregalat fl-1900. 

It-Tradiment ta' Guda

Kif għidna diġa', it-tradiment ta' Ġuda hija xena li żdiedet fil-purċissjonijiet tagħna matul is-seklu għoxrin u l-ewwel waħda f'Bormla iżżanżnet fl-1972 u saret mis-Sur Louis Vassallo. Għalkemm maħduma fil-kartapesta, l-idejn, is-saqajn u l-għamla tal-ġisem kienu tal-injam.

 

 

Fl-1994, saret il-vara li naraw illum, xogħol fil-kartapesta ta' l-istatwarju Michael Camilleri Cauchi. Jispikkaw f'din il-vara, il-movimenti vibranti bejn Kristu u Ġuda.

 

 

 

                                                                                                                                                                 

 

Il-Marbut

  

 

 

 

 

 

 

Il-Vara tradizzjonali ta' Kristu marbut mal-kolonna u fflaġellat inħadmet fl-injam mil-istatwarju Pietru Pawl Azzopardi u tlestiet għall-1840. Ta' min jgħid li l-vara li kien hemm qabel għadha teżisti u tinsab f'idejn privati.

 

 

 

 

 

 

 

 

        

Ecce Homo

 

 

Mix-xebh mal-Marbut, mill-ewwel tinduna li l-Ecce Homo hija xogħol l-istess statwarju, Pietru Pawl Azzopardi. Fil-fatt din il-vara maħduma fl-injam ġiet ikkumissjonata u tlestiet fl-istess żmien tal-vara tal-Marbut. Id-dijademi ta' dawn iż-żewġ vari saru mill-arġentier Franġisk Castagna fl-1858. Il-Porpra tal-bellus irrakmat bid-deheb saret minn Rosina Camilleri fl-1929. L-abbozz ta' din il-vara jinsab espost fuq l-artal ta' Sant'Andrija fil-kappellun tal-Kurċifiss.

 

 

 

 

 

 

 

 

______________________________________________________________________      

Ir-Redentur

Din il-Vara artistika hija xogħol ieħor fl-injam ta' Pietru Pawl Azzopardi. Il-Vara ġiet ikkummissjonata fl-1855, iżda minħabba xi kwistjonijiet li nqalgħu bejn il-Fratellanza u l-istatwarju, ma kienx qabel l-1858 li l-vara l-ġdida żżanżnet. Ta' min jgħid li l-vara ġiet eżaminata minn kummissjoni ta' tliet artisti li kollha kellhom kliem ta' tifħir għall-livell għoli ta' xogħol artistiku. Is-salib huwa tal-ebbanu b'finimenti tal-fidda. Id-dijadema saret fl-1858 mill-arġentier F.Castagna.  Fl-1991, il-vara nżebgħet mil-ġdid mill-istatwarju Għawdxi, Michael Camilleri Cauchi li reġa ħarġilha l-kuluri oriġinali tagħha.                                                

Il-Veronika 

Il-Veronika li tfisser  'xbieha vera'  hija xogħol sabiħ fil-kartapesta tal-istatwarju Bormliż Abram Gatt u nħadmet fl-1903 li mbagħad kif dokumentat irregalaha lill-Fratellanza tal-Kurċifiss fl-1910.

 Il-Vara l-Kbira

Il-figuri tal-Vara l-Kbira għajr għall-korp ta' Kristu fuq il-kurċifiss inħaddmu mill-istatwarju Karlu Darmanin fl-1876. Kristu msallab huwa xogħol l-artist Bormliż Abram Gatt. Is-salib tal-ebbanu sar minn Lorenzo Busuttil fl-1894 waqt li l-finimenti tal-fidda huma xogħol l-arġentier Pawlu Pace. Il-kartella tal-INRI inħadmet mill-arġentier Saverio Cannataci fl-1886. L-arġentier Alessandro Cassar, fuq disinn ta' Abram Gatt ħadem l-awreoli tal-fidda tal-Madonna u San Ġwann fl-1892. Id-dijadema tal-Kurċifiss tmur lura għall-1750 u saret mill-arġentier Francesco Speranza għalkemm ġiet rinovata fl-1894 mill-arġentier Pawlu Pace.

Il-Monument

Żgur li l-Monument huwa l-eqdem vara mis-sett ta' Bormla. Il-korp ta' Kristu huwa antik ħafna u jidher li qatt ma nbidel. Iżda ma nafux l-awtur tiegħu u meta sar. L-Urna jew is-sodda ta' Kristu ħadimha l-iskultur Petruzzo Borg fl-1757 u l-induratura għamilha Antonio Paris. Abram Gatt ta l-kontribut tiegħu bid-disinn tal-baldakkin tal-bellus li nħadem fl-1937 min Gużeppina Delia. L-aħħar tiswija saret fis-saqaf tal-urna fl-1974 mis-Sur G Minuti.

 Id-Duluri

 

 

 

 

 

Din il-Vara tlestiet mal-Vara l-Kbira fl-1876 u nħadmet mill-istess statwarju Karlu Darmanin. Is-salib u s-sellum tbiddlu fl-1896 u saru t-tnejn tal-ebbanu mill-mastrudaxxa Carmelo Pule'. L-arġentier Pawlu Pace ħa ħsieb jaħdem il-finimenti tal-fidda tas-salib, ir-raġġiera bl-istilel, il-kuruna tax-xewk, l-imsiemer u s-sandli. Il-Bormliż Abram Gatt iddisinja l-liżar li hemm mas-salib li nħadem minn Ġorġina Frendo fl-1937.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

          Muzika fl-Isfond....

Canto Gregoriano

 

 

 

              Coro de Monjes del Monasterio Benedictino

                              de Santa Domingo de Silos

 

 

 

       

Li Jmiss