Il-Vari Tal-Gimgha L-Kbira F'Malta

Il-Birgu

 Il-Parroċċa tal-Birgu kienet ilha mwaqqfa ħafna snin qabel il-wasla tal-kavallieri f'Malta u żgur li r-residenti ta' dawk iż-żminijiet bikrin kienu jaqdu d-doveri reliġjużi tagħhom. Madankollu, ftit għandna tagħrif dwar dan il-perjodu bikri.  Imma kif il-kavallieri ħadu l-pussess ta' din il-belt fl-1530, l-importanza tagħha kibret ħafna speċjalment minħabba l-fatt li l-Knisja ta' San Lawrenz saret il-knisja Konventwali tal-Ordni. Ma jistax jonqos li l-kavallieri, bħala l-kustodji ta' l-artijiet imqaddsa kienu jagħmlu funzjonijiet kbar f'Hamis ix-Xirka u fil-Ġimgħa l-Kbira. Żgur li kienu strumentali biex nislu fil-Maltin ta' dak iż-żmien qima speċjali lejn is-sepulkru mqaddes. 

Il-Purċissjoni tal-Birgu toħroġ mil-knisja ta' San Lawrenz Martri, mibnija bejn l-1680 u l-1697.   Hawnhekk huwa l-uniku lokal f'Malta fejn insibu  vari mlibbsa ħwejjeġ tal-bellus.  Fl-imgħoddi xi baħħara u negozjanti kienu impurtaw uħud min dawn il-vari (jew l-irjus u l-idejn u s-saqajn) direttament minn Spanja fejn din it-tradizzjoni kienet u għadha teżisti.  Id-data preċiża ta' meta bdiet din il-purċissjoni hija misteru għaliex ħafna mid-dokumenti relatati nqerdu fit-tieni gwerra dinjija meta ġġarfet is-sagristija u biċċa mill-oratorju tal-Fratellanza tal-Kurċifiss.  Fil-Birgu insibu is-sett tradizzjonali ta' tmien vari.

Il-Purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira fil-Birgu

Il-Gimgha 10 t'April 2009 fis-5.30pm

                                              

L-Ort

Fil-Vari tal-Birgu, il-persunaġġi huma mlibbsa bi ħwejjeġ rikki tal-bellus u mżejna b'galluni tad-deheb. Ir-ras ta' Kristu fl-ort hija attribwita lil Melchiorre Gafa', artist mill-Birgu li għex bejn l-1636-1678. Madankollu, sal-lum ma nstabet l-ebda evidenza li tipprova din l-ipotesi. Fil-fatt, esperti ohra f'dan il-qasam isostnu li hemm xebh kbir fix-xoghol ta wicc Kristu mal- Vari li hadem il-habsi Sqalli (c1700) ghall-Knisja Katidrali t'Ghawdex.

Iżda ta' min jgħid li dan l-aħħar, kien hemm min qabbel dan ix-xogħol artistiku ma dak ta' Giacomo Serpotta (1652-1732) skultur Palermitan li kien attiv ħafna fix-xogħol ta' l-istucco. L-anġlu sa qabel il-gwerra kien ta' Giovanni Darmanin u sar fl-1878, madankollu wara li ġġarraf fil-gwerra, ġie mibdul ma ieħor maħdum minn Guzeppi Caruana (il-marċjol) fl-1946. Is-salib f'idejn l-anġlu huwa tal-ebbanu.

Il-Marbut 

 

Din il-vara maħduma fl-injam minn Salvu Psaila fl-1831 hija meqjusa opra tal-arti u żgur li waħda mil-isbah vari tal-Birgu. Ta' min jgħid li qabilha kien hemm oħra ferm antika li kienet għadha teżisti sal-aħħar gwerra meta sfat meqruda.

Il-figura ta' Kristu ġiet iddekorata minn Dun Ġuzepp Calleja li ħareġ tajjeb il-kefrija tal-flaġellazzjoni. Aktar riċenti fl-1964, l-artist Censu Apap reġa dar u żeba' din il-vara.

 

 

 

 Ecce Homo

Bħall-Marbut, din il-vara tal-Ecce Homo inħaddmet fl-injam mill-iskultur Salvu Psaila fl-1831. Kristu jidher fil-forma tradizzjonali jiġifieri bil-qiegħda fuq kolonna, inkurunat bix-xewk bil-porpra fuq dahru u l-qasba f'idu.

 

Il-vara kienet ukoll dekorata minn Dun Guzepp Calleja. Fl-1978 ġiet irrestawrata minn Censu Apap. Ta' min isemmi li l-vara l-antika ta' qabel din, għadha miżmuma f'niċċa fil-Knisja tas-sorijiet ta' Santa Skolastika fil-Birgu.

 

 

 

 

Ir-Redentur

 

 

Ir-Redentur tal-Birgu huwa xogħol sabiħ fil-kartapesta tal-1865 attribwit lill-istatwarju Karlu Darmanin għalkemm xi wħud jgħidu li r-ras, l-idejn u s-saqajn huma xogħol ta' zijuh  Giovanni Darmanin.  Kristu huwa mlibbes libsa tal-bellus qed iġorr salib tal-ebbanu. Il-ħarsa ta' wiċċ Kristu tixhed niket u umilta' u tqanqal devozzjoni.

 

 

 

 

Il-Veronika

Ftit li xejn nafu dwar din il-vara għajr li nġiebet minn Spanja fit-tieni nofs tas-seklu tmintax għalkemm hawn min jaħseb li hija xogħol tas-seklu sbatax. Waqt li r-ras u l-idejn huma xogħol Spanjol, il-bust tagħha nħadem Malta. Il-figura tal-mara Lhudija hija mlibbsa ħwejjeġ tal-bellus u s-satin u għandha mantell bir-rakmu kif inhu wkoll il-maktur li żżomm f'idejha.

Il-Vara L-Kbira 

Din il-Vara l-Kbira prezzjuza hija xogħol ferm antik b'influwenza Spanjola qawwija. Inġiebet minn Spanja bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien li nġiebet il-Veronika. Nafu iżda, li l-kurċifiss nġieb minn Milan fl-1826. X'aktarx din kienet il-vara li bdiet il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Birgu. Il-figuri tal-Madonna, San Ġwann u l-Madalena huma lebsin bellus u satin fin b'galluni tad-deheb u b'dijademi u sandlijiet tal-fidda. Ta' min jinnota lil San Ġwann bil-mustaċċi, xi ħaġa li ma tantx hi komuni.

Il-Monument 

Is-sodda tal-Monument hija suġġetta ta' żmien l-ordni ta' San Ġwann li wisq probabli kienet tintuża waqt funerali ta' nies prominenti fl-Ordni. L-urna saret fl-1750 u nħadmet mill-arġentier Mastru Filippu Vella filwaqt li l-qafas tal-injam inkesa bil-fidda minn Anġlu Zarb. Maż-żmien saru diversi alterazzjonijiet iżda l-akbar restawr sar fl-1949 wara l-ħsarat li ġarrbet l-urna fil-gwerra. Dan sar minn Carmelo Pace Ferraud ta' Tas-Sliema. Fl-1980, wara li ġie deċiż li l-urna tibda tinġarr fuq l-ispallejn u mhux aktar fuq l-idejn, saret bażi ġdida minn Ġanni Pisani u ibnu li ħadmu wkoll sett lasti apposta. Il-korp ta Kristu mejjet huwa xogħol l-istatwarju Wistin Camilleri u ħa post iehor ta' Karlu Darmanin.

Id-Duluri 

Il-figura tal-Madonna tifforma parti mis-sett l-antik li nġab minn Spanja u għalhekk m'għandniex ħjiel min hu l-awtur tagħha. Oriġinarjament, il-Madonna kienet akkumpanjata minn anġlu jżomm kuruna tax-xewk f'idejh imma fl-aħħar tas-seklu dsatax ġie deċiż li dan jinbidel mal-figura ta' San Ġwann li ma nafux min ħadimha.

Li Jmiss....

  . . .  Isla  

 

Mur Fuq Nett Tal-Pagna