Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Ir-Randan – bejn storja u tifsira

Kitba ta' Br Reno Muscat O.P.

Bħal kull entità oħra, il-Knisja kattolika għandha is-sena tagħha. Is-sena tal-Knisja tissejjaħ sena liturġika. Jekk matul is-sena tal-kalendarju insibu erba’ staġuni, matul is-sena liturġika insibu ħames żminijiet. Is-sena tibda bl-avvent, il-Milied, ir-randan, żmien il-Għid u ż-zmien ta’ matul is-sena. Ir-randan jiġi eżatt qabel l-Għid il-Kbir. Imma dan ma kienx minn dejjem hekk. Ma nafux eżatt fejn, kif u meta beda jiġi osservat dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Għid. Nafu imma li kellu żviluppi matul is-snin.


Nafu li fl-ewwel żewġ sekli tal-Knisja qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid il-Kbir kienu jsiru jumejn sawm. Imma dan is-sawm ma kienx wisq marbut maċ-ċelebrazzjoni imma kien marbut mas-sagrament tal-magħmudija li kien jiġi ċċelebrat fil-velja tal-Għid. Is-sawm għalhekk kien indirizzat aktar lil dawk li kienu sejrin jiġi mgħammdin milli għall-komunità Nisranija. Maż-żmien din id-drawwa bdiet issir mill-Insara kollha. L-iskop tas-sawm ma kienx wieħed ta’ penitenza imma wieħed ta’ axxetika.


F’ dak iż-żmien fil-belt ta’ Ruma, il-Ħadd ta’ qabel l-Għid kien jissejjaħ “Ħadd il-Passjoni” u fl-erbgħa u l-ġimgħa ta’ bejn dawn iż-żewġ ħdud ma kienx jiġi ċċelebrat is-sagrament tal-ewkaristija. Is-sawm matul din il-ġimgħa kollha beda fil-Knisja ta’ Lixxandra.


Aktar il quddiem bdiet tinħass ix-xewqa fost l-Insara li jibdew jimitaw l-erbgħin jum li Kristu kien għamel fid-deżert. Kienu fuq kollox l-irħieb tad-deżert li bdew din id-drawwa, imma bl-ebda mod ma kienet marbuta maż-żmien ta’ qabel l-Għid. Kienet esperjenza li wieħed kien jagħmel kull meta kien iħoss il-ħtieġa, u ġieli kienet issir darbtejn u anke tliet darbiet matul is-sena. Dan il-fenomenu beda jidher lejn l-aħħar tat-tielet jew fil-bidu tar-raba’ seklu.


Imma l-erbgħin jum ma humiex marbutin biss ma’ dan il-fatt li semmejna. Fil-Bibbja insibu fatti oħra li fihom erbgħin jum. L-erbgħin jum tad-dilluvju, (Ġenesi 7,4), l-erbgħin jum li Mosè  għadda fuq il-Muntanja Sinaj,(Eżodo 24,18), l-erbgħin jum mixi tal-Profeta Elija biex jasal fuq il-muntanja Ħoreb (1 Slaten 19,8), l-erbgħin jum li Ġona għamle jipprietka qabel Alla jeqred lill-belt ta’ Ninwe (Ġona 3,4) u fil-Ġdid Testment minbarra l-ergħin jum li Kristu għamel fid-deżert insibu wkoll l-erbgħin jum bejn il-qawmien mill-mewt u t-tlugħ tiegħu fis-sema. (Atti 1,3)


Imma ż-żmien ta’ penitenza qabel il-festa tal-Għid għadda minn proċess twil. Beda kif għidna b’ jumejn u ftit ftit beda jitwal iż-żmien. Minn tliet ġimgħat għal ħames ġimgħat u fl-aħħar wasal għal sebgħa.  Fis-seklu sebgħa, sewwa sew bir-riforma Gregorjana beda jiġi iċċelebrat l-Erbgħa tar-Rmied u għalhekk ir-randan beda jibda l-erbgħa. Dan il-jum huwa ċċelebrat mill-Knisja Latina kollha minbarra fir-Rit Ambrożjan. Fil-fatt ir-randan għall-Insara ta’ dan ir-rit jibda il-Ħadd ta’ wara. It-tqiegħid tar-rmied f’dan ir-rit isir l-ewwel Tnejn tar-randan, għalkemm ġewwa Milan (fejn huwa ċċelebrat dan ir-rit) bosta Nsara jmorru fil-knejjes ta’ Rit Ruman sabiex jattendu għat-tqegħid tar-rmied fuq ir-ras. Hawn naraw anke id-diffrenza fit-tul tar-randan. Filwaqt dak tar-Rit Ruman itul 44 jum, dak tar-Rit Ambrożjan huwa ta’ 40 jum.


