Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Is-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù fuq is-Salib

 minn Patri Mario Attard OFM Cap

 

Kristu Ġesù miet fuq is-Salib biex jeħles l-umanità. Jiġifieri biex jeħlisna minn dnubietna permezz ta’ mħabbtu għalina. Bħalma jirrakkuntawlna l-Vanġeli ta’ Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni fil-Bibbja Ġesù Kristu kien imwarrab, miċħud, imsawwat, iwaqqa’ għaċ-ċajt u ittorturat fil-pretorju. Ġarr salibu mill-Via Dolorosa f’Ġerusalem sal-Kalvarju. Hemmhekk kien imsallab u mdendel bejn żewġ ħallelin li kien jafhom kulħadd. Bata tbatija li diffiċli timmaġinha u tfissirha. Liema tbatija l-Knisja għadha tfakkar fil-Ġimgħa l-Kbira tal-Ġimgħa Mqaddsa.

 Wieħed jista’ jimmedita fuq il-Passjoni ta’ Kristu billi jirrifletti fuq is-Seba’ Kelmiet li tenna fuq is-Salib jew bid-devozzjoni Franġiskana magħrufa aħjar bħala l-Mixja tas-Salib.

Meta l-pellegrinaġġi reliġjużi għall-Art Imqaddsa intemmu bl-okkupazzjoni militari ta’ Ġerusalem fiż-Żminijiet tan-Nofs ingħata bidu għad-devozzjoni popolari, magħrufa aħjar bħala l-Mixja tas-Salib. Din bdiet matul ir-Randan. Hija tfakkar il-Passjoni, il-Kruċifissjoni u l-Mewt ta’ Ġesù. L-Erbatax-il Stazzjon tas-Salib huma: (1) Pilatu jikkundanna lil Ġesù għall-mewt; (2) Ġesù jerfa’ is-Salib tiegħu; (3) Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba; (4) Ġesù jiltaqa’ ma’ Marija Ommu, imnikkta; (5) Xmun jgħin fl-irfiegħ tas-Salib; (6) Il-Veronika tixxuttalu wiċċu; (7) Ġesù jaqa’ għat-tieni darba; (8) Ġesù ifarraġ lin-nisa ta’ Ġerusalem; (9) Ġesù jaqa’ għat-tielet darba; (10) Ġesù jitneżża minn ħwejġu; (11) Ġesù jiġi msallab mas-salib; (12) Ġesù imut fuq is-salib; (13) Ġesù mniżżel mis-salib; (14) Kristu imqiegħed f’qabar.

F’din ir-riflessjoni insibu Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù jiġfieri l-aħħar seba’ espressjonijiet ta’ Ġesù fuq is-Salib kif miktuba lilna fl-Iskrittura Mqaddsa.

 

 

L-Ewwel Kelma 

Missier, aħfirlhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Luqa 23:34).

Ġesù qiegħed iħares l’isfel mis-salib eżattament kif kien imsallab bejn żewġ kriminali. Huwa jara lis-suldati li għaddew biż-żufjett, sawtuh, ittorturawh u għadhom kif sallbuh mas-salib. Probabilment jiftakar ukoll f’dawk li qatgħuhielu għall-mewt, Kajfa u s-Sanhedrin, Ponzju Pilatu u Erodi. Imma qiegħed jiftakar ukoll fl-Appostli u l-ħbieb tiegħu li telquh. Jiftakar f’Pietru li ċaħdu għal tlett darbiet, fil-folla li ttradietu. Dik l-istess folla li jiem qabel faħħritu fid-daħla tiegħu f’Ġerusalem. Imbagħad, ftit jiem wara ,l-istess folla għażlitu biex jissallab minflok Barabba!

Tgħid qiegħed jaħseb ukoll fina li ninsewh kuljum f’ħajjitna? Tgħid qiegħed jirrabja meta jiftakar fina f’din il-qagħda? Le! Anzi fl-eqqel tat-tbatija fiżika tiegħu imħabbtu tirbaħ tant li jitlob lil Missieru biex jaħfrilhom!

Sal-aħħar sigħat tiegħu fuq l-art Ġesù jippriedka l-mħafra. Jgħallimna l-maħfra fit-talba tal-Missierna: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Meta mistoqsi minn Pietru kemm-il darba għandna naħfru lil xi ħadd Ġesù jwieġeb seba’ u sebgħin darba (Mt 18:21-22). Fl-Aħħar Ikla, Ġesù jfisser it-tisliba tiegħu lill-Appostli meta jgħidilhom biex jixorbu l-kalċi: “Ixorbu ilkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt 26:27-28). Ġesù jaħfer lill-mifluġ f’Kafarnahum (Mk 2:5), lill-adultera li nqabdet tiżni fil-fatt u kienet se tiġi mħaġġra (Ġw 8:1-11). U, anki wara l-Qamwien minn bejn l-Imwiet, l-ewwel missjoni li ta lid-dixxipli tiegħu kienet li jaħfru: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: Dawk li taħfulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20:22-23).

 

 

It-Tieni Kelma

 Tassew, ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi (Lq 23:43).

 Issa m’humiex biss il-kapijiet reliġjużi jew is-suldati li waqqgħu għaċ-ċajt lil Ġesù imma wkoll wieħed mill-kriminali. Madankollu sieħbu, li kien fuq in-naħa tal-lemin tiegħu, beda jitħaddet għal Ġesù. Huwa fisser li hu u sieħbu ħadu dak li kien ħaqqhom “imma dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). Imbagħad, waqt li dar fuq Ġesù, talbu: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42). X’fidi sabiħa għandu ġewwa fih dan il-midneb niedem f’Ġesù! Bil-wisq iktar minn dik ta’ Tumas, wieħed mid-dixxipli tiegħu stess, li ddubita. Il-ħalliel tefa’ fil-ġenb it-tbatija tiegħu. U Ġesù wieġeb bi ħniena bit-tieni kelma tiegħu.

 

It-tieni kelma hija mill-ġdid dwar il-fejqan. Din id-darba indirizzata lejn midneb. Bħall-ewwel kelma din l-espressjoni Biblika hija misjuba biss fil-vanġelu ta’ San Luqa. Ġesù juri d-Divinità tiegħu billi jiftaħ is-sema għall-midneb li jindem. X’ġenerożità din għall-bniedem li talbu biex jiftakar fih!

 

 

It-Tielet Kelma

 Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: ‘Mara. Hemm hu ibnek’. Imbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hemm hi ommok’ (Ġw 19:26-27).

 

Ġesù u Marija huma flimkien mill-ġdid. Kemm fil-bidu tal-ministeru tiegħu f’Kana u issa, fl-aħħar tal-ministeru pubbliku tiegħu, taħt is-Salib. X’niket mela lill-qalbha meta rat li Binha jiġi mgħoddi ż-żufjett, ittorturat u msallab. Għal darba oħra sejf nifed lir-ruħ ta’ Marija. Niftakru fit-tħabbira ta’ Xmun fit-Tempju (Lq 2:35). Hemm erba’ figuri taħt is-salib: Marija Ommu; Ġwanni, id-dixxiplu li kien iħobb; Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Ġesù jindirizza t-tielet kelma tiegħu lil Marija u kif ukoll lil Ġwanni, l-uniku wieħed li ra dak kollu li seħħ mill-kittieba tal-vanġeli.

Mill-ġdid Ġesù jqum ‘il fuq mill-okkażjoni. L-inkwiet tiegħu hu għal dawk li jħobbuh. Bħala iben tajjeb li hu Ġesù moħħu kif se jieħu ħsieb ommu. Fil-fatt dan il-passaġġ jagħtina prova li Ġesù kien l-uniku iben ta’ Marija. Dan għaliex li kieku kellu ħutu oħra bniet u subjien kieku kienu jieħdu ħsiebha huma. Imma Ġesù jħares lejn Ġwanni biex jieħu ħsiebha hu.

San Ġużepp mhux preżenti. Sa dan iż-żmien meta seħħet it-tisliba San Ġużepp kien probabbli diġà mejjet. Li ma kienx hekk li kieku lil Marija kien jieħu ħsiebha hu. Tradizzjonijiet bikrin Insara u l-apokrifa imsejjaħ Il-Protoevanġelju ta’ Ġakbu tat-tieni seklu jgħidulna li Ġużeppi kien armel u kellu ulied mill-mara li kellu. Huwa għalhekk li Ġesù kellu ħutu subjien u bniet.

Frażi oħra importanti li turi kemm Ġesù kien tassew l-uniku iben ta’ Marija hija Mark 6:3. Din il-frażi tirreferi għal Ġesù: “Dan m’huwiex il-mastrudaxxa bin Marija, u qarib Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m’humiex hawn magħna?” Issa, jekk Ġakbu, Ġożè u Ġuda u Xmun kienu wkoll l-ulied naturali ta’ Marija Ġesù qatt ma kien jiġi msejjaħ bħala “iben Marija” imma “wieħed minn ulied Marija”. 

 

 

Ir-Raba’ Kelma

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? (Mt 27:46 u Mk 15:34).

Din hija l-unika espressjoni ta’ Ġesù fil-vanġeli ta’ Mattew u Mark. Iż-żewġ vanġeli jirrakkuntaw li kienet id-disa’ siegħa, wara tlett siegħat ta’ dlam, li Ġesù għajjat din ir-raba’ kelma. Id-disa’ siegħa kienet it-tlieta ta’ wara nofsinnhar fil-Ġudeja. Wara r-Raba’ Kelma Mark jirrakkonta b’sens orribbli ta’ tmiem, “Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu” (Mk 15:37). 

Wieħed jintlaqat bil-mod ta’ tbatija ta’ din l-espressjoni meta mqabbla mat-tlett kelmiet ta’ Ġesù. Din l-għajta ġejja mill-qalb sofferenti ta’ Ġesù uman li qiegħed iħossu abbandunat minn Missieru u mill-Ispirtu s-Santu, biex ma nsemmix li ġie imwarrab tabilħaqq mill-Appostli, l-imseħbin tiegħu. Biex jemfasizza s-solitudni tiegħu Marku jippreżentalna lil dawk li Ġesù kien iħobb qiegħdin “jħarsu mill-bogħod” (Mk 15:40) u mhux ħdejh bħalma nsibu fil-vanġelu skont San Ġwann. Ġesù jħossu mifrud minn Missieru. Huwa jinsab waħdu. Sulu. Jeħtieġlu jaffaċċja mewtu waħdu.

Imma mhux dan ukoll iseħħ f’ħajjitna aħna u nħejju ruħna biex nħallu dan il-wied tad-dmugħ? Aħna wkoll nispiċċaw waħedna fil-pont ta’ mewtna! Bħalna Ġesù jgħix kompletament l-esperjenza umana tagħna. U billi jagħmel hekk jeħlisna mill-ħakma tad-dnub.

Ir-Raba’ Kelma tiegħu hija l-istess waħda li biha jinfetaħ is-Salm 22. Għalhekk l-għajta tiegħu mis-Salib tfakkar l-għajta ta’ Iżrael u tal-persuni kollha innoċenti li jbatu. Is-Salm 22 ta’ David jagħmel profezzija interessanti fuq it-tisliba tal-Messija fi żmien fejn il-tisliba ma kinitx teżiżti. “Taqqbuli jdejja u riġlejja; nista’ ngħodd għadmi kollu” (S 22:17-18). Is-Salm jissokkta: “Ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għall-libsa tiegħi” (S 22: 19).

M’hemm l-ebda mument fl-istorja tal-bniedem daqshekk tal-biża’ daqs dan il-mument. Ġesù, li ġie biex jifdina, huwa msallab. Huwa jirrealizza l-orrur ta’ dak li kien qiegħed iseħħ u ta’ dak li kien qiegħed jgħaddi mingħalih. Huwa kien se jiġi magħluq f’baħar qalil tad-dnub. Il-Ħażen jirbaħ. Ġesù stess jammetti: “Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!” (Lq 22:53). Imma din hija biss għall-mument. It-toqol tad-dnubiet kollha tal-bnedmin għall-mument iġibu taħt saqajhom l-umanità tas-Salvatur tagħna.

Imma ma kellux dan iseħħ? Ma kellux dan jiġri jekk Ġesù kellu jifdina? Huwa fit-telfien tal-umanità tiegħu li l-pjan Divin tal-Missier kellu jkun mitmum. Huwa b’mewtu li aħna meħlusa. “Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2: 5-6).

 

 

Il-Ħames Kelma

Għandi l-għatx! (Ġw 19:28).

 

 Il-ħames kelma ta’ Ġesù hija l-unika espressjoni umana tat-tbatija fiżika tiegħu. Ġesù issa jinstab f’xokk. Il-ġrieħi li ġew magħmula fuqu permezz tas-swat, l-inkurunazzjoni bix-xewk, it-tisliba fuq is-salib issa qiegħdin jagħmlu tagħhom.  Iktar u iktar wara li tilef demmu tul il-mixja ta’ tlett sigħat mill-belt ta’ Ġerusalem sal-Golgota fit-triq tas-Salib. Studji speċjalizzati fuq il-Liżar ta’ Turin, kif rappurtati minn Gerald O’Collins fil-ktieb tiegħu Interpreting Jesus, juruna li l-passjoni ta’ Ġesù kienet ħafna agħar milli wieħed fil-fatt jista’ jimmaġinha. Il-Liżar ġie studjat bl-akbar reqqa minn kull sistema xjentifika possibbli. Il-piż xjentifiku tal-prova qiegħed fuq dawk li ma jaċċettawx il-Liżar bħala l-liżar tad-difna ta’ Ġesù.

“Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (1 Pt 2:24).

 

 

Is-Sitt Kelma

Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu (Ġw 19:30)

 Issa huwa stat ta’ fatt. Is-sitt kelma hija l-għarfien ta’ Ġesù li t-tbatija tiegħu hi mitmuma filwaqt li xogħlu hu mitmum. Ġesù huwa ubbidjenti għall-Missieru. Huwa jagħti mħabbtu għall-bnedmin b’mewtu fuq is-Salib. 

Fil-mewt ta’ Ġesù jeżiżti paradoss interessanti. Dik li hi l-iktar ġurnata mdallma tal-umanità issir l-iktar waħda mimlija dija. Il-vanġeli flimkien ipinġulna dan il-paradoss. Il-Vanġeli sinottiċi jitħaddtu mill-orrur tal-ġrajja. Jiġifieri l-agunija fil-ġnien, il-ħarba mill-Appostli tiegħu, il-proċess quddiem is-Sanhedrin, it-tortura u ż-żufjett fuq Ġesù, it-tbatija tiegħu waħdu, id-dlam fuq il-pajjiż u mewtu kif inhuma mpinġija b’mod drammatiku kemm minn Mattew (27:47-51) u kif ukoll minn Marku (15:33-38). 

F’kuntrast il-passjoni ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta’ Ġwanni turi li huwa Sultan. Fi Ġwanni l-passjoni hija prova ċara tal-mixja trijonfanti tiegħu għall-glorja. Ġwanni jippreżenta lil Ġesù bħala dak li jmexxi l-azzjoni t-triq kollha hu. Il-frażi “kollox mitmum” iġġorr magħha sens ta’ temmija. Fi Ġwanni m’hemmx proċess quddiem is-Sanhedrin. Lanqas ma nsibu li lil Ġesù għaddewh biż-żufjett u li sawwtuh. Madankollu Ġesù huwa introduċut fil-proċess Ruman bħala: “Arawh is-sultan tagħkom!” (Ġw 19:14). Ġesù m’huwiex jogħtor jew jaqa’ bħalma nsibuh fil-Vanġeli Sinotiċi imma l-mixja tas-Salib hija ippreżentata b’majestà u dinjità għaliex “Ġesù rafa’ s-salib” (Ġw 19:17).

U fi Ġwanni, il-kitba fuq in-naħa ta’ fuq tas-salib hija miktuba b’mod qawwi: “Ġesù ta’ Nażaret, is-sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19). Bil-Latin il-kitba INRI fuq in-naħa ta’ fuq tas-salib hija Iesus Nazarenus, Rex Iudaeorum. Dawk li Ġesù kien iħobb jinsabu miegħu. B’determinazzjoni sħiħa Ġesù jagħti lil Ommu Marija lid-dixxiplu li ħabbu.

Meta Ġesù miet huwa “radd ruħu”. Ġesù jibqa’ fil-kontrol sal-aħħar. Huwa hu li ta l-Ispirtu tiegħu. Hawnhekk wieħed m’għandux iħalli għaddejja t-tifsira doppja. Għaliex din tista’ wkoll tiġi interpretata bħala l-mewta tiegħu ġejja mill-Ispirtu s-Santu. Bil-mod il-mod il-Vanġelu skont San Ġwann juri l-Ispirtu s-Santu. Ġesù jsemmi l-ilma ħaj fi Ġwanni 4: 10-11 meta jiltaqa’ mal-mara Samaritana ħdejn il-bir. Barra minhekk tul il-Festa tat-Tabernakli jirreferi għall-ilma ħaj bħala l-Ispirtu s-Santu. Dan insibuh fi Ġwanni 7:37-39. Fl-Aħħar Ikla Kristu jħabbar li hu se jitlob lill-Missier biex jibgħatilhom “Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:16-17). Il-kelma Difensur hija maqluba wkoll bħala l-Konsolatur, l-Għajjutant, il-Paraklitu jew Dak li jagħti parir. “Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġw 14:26). Is-simboliżmu tal-ilma għall-Ispirtu s-Santu jsir iktar magħruf fi Ġwanni 19:34: “Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma”. Il-ftuħ ta’ ġenbu jġib fi tmiemha l-profezija ta’ Żakkarija 12:10: “U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu”. Il-ftuħ tal-ġenb ta’ Ġesù huwa xebħ minn qabel tas-Sagramenti tal-Ewkaristija (id-demm) u l-Magħmudija (l-ilma) u kif ukoll tal-bidu tal-Knisja.

 

 

Is-Seba’ Kelma 

Mbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).

Is-seba’ kelma ta’ Ġesù hija meħuda mill-vanġelu skont Luqa. Hija kelma li hija diretta lejn il-Missier fis-smewwiet. Sewwasew ftit qabel ma miet Ġesù jfakkar Salm 31:6: “F’idejk jien nerħi ruħi; int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa”. Luqa ripetutament jiddikjara l-innoċenza ta’ Ġesù: ma’ Pilatu (Luqa 23:4, 14-15, 22), permezz tal-kriminal (Lq 23:41) u immedjatament wara li miet miċ-ċenturjun stess: “Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: ‘Tassew li dan bniedem ġust!’” (Lq 23:47).

Il-vanġelu ta’ Ġwanni jirrakkonta li kien il-Jum tat-Tħejjija, il-jum qabel l-Għid (Pesah bil-Lhudi, Pascha bil-Grieg u l-Latin), fejn Ġesù ġie ikkundannat għall-mewt (Ġw 19:14) u ssagrifikat fuq is-Salib (Ġw 19:31). Miet fid-disa’ siegħa (it-tlieta ta’ wara nofsinnhar), jiġifieri madwar l-istess ħin li fih kienu jinqatlu l-ħrief tal-Għid fit-Tempju. Kristu sar il-Ħaruf tal-Għid bħalma jgħid San Pawl: “Il-Ħaruf ta’ l-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul” (1 Kor 5:7). Il-Ħaruf innoċenti ġie maqtul għal dnubietna sabiex aħna nkunu nistgħu ninħafru.

Ġesù temm il-missjoni Tiegħu: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù. Lilu Alla kkostitwieh vittma ta’ espjazzjoni b’demmu permezz tal-fidi” (Rum 3:23-25). Ir-relazzjoni ta’ Ġesù mal-Missier hija rivelata fil-vanġelu skont Ġwanni. Kien Ġesù li irrimarka: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10:30). Mill-ġdid fl-Aħħar Ikla Ġesù meta qal: “Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu” (Ġw 14:10). U hu jista’ jirritorna għand il-Missier: “Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja. Se nerġa’ nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier” (Ġw 16:28). Ġesù għex dak li ppriedka: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13).

 

Patri Mario Attard OFM Cap