Oriġinarjament it-tqegħid tar-rmied kien isir bħala rit ta’ penitenti pubbliċi li kienu jkunu talbu li jerġgħu lura fit-triq it-tajba. B’ att ta’ umiltà il-Papa wkoll u warajh il-kleru kollu bdew jirċievu rmied fuq rashom għax wara kollox kulħadd għandu bżonn ta’ riparazzjoni.


Hija drawwa antika li f’ Ruma il-Papa jiċċelebra l-quddiesa bit-tqegħid tar-rmied fil-bażilika ta’ Santa Sabina. Illum il-purċissjoni għal din iċ-ċelebrazzjoni tibda mill-bażilika ta’ Sant’ Anselmu, ftit mijiet ta’ metri bogħod. Imma fi żmien din il-purċissjoni kienet tibda mill-knisja ta’ Santa Anastasija. Minn Santa Anastasija sa Santa Sabina hemm telgħa li għalkemm mhix twila wisq, imma xejn ma hija pjaċevoli. Dan kien simboli tat-telgħa wieqfa li l-Insara għandhom jitilgħu sakemm jaslu għall-perfezzjoni ta’ ruħhom.


Tajjeb ngħidu li fil-quddies ta’ matul ir-randan la titkanta l-Glorja u lanqas tingħad l-Hallelulja. L-ilbies liturġiku huwa l-vjola minbarra fil-festi u s-solennitajiet u fir-raba’ Ħadd fejn jista’ jintuża il-lewn roża. Dan il-Ħadd jissejjaħ Ħadd il-ferħ u jintuża il-lewn roża b’sinjal ta’ ferħ. Barra minnhekk fir-randan huwa projbit li fuq l-altar jitpoġġew fjuri għajr fil-festi u s-solennitajiet u f’ Ħadd il-ferħ.


Il-Konċilju Vatikan II ġedded iż-żmien tar-randan. Fl-ewwel dokument ta’ dan il-Koncilju, hekk imsejjaħ Sacrosantum Concilium (109) insibu li żmien ir-randan għandu karattru doppju, l-ewwel billi jfakkar u jħejji għall-magħmudija u permezz tal-penitenza iwassal lill-fidili għall-misteru tal-Għid. Dan il-karattru doppju għandu jibda jinħass aktar kemm fil-liturġija kif ukoll fil-katekeżi liturġiku.


Is-sawm tar-randan illum tnaqqas drastikament u minn erbgħin jum inżilna għal jumejn biss ta’ sawm obligatorju, Ras ir-randan u l-Ġimgħa l-Kbira. Huma esklużi mill-obbligu tas-sawm it-tfal u l-anzjani kif ukoll il-morda. Dawn in-normi inħargu mill-Papa Pawlu VI fil-kostituzjoni appostolika Paenitemini  tas-17 ta’ Frar, 1966. Il-Katekismu tal-Knisja Kattolika jgħid ukoll li f’ jiem stabiliti mill-Knisja wieħed għandu jastjeni milli jiekol laħam u josserva is-sawm. (KKK 2041). Id-dritt kanoniku jgħidilna li kull fidil huwa obbligat li jagħmel penitenza, kulħadd kif jista’ (can1249).


Imma tajjeb ngħidu li huma bosta dawk li jastjenu jew isumu aktar minn jumejn biss. Id-drawwa li nhar ta’ ġimgħa ma jittikilx laħam hawn min iżommha mhux biss fiż-żmien tar-randan imma matul is-sena kollha. Huwa veru li l-knisja tobbligana nastjenu mil-laħam f’ dawn il-jumejn, imma ma tagħmilx sens jekk wieħed ma jiekolx laħam għax ma jkunx iħobbu jew inkella jiekol ikel rikk. L-iskop tal-Knisja huwa wieħed ta’ penitenza. Jekk f’ jum ta’ obbligu ta’ sawm u astinenza minflok biċċa laħam niekol denċi inkun qiegħed nidħaq bija nnifsi. L-iskop tas-sawm huwa il-kontroll tal-passjonijiet tal-bniedem speċjalment dawk konkupixxibili. Il-passjonijiet jew ġibdiet hekk imsejħa konkupixxibili huma passjonijiet tal-gula (ikel) u tal-ġenerazzjoni (sess).


Ir-randan huwa żmien ta’ tħejjija, żmien ta’ purifikazzjoni ta’ ħajjitna. Il-Knisja ma tpoġġilniex ir-randan bħala żmien ta’ tbatija imma bħala żmien ta’ preparazzjoni għall-qawmien tagħna ma’ Kristu. Jekk nagħrfu ngħixuh inkunu denji li ngħixu wkoll il-qawmien.


Br Reno Muscat O.P.  [email protected